
Santa Luċija twieldet Sirakuża, Sqallija u għexet bejn is-sena 283 u 304. Ħafna mid-dettalji tal-ħajja ta’ din il-qaddis intilfu. Hi kienet ġejja minn familja nobbli. Missierha kien Ruman u ommha kienet Griega. Missier Luċija miet meta hi kellha biss ħames snin, u b’hekk rabbietha ommha. Flimkien ma’ ommha kellhom ifendu għal rashom.
Dak iż-żmien, Sqallija kienet taħt il-ħakma ta’ Dijoklezjanu, Imperatur Ruman pagan li kien jippersegwita lill-Insara tant li kien illegali li tkun nisrani. Luċija bdiet temmen fl-Alla Wieħed u Veru u kienet wegħdet bil-moħbi li tikkonsagra ħajjitha lilu. Fl-istess waqt, ommha – li kienet batuta f’saħħitha u xtaqet futur sigur u stabbli għal bintha – irranġat biex Luċija tiżżewweġ żagħżugħ minn familja pagana u sinjura.
Luċija stqarret ma’ ommha l-wegħda sigrieta tagħha li ma tiżżewigx. Insistiet li Ġesù Kristu biss kellu post f’qalbha u li xtaqet tagħti d-dota tagħha lill-foqra. Il-fidi qawwija ta’ Luċija kkonvinċiet lil ommha biex jagħmlu pellegrinaġġ flimkien lejn Katanja u jmorru fuq il-qabar ta’ Santa Agata li kienet mietet martri xi ħamsin sena qabel.
Kien f’dan iż-żmien li Luċija kellha viżjoni tal-Qaddisa, li ħabbritilha li ommha ser tfiq. Eventwalment ommha fieqet u rkuprat saħħitha. Sadanittant, Luċija baqgħet tirrifjuta li tiżżewweġ liż-żagħżugħ Ruman. Hu akkużaha li kienet Nisranija quddiem il-gvernatur pagan ta’ Sirakuża. Hi ġiet arrestata u ordnata tagħti ġieħ ix-xbieha tal-imperatur bħala sinjal ta’ ċaħda tal-Fidi Nisranija tagħha f’Ġesù Kristu.
Ir-rifjut ta’ Luċija għal dan l-att fisser il-kundanna tagħha għall-mewt. Il-kundanna kienet li tiġi maħruqa ħajja, iżda l-injam taħtha ma nħaraqx. Fl-aħħar nett, hija ġiet eżegwita billi nqatlet b’daqqa ta’ xabla f’għonqha fit-13 ta’ Diċembru tas-sena 304 W.K.
Santa Luċija hija l-qaddisa Patruna tal-għomja u tal-persuni b’mard fl-għajnejnhom.
