San Tumas More

22 ta' Ġunju

Avukat, Imħallef, Politikant…. Qaddis!  Dan kien San Tumas More.

Tumas More twieled nhar is-7 ta’ Frar 1478, bin John More li kien avukat u mħallef magħruf, martu kienet Agnes Graugner.
Tumas irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola ta’ Sant Antnin, waħda mill-aqwa skejjel fl-Londra ta’ dak iż-żmien.  Meta kellu tnax -il sena, Tumas kien jaqdi lil John Morton, l-Arċisqof ta’ Canterbury.  L-Arcisqof innota li Tumas kien intelliġenti, u għalhekk bagħtu jistudja fl-Universita ta’ Oxford meta Tumas kellu erbatax -il sena.  Madankollu, wara sentejn, missier Tumas insista li jitlaq minn Oxford u jibda jistudja l-liġi f’Londra.

Tumas beda l-istudji tiegħu ġo ‘Lincoln’s Inn’ għaqda legali li kienet tħarreġ l-istudenti tagħha biex issiru avukati.  Tumas sar avukat fl-eta ta’ 26 sena.  Kien f’dan iż-żmien li Tumas kien qed jgħix qrib Monasteru tal-Kartużjani (Ordni Reliġjuż li jgħix ħajja ta’ talb, xogħol u silenzju).  Tumas ħassu miġbud lejhom tant li kien jieħu sehem fil-ħajja spiritwali tagħhom.  Tumas ħassu miġbud lejn l-ideal Franġiskan, tant li sar membru tat-Terz Ordni Franġiskan (it-terzjarji huma membri tat-tielet Ordni Franġiskan, imwaqqaf minn San Frangisk t’ Assisi, li hu magħmul minn persuni miżżewġin jew ġuvintur u xebbiet, li jgħixu regola miktuba għalihom minn San Franġisk t’Assisi, mingħajr ma jkollhom jidħlu patrijiet jew sorijiet).  Tumas iddeċieda li jgħix hajja normali u devota li fiha kien jippratika il-penitenza fil-ħajja personali tiegħu.

Fl-1504, Tumas ġie elett fil-Parlament u sena wara iżżewweġ lil Jane Colt.  Huma kellhom erba ulied, imma wara biss sitt snin miżżewġin, mietet martu.  Wara huwa iżżewweġ lil Alice Middleton, armla li kellha tifla.  Tumas kien missier li jħobb ħafna lil uliedu, mhux tiegħu biss imma anki lil bint Alice u żewġ t’bniet oħra li kien addotta.

Fil-ħajja pubblika tiegħu, Tumas sar l-aktar persuna prominenti fl-Ingilterra. Fuq it-tron Ingliż kien hemm Ir-Re Enriku VIII, huwa kien jammira il-lealta u l-integrita ta’ Tumas u għażlu biex ikun is-segretarju u l-konsultent personali tiegħu.  Fis-sena 1529, leħqu Kanċillier, pożizzjoni ta’ fiduċja.  Din il-pożizzjoni kienet tfisser li Tumas kien il-Ministru tar-Re u l-Kap tal-Gvern, kien involut fit-tmexxija tal-pajjiż, b’mod speċjali l-infurzar tal-liġi.  Tumas kien ukoll jirrepreżenta lir-Re fil-Parlament u jisiġilla l-ittri bis-siġill personali tar-Re.  Tumas kien ħa kull azzjoni li seta biex iwaqqaf il-moviment Protestant jidħol fl-Ingilterra.

Madankollu, żviluppa konflitt bejn ir-Re u l-Papa, meta r-Re talab li jħollu miż-żwieġ tiegħu mar-Reġina Katerina biex jiżżewweġ lill Anne Boleyn.  It-tilwim żdied sal-punt li r-Re Enriku VIII infired mill-Knisja Kattolika u ried lis-sudditi tiegħu jieħdu ġurament li jagħrfu lir-Re bħala il-Kap tal-Knisja Ingliża.  Tumas More, li kien ubbidjenti lejn il-Papa u l-Knisja Kattolika, ħass li ma setax jieħu dak il-ġurament.  Huwa irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu, ġie mixli bħala traditur u wara 14-il xahar fil-ħabs ingħata l-piena tal-mewt nhar is-6 ta’ Lulju 1535.  L-aħħar kelmiet tiegħu kienu “ser immut qaddej tajjeb tar-Re, imma ta’ Alla l-ewwel”. 

San Tumas More kien leali lejn ir-Re, sa ma r-Re qabad ‘triq ħażina’.  Il-lealta hija virtu li tgħin lit-tfal japprezzaw lill familja tagħhom, jagħmlu ħbieb għal għomorhom, u jikbru biex issiru persuni fdati fis-soċjeta.

Il-Lealta hija kunċett astratta, imma nistgħu insibu mezzi biex ngħallmu t-tfal xi tfisser l-lealta bħal:

Iżżomm sod ma dak li hu sewwa anki jekk tkun fil-minorita ~ li żżomm sigriet dwar xi imġieba ħażina hija lealta falza.

Tkellmu mat-tfal dwar sa fejn għandha tasal il-lealta lejn il-ħbieb ~ irrikonoxxi dak li jkunu qegħdin jesperjenzaw it-tfal meta jħossuhom li ġew traduti mill-ħbieb jew meta iddefendu lill xi ħabib jew ħabiba.  Ħeġġiġhom jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom f’dawn is-sitwazzjonijiet.

Il-ħajja ta’ San Tumas More tista tkun pjattaforma biex it-tfal issiru ċittadini responsabbli, kif ukoll tgħin fl-iżvilupp tar-responsabbilita soċjali tagħhom.

– Tista tibda billi tagħmel it-tfal konxji tal-ismijiet tar-Re/President/ Prim Ministru/ Sindku.

  • Skont l-eta tat-tfal, tista tintroduċi l-kunċett ta’ Gvern/Parlament/Kunsill Lokali bħala grupp ta’ persuni li iċ-ċittadini jivvutaw għalihom, biex jirrappreżentaw lill-lokalita/pajjiż, biex jagħmlu liġijiet għaż-żamma tal-ordni fil-pajjiż. (Qabblu dan mal-ħtieġa ta’ regoli fid-dar u l-iskola).
  • Mat-tfal kbar tista tiddiskuti r-raġuni li Tumas More irrifjuta li jobdi r-Re.


Ħin tat-Talb mal-Familja

Itolbu maħfra lil Ġesu’ ta’ meta ma konniex leali lejh, li hu l-akbar ħabib tagħna ~ lill-membri tal-familja tagħna ~ ħbieb ~ għall-ħbieb li jħossu li huma ma kienux leali lejhom.  Wara ftit ħin ta’ silenzju…ippermettihom jitkellmu dwar id-deċiżjoni tagħhom ta’ kif ser ikunu ħbieb leali.

– Għamlu talba għal dawk li huma fil-Gvern biex jiehdu deċiżjonijiet tajba għaċ-ċittadini.

Araw:
Għal-kbar fittxu “A Man for all Seasons”

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.