Bekids.mt ġiet maħsuba għall-ewwel darba meta grupp ta’ nies li jaħdmu fil-qasam tat-tfal fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta ġew flimkien biex jippjanaw għaż-żjara tal-Papa Franġisku fl-2020. Iż-żjara tal-Papa kienet posposta għal April 2-3 2022, iżda din l-ewwel laqgħa fost ħafna seħħet dakinhar stess li l-iskejjel, il-knejjes u ċ-ċentri tal-katekiżmu f’Malta ngħalqu fost il-miżuri kontra l-pandemija COVID-19.
Dan is-sit b’riżorsi ta’ logħob, vidjows u krafts b’kontenut kateketiku nħoloq biex ikun t’għajnuna għall-ġenituri Kattoliċi, li jibqgħu l-aktar responsabbli għall-formazzjoni Nisranija ta’ wliedhom. Inħass il-bżonn li kull ġimgħa jkun hemm riflessjonijiet għall-familja kollha dwar il-“Liturġija tal-Ħadd” u li jiġi offrut materjal li jgħin u jħeġġeġ lit-tfal u lill-familji tagħhom biex jitolbu flimkien fid-dar stess, “Itlob id-Dar.”
L-għan ta’ bekids.mt hu li joffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal u għall-adolexxenti żgħar biex isiru Nsara aħjar. Hi maħduma biex tgħin lill-ġenturi, lill-katekisti u lil dawk kollha responsabbli mill-formazzjoni fil-fidi tat-tfal u tal-adolexxenti biex jakkompanjawhom fir-riflessjoni fuq ir-relazzjoni bejn l-Evanġelju u l-ħajja (il-“Liturġija tal-Ħadd”), biex irawmu aktar fihom ħajja ta’ talb (“Itlob id-Dar”), biex iħeġġuhom jikbru fil-virtujiet ispirati mill-ħajjiet tal-qaddisin (“Eroj”) u li jgħallmuhom aktar dwar it-Tradizzjoni Kattolika (“Agħraf il-Fidi Tiegħek”).
Bekids.mt se tkun qed taħdem mill-qrib ma’ siti kateketiki internazzjonali li joffru l-aqwa formazzjoni għat-tfal tagħna permezz tal-midja diġitali fid-djar, fil-parroċċi, fiċ-ċentri kateketiki u fl-iskejjel.