
San Xmun u San Ġuda jissemmew bħala tnejn mit-tnax il-Appostli li Ġesù sejjaħ biex jakkumpanjawh waqt li kien qed ixandar li s-Saltna ta’ Alla kienet fil-qrib u li t-tnejn li huma kienu magħrufa wkoll b’ismijiet oħra.
Xmun hu msejjaħ “il-Kananew”, u “iż-Żelota” bl-Aramajk u bil-Grieg, li t-tnejn ifissru l-istess ħaga: “l-Imħeġġeġ” minħabba l-fatt li kien mimli entużjażmu. Hu kien konvint kemm kien importanti li n-nies kollha jimxu mal-Liġi Lhudija. Iżda, wara li ltaqa’ ma’ Ġesù, Xmun sar imħeġġeġ għal Ġesù u t-tagħlim Tiegħu. Baqa jissejjaħ “l-Imħeġġeġ” ukoll biex jingħaraf minn Xmun Pietru.
Ġuda sar magħruf ukoll bħala Ġuda Taddew – titlu formali li m’għandux jiġi konfuż ma’ Ġuda l-Iskarjota, dak li ttradixxa lil Ġesù. Il-fidi kbira li kellu Ġuda hija xhieda tal-konvinzjoni li kollox huwa possibli jekk tkun ir-rieda ta’ Alla. It-tradizzjoni Nisranija tassoċja lil San Ġuda mal-leggenda tas-Sultan Abgar u mal-pittur tal-Wiċċ Imqaddes ta’ Edessa. Huwa jissemma wkoll fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, meta għamel mistoqsija li tmiss il-qalb lil Ġesù waqt l-Aħħar Ċena.
Wara t-Tlugh fis-Sema ta’ Ġesu’, Xmun mar jevanġeliżża fl-Eġittu, filwaqt li Ġuda mar fil-Mesopotamja. Aktar tard iltaqgħu fil-Persja (l-Iran tal-lum), fejn komplew ixandru l-Evanġelju. Il-fatt li t-tnejn kienu xiehda tat-tagħlim, tal-mirakli u tal-Qawmien ta’ Ġesù, u kienu ġew imsaħħa mill-Ispirtu s-Santu f’Pentekoste, in-nies emmnet ix-xhieda tagħhom. Eventwalment, ħafna min-nies laqgħu l-Aħbar it-Tajba u tgħammdu. San Xmun u San Ġuda mietu martri fil-Persja.
