
San Martin de Porres spiss jiġi rappreżentat liebes iċ-ċoqqa tal-Ordni Dumnikan u jżomm xkupa f’idejh – karatteristiċi li jidhru kuntrastanti iżda li għamluh Qaddis!
Kien jismu Martin de Porres y Velasquez – isem impressjonanti għal Martin li kien ġej minn familja fqira f’Lima, fil-Peru. Martin twieled nhar id-9 ta’ Diċembru, fi żmien meta l-Peru kien taħt il-ħakma Spanjola, żmien li fih in-nies tal-post kienu oppressi u meħuda bħala lsiera. Il-missjunarji li waslu fir-reġjun iddefendew id-drittijiet tal-poplu, iżda mingħajr suċċess.
Martin twieled f’ambjent ta’ inġustizzji politiċi, soċjali u razzjali. Omm Martin, Ana, li kienet ta’ dixxendenza Afrikana, kienet skjava li ġiet meħlusa u għalhekk kellha l-ġilda skura. Missieru, Don Juan de Porres, kien nobbli Spanjol. Peress li l-ġenituri tiegħu ma kinux miżżewġin, Martin kien ittimbrat bħal, “mulatt” – jiġifieri wild illeġittimu ta’ razza mħallta. Meta twieldet oħtu, missieru abbanduna lill-familja għax kien jistħi li wliedu kellhom ġilda skura. Ana rabbiet lil uliedha waħedha fil-faqar, bil-ftit flus li kienu jagħtuha l-familji sinjuri li kienet taqdi. Hija tat lil uliedha formazzjoni religjuża tajba li minnha rriżulta li fil-qalb ta’ Martin trabbiet imħabba profonda lejn Alla, li kienet tidher ukoll fl-imħabba li kien juri lejn il-fqar u l-morda.
Ana bagħtet lil Martin fi skola primarja għal ftit snin, iżda imbagħad daħlitu bħala apprendist għand barbier, bit-tama li taqla’ xi dħul żejjed biex ittaffi l-faqar tagħhom. Dak iż-żmien, il-barbier ma kienx iqaxxar x-xagħar biss, iżda kien ukoll jipprovdi kura medika bażika. Martin kien iħobbha din is-sengħa għax kienet tagħtih l-opportunità li jkun ta’ servizz għall-oħrajn. Matul dan iż-żmien, kompla jikber fih sens profond ta’ talb u għaqda ma’ Alla. Kien jammira lill-Patrijiet Dumnikani, u fittex li jiġi aċċettat fosthom, għallinqas bħala fratell lajk mingħajr ma jipprofessa fil-ħajja reliġjuża, għax il-liġi Spanjola kienet tipprojbixxi lil dawk ta’ razza mħallta milli jsiru membri sħaħ ta’ ordni reliġjuża.
Meta Martin kellu 15-il sena, ingħata l-permess biex jgħix mal-komunità tal-Patrijiet Dumnikani, bħala voluntier, fejn kien jagħmel xogħol umli fil-kċina, jaħsel il-ħwejjeġ u jaħsel l-art. Huwa beda jipprattika s-sengħa tiegħu ta’ barbier u jassisti għat-talbiet mediċi. Aktar tard ġie inkarigat biex iqassam il-flus lill-fqar l-aktar fil-bzonn.
Is-Superjur tad-Dumnikani qabeż il-ligi Spanjola u aċċetta lil Martin bħala patri lajk tal-Ordni. Dan ġara meta kellu 24 sena. Sa dak iż-żmien, missieru kien aċċettah bħala ibnu, għalhekk ħa l-kunjom de Porres. Madankollu, kellhom jgħaddu għaxar snin oħra biex Martin jingħata ċ-ċoqqa Dumnikana u ġie nkarigat bħala infermier, kariga li baqa’ jżomm sa mewtu. Nies minn kull qasam tal-ħajja kienu jfittxuh għal pariri u kura medika, iżda minkejja dan, kien għad hemm min iħares lejh b’disprezz.
Fra Martin kien iqatta’ sigħat sħaħ quddiem Ġesù Sagramentat. Kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna u kien jagħmel ħafna penitenzi, saħansitra offra lilu nnifsu biex jinbiegħ bħala lsir meta l-komunità religjuża tiegħu kienet għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji. L-imħabba u l-attenzjoni tiegħu ma’ kellhom ebda distinzjoni, kien iħaddan lil kulħadd – skjavi Afrikani, nobbli Spanjoli, sinjuri u fqar, morda u dawk li kienu tilfu kull tama, speċjalment waqt l-epidemija f’Lima.
Martin wettaq fejqan mirakoluż permezz tal-interventi tiegħu. Barra minn hekk, waqqaf orfanotrofju għat-tfal abbandunati u skjavi, u kien jgħin lil kull min kien jirrikorri għandu. Miet meta kellu sittin sena, fil-kunvent tar-Rużarju Mqaddes ta’ Lima, fit-3 ta’ Novembru 1639. Ġiet bbeatifikat mill-Papa Girgor XVI fl-1837 u kkanonizzat fi-1962 mill-Papa Ġwanni XXIII.
