L-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa forsi jista’ jolqotna ftit iktar mis-soltu. F’xi punt jew ieħor, ilkoll sibna ruħna nitolbu lil Alla – biex jisma’ t-talb tagħna u jgħinna. Tabilħaqq, ħafna drabi nitolbu, imma l-mistoqsija hija – kemm-il darba nkomplu nitolbu meta nħossu li t-talb tagħna mhux qed jinstema’? Kemm-il darba naqtgħu qalbna nitolbu jew nispiċċaw nemmnu li Alla qed jinjorana u ma jimpurtahx? Nafu verament nagħrfu il-valur prezzjuż li għandu t-talb?
Dawn il-mistoqsijiet huma importanti. Din il-ġimgħa, Ġesù jgħidilna xi ħaġa kruċjali. Alla l-Missier iridna nibqgħu nitolbuh! Xi drabi, Alla ma jridniex nitolbu ftit drabi biss imma irid li nibqgħu nitolbu. Ejjew nirriflettu ftit: li kieku Alla ma riedx jgħinna, kien se jitlobna nkomplu nitolbuh? Kieku int stess ma kontx lest li tgħin lil xi ħadd, toqgħod tħeġġeġ lil din il-persuna sabiex tkompli titolbok l-għajnuna? “L-imħallef” ma ħax gost jiġi mistoqsi, imma dan għax ma riedx jgħin lill-mara armla. Jekk xi ħadd iħeġġiġna nitolbu, dan għaliex ikun irid jgħinna! Iżda xorta waħda, hawn, wieħed għandu mnejn ikompli jgħid, jekk Alla verament irid jgħinna, allura għaliex kultant, anki wara li nitolbu għal żmien twil, ma nħossuniex mismugħa jew megħjuna?
Sabiex inwieġbu din il-mistoqsija hemm bżonn li nippruvaw naħsbu ftit ‘barra mill-kaxxa’. Jeħtieġ nippruvaw naħsbu bil-mod ta’ kif jaħseb Alla – mhux ta kif jaħseb il-bniedem. X’inhu l-għan aħħari tagħna bħala bnedmin? X’jgħinna niffjorixxu tassew? It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija fundamentali. Il-verità hi li dak li jgħinna nikbru tassew, hu li nkunu aktar bħal Alla u li nkunu magħqudin ma’ Alla (jiġifieri li nikbru iktar qrib tiegħu). Wara kollox, aħna magħmula xbieha tiegħu! Xi drabi, l-affarijiet li nixtiequ, anki jekk fuq din l-art naħsbuhom importanti u prezzjużi, ma jkunux aktar prezzjużi minn dawk l-affarijiet li jgħinuna nersqu qrib lejn Alla. Xi drabi, għalhekk, l-att li nitolbu u nikbru fil-fidi jgħinna aktar milli nirċievu dak li qed nitolbu – anke jekk dak li qed nitolbu jidher l-aktar importanti. Ir-raġel agħma jista’ jitlob biex il-vista tiegħu tiġi imfejqa, iżda fil-verità, ikun ħafna aħjar jekk ‘il-vista-spiritwali’ tiegħu tiġi mfejqa, sabiex jesperjenza lil Kristu b’mod iktar ċar! Dan ifisser li kulmeta nkunu qed nitolbu u nħossu li mhux qed nirċievu dak li qed nitolbu għalih, jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna: ‘dak li qed nitlob, huwa iktar importanti mit-tkabbir tiegħi fil-fidi u fix-xebh tiegħi ma’ Alla?’. ‘Jista’ jkun li Alla sempliċement qed jgħinni nikber fil-fidi u l-perseveranza?’. Ladarba Alla hu mħabba, għandna nibqgħu ċerti li Alla qatt ma huwa qed jinjorana, u li bil-grazzja tiegħu, dak kollu li jagħmel ikun għall-ġid tagħna!
Jekk nafdaw lil Alla fiż-żminijiet tajbin u ta’ ferħ biss, il-fiduċja tagħna tkun waħda superfiċjali. X’jiġri jekk ir-raġel jew il-mara tiegħek, il-ħbieb jew il-qraba tiegħek, jafdawk biss meta l-affarijiet ikunu sejrin tajjeb, verament ikunu jafdawk?
Ċertament, xi drabi Alla jipprova jikkultiva l-fiduċja u l-fidi tagħna billi “jagħtina” u billi jġegħelna nħossuna maħbubin! Dan jiġri wkoll. Tabilħaqq, hemm modi differenti li bihom nikbru. Imma hawnhekk, il-punt li jeħtieġ inżommu f’moħħna hu li l-ebda talb m’huwa inutli. Anke jekk it-talb ġieli jinħass inutli, mhuwiex inutli għax f’kull att ta’ talb qed nidderieġu l-attenzjoni tagħna u lil qalbna lejn Alla. Meta nidderieġu qalbna u ħsibijietna lejn Alla, ngħinu lil ruħna tikber f’għaqda u fil-ħbiberija ma’ Alla. Din hija l-akbar virtù li xi ħadd jista’ jaspira għaliha! Huwa minħabba dan li Ġesù tant talab. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija bħal ħbiberija umana. Tista’ tingħaqad ma’ xi ħadd biss jekk issir tafhom u tqatta’ ħin magħhom. U dan hu l-irwol tat-talb. Li titlob ifisser li sempliċement inkunu preżenti m’Alla. U meta nkunu hemm, Alla jkun hemm ukoll, dejjem, kif qaltilna Ommna Marija f’Medjugorje:
“Intom tafu, għeżież tfal, li Alla jagħti grazzji speċjali fit-talb… Insejħilkom, għeżież tfal, għat-talb bil-qalb.” (25 ta’ April 1987).
U,
“Mingħajr talb bla waqfien, ma tistawx t’esperjenzaw is-sbuħija u l-kobor tal-grazzja li Alla qed joffrilkom. Għalhekk, itolbu! Nixtieq li permezz ta’ kull wieħed minnkom jitwettaq il-pjan ta’ Alla, biex dak kollu li Alla ħawwel f’qalbkom iseħħ.” (25 ta’ Frar 1989).