Ejja, Spirtu s-Santu

Pentekoste

Il-lum hija l-festa ta’ Pentekoste u l-qari kollu jiffoka fuq l-Ispirtu s-Santu. Din il-festa tiġi ħamsin ġurnata wara l-Għid, u ġġib fi tmiemu żmien il-Għid; Il-festa ta’ Pentekoste tfakkarna l-wiegħda li Ġesù kien għamel lid-dixxipli tiegħu, jiġifieri li jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu. Il-lum niċċelebraw ukoll il-bidu tal-Knisja. 

Min hu l-Ispirtu s-Santu? Huwa t-tielet persuna tat-Trinità. Skont ma nistqarru fil-Kredu, “l-Ispirtu s-Santu hu l-Mulej li jagħti l-ħajja, li ġej mill-Missier u mill-Iben, li hu meqjum u mweġġaħ flimkien mal-Missier u mal-Iben; hu, li tkellem b’fomm il-profeti.” L-Evanġelju tal-lum, juri b’mod ċar l-għaqda li hemm bejn it-tliet persuni tat-Trinità.

L-Ispirtu s-Santu jagħti l-ħajja u l-qawwa. Il-ħajja pubblika ta’ Ġesù tibda bil-magħmudija tiegħu u l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuqu. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jostnih. Hekk jgħid Ġesù fis-sinagoga: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej”. (Luqa 4, 18-19) Bil-qawwa tal-Ispirtu, Ġesù jgħallem b’mod konvinċenti, jgħix mingħajr ma jaqa’ għal ebda tentazzjoni, jagħmel il-mirakli u jgħaddi minn passjoni kiefra u krudila. Huwa wkoll bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li wara tliet ijiem, Ġesù jqum mill-mewt.

L-Ispirtu s-Santu ta l-ħajja u l-qawwa lill-Knisja wkoll nhar Pentekoste. Huwa għadu jagħtiha l-ħajja sal-lum, speċjalment permezz tal-sagramenti.

L-Ispirtu s-Santu huwa l-verità. Dan għax permezz tal-kuxjenza tagħna, hu jurina dak li hu tajjeb u dak li mhux. L-Ispirtu s-Santu jgħinna biex inbiddlu l-qalb tal-ġebel tagħna, f’waħda tal-laħam (Eżekjel 11, 18-20)

Kif l-Ispirtu s-Santu, ta l-kuraġġ lid-dixxipli biex iwasslu t-tagħlim ta’ Ġesù, anke akkost ta’ ħajjithom stess, huwa jagħti l-istess qawwa lilna llum. Għalkemm forsi ma aħniex fil-periklu li jagħtuna l-martirju għal dak li nemmnu u ngħallmu, is-soċjetà li ngħixu fiha żgur ma tagħmilhiex faċli għalina biex ngħixu dak li nemmnu. Bħala ġenituri x’valuri qed inwasslu lit-tfal tagħna? X’inhu l-valur li nagħtu lill-ħajja? X’tiswa l-ħajja fil-ġuf jew il-ħajja ta’ persuna diżabbli li ma tistax tgħin fl-ekonomija tal-pajjiż; x’tiswa l-ħajja ta’ anzjan li m’għadux jagħraf lil ħadd u jgħix f’dinja għalih waħdu? X’definizzjoni ta’ mħabba qed ngħaddu lil uliedna? Li nħobb sa fejn u kif jaqbel lili? Jien l-ewwel fl-għażliet tiegħi? X’messaġġ qegħdin ngħaddu meta nisimgħu l-aħbarijiet dwar dgħajsa oħra mimlija nies minn pajjiż ieħor li qed jippruvaw ifittxu ħajja aħjar? Kif inqisu lil dawn in-nies, anke meta niltaqgħu magħhom fuq karozza tal-linja, fit-triq, fil-ħwienet, jiġbrulna ż-żibel minn wara djarna, forsi wkoll tajniehom xi xogħol ta’ manutenzjoni fid-dar tagħna, jew anke nħaddmuhom fl-ażjendi tagħna. Kemm  ngħinu meta jsir ġbir għall-foqra? Kif qegħdin intellgħu lit-tfal biex jieħdu ħsieb l-ambjent? Fejn hu Ġesù, fil-priorità tal-ħajja tagħna? B’liema attitudni mmorru l-quddies, nibgħatu lit-tfal għat-tagħlim nisrani? F’dan kollu għandna bżonn lill-Ispirtu s-Santu. Mingħajru l-indiviwaliżmu u l-eġoiżmu ser jirbħu u jmexxu l-ħajja u l-għażliet tagħna u b’hekk jaffettwaw ukoll it-trobija tat-tfal tagħna. 

L-Ispirtu s-Santu jgħaqqadna bħala l-Ġisem wieħed ta’ Kristu. Fil-fatt, dan nisimgħuh f’kull quddiesa, meta s-saċerdot jgħid: “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba t’Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu tkun magħkom lkoll.”

Fil-magħmudija u fil-Griżma tal-Isqof aħna lkoll irċevejna dawk li nsejħulhom id-doni tal-Ispirtu s-Santu li jgħinuna nikbru fil-frott tal-imħabba, hena, sliem, sabar, ħniena, tjieba, ħlewwa, fidi u rażan. Matul dawn l-aħħar ġranet, fil-website ta’ BeKids kienu qed jittellgħu għajnuniet dwar id-doni u frott tal-Ispirtu s-Santu, u kif il-ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom. Jekk għadek ma rajthomx, aqrahom u ara kif jistgħu jgħinuk u jtejbu t-trobbija nisranija ta’ uliedek. Ara hawn.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 15, 26-27; 16, 12-15)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu.

Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qed jgħidlek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar laqtitek? Għaliex?
  3. Biex nixhed irrid nagħti testimonjanza ta’ xi ħaġa li esperjenzajt b’mod personali. Ġesù, illum jistaqsina biex inkunu xhieda tiegħu. Għalhekk, qiegħed jistedinna l-ewwel u qabel kollox biex insiru nafuh. Id-dixxipli, dan għamluh, u bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu għamluh b’mod sħiħ. Jekk qed issibha diffiċli biex issir taf lil Ġesù u tkun xhud tiegħu, itlob lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinek hu.
  4. Il-ħajja ta’ ġenitur nisrani,mhijiex faċli iżda Alla qiegħed jagħtik l-għajnuna permezz tal-Ispirtu s-Santu biex taqdi sew dan id-dmir. Qabel ma tikkoreġi lit-tfal, qabel ma tieħu deċiżjoni, kull filgħodu qabel ma tibda l-ġurnata, dur lejn l-Ispirtu s-Santu u itlob l-għajnuna tiegħu.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
  6. i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (15, 26-27; 16, 12-15)
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Issa għaddiet ġimgħa minn meta ċċelebrajna t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema. Qabel ma telaq minn mal-appostli Ġesù kien staqsa lil dawn il-ħbieb tiegħu biex jibqgħu Ġerusalemm għax kien ser jibgħatilhom għajnuna biex ma jibqgħux waħedhom. Ġesù wiegħed li jibgħat lill-Ispirtu s-Santu.  Intom tafu min hu l-Ispirtu s-Santu? X’aktarx, għall-ewwel lanqas l-appostli ma kienu jafu min hu l-Ispirtu s-Santu! Ejjew nisimgħu l-Evanġelju.

  • L-Ispirtu s-Santu jgħinna biex insiru tfal bravi
  • Flixkun li jagħmel il-bubbles, inkella sapun bl-ilma u xi makkarunella, jew flixkun tal-plastic mingħajr qiegħ
  • Red velvet cake, inkella ingredjenti biex tagħmluh
  • Xemgħat għal fuq il-kejk

Intom tħobbu tiċċelebraw? X’tagħmlu meta tiċċelebraw xi ħaġa?

Il-festa ta’ Pentekoste hija ċelebrazzjoni kbira. Dakinhar il-ħbieb ta’ Ġesù kienu kollha flimkien. Huma kienu għadhom qed jibżgħu li s-suldati jaqbduhom u joqtluhom. F’daqqa waħda ħassew bħal riħ fil-kamra u raw bħal ilsna tan-nar fuq rashom! Kollha ħassew kuraġġ kbir ħafna u ħarġu u bdew jgħidu lil kulħadd dwar Ġesù. Dakinhar, ħafna nies waqfu biex jisimgħu lill-ħbieb ta’ Ġesù u ħafna minnhom saru wkoll ħbieb ta’ Ġesù. Dak il-kuraġġ li ħassew il-ħbieb ta’ Ġesù ġabuh mill-Ispirtu s-Santu. 

Għalfejn Pentekoste, hija ċelebrazzjoni kbira? Għax il-lum huwa l-birthday tal-Knisja! Tafu kemm għalqet żmien il-Knisja llum? Aktar minn elfejn sena!! Aħna lil ħadd ma nafu li għandu daqstant snin!

Semmejna li l-appostli ħassew ir-riħ u raw in-nar. Lill-Ispirtu s-Santu imma ma rawhx. 

Ejjew nieqfu ftit. Oħorġu barra, fil-bitħa jew fuq il-bejt. Magħkom ħudu l-flixken li jagħmlu l-bubbles. Kif tkunu barra onfħu l-bubbles. X’qed jiġrilhom il-bubbles? Qed jaqgħu mal-art u jinfaqgħu jew inkella qed jitilgħu ‘l fuq? 

Qed jitilgħu ‘l fuq għax barra hemm ir-riħ jew żiffa. Il-bubbles nistgħu narawhom telgħin ‘l fuq, imma r-riħ jew iż-żiffa ma nistgħux narawhom. Madanakollu nemmnu li hemm qegħdin. Ir-riħ ma narawhx, iżda per eżempju naraw is-siġar jiċċalqu, il-karti jtiru minn mal-art, il-ħwejjeġ minxura fuq il-bejt jiċċaqilqu. Għalkemm ir-riħ ma narawhx, naraw l-effett tiegħu.

L-Ispirtu s-Santu kien jaf li huma ma setgħux jarawh għalhekk ħassew ir-riħ u raw in-nar. Meta ħriġna barra u nfaħna l-bubbles telgħu ‘l fuq bl-għajnuna tar-riħ, li ma stajniex naraw. L-Ispirtu s-Santu, ried lill-appostli u lilna wkoll, nifhmu x’jista’ jagħmel fina, għalhekk uża r-riħ u n-nar. Intom x’timaġinaw meta tisimgħu l-kelma riħ jew nar?

Nafu li l-riħ huwa b’saħħtu u jaqla’ anke siġar kbar minn posthom. Itajjar il-weraq ma’ kullimkien. Bl-istess mod, l-Ispirtu s-Santu huwa qawwi ħafna. Hu għandu l-qawwa li jneħħi dak li mhuwiex sabiħ fil-ħajja tagħna. Meta nagħmlu għażla ħażina, ma nibqgħux ferħanin u l-ħajja tagħna ma tibqax sabiħa. Għalhekk, l-Ispirtu s-Santu qiegħed jgħidilna li bl-għajnuna tiegħu nistgħu nagħmlu għażliet tajba li ma tantx ikun faċli li nagħmluhom. In-nar ukoll, bħar-riħ għandu ħafna qawwa wkoll. Issa dalwaqt nibdew nagħmlu l-BBQs, u biex nagħmlu l-BBQ nużaw in-nar. Fix-xitwa, fil-kesħa, nixgħelu l-heater jew il-fireplace. Dawn ukoll fihom in-nar. X’jagħmel in-nar tal-BBQ? Isajjrilna l-ikel, u jġibu tajjeb biex niekluh. Bl-użu tax-xbieha tan-nar, l-Ispirtu s-Santu qiegħed jgħidilna li lilna jagħmilna tfal aktar bravi u tajbin, hekk li kulħadd jieħu gost ikun magħna. In-nar tal-heater jiġborna flimkien għas-sħana. Dan jagħmlu wkoll l-Ispirtu s-Santu. Hu jgħinna biex inkunu ħbieb mal-oħrajn.

Għandna dejjem nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinna nagħmlu għażliet tajba, biex inkun ħbieb tajba, biex nobdu lil dawk li jħobbuna u li jriduna nikbru fi tfal bravi u tajbin. Mhemmx għalfejn talba twila, kemm ngħidu f’qalbna “Spirtu s-Santu għinni”.

Semmejna li l-lum niċċelebraw il-birthday tal-Knisja. X’inhu birthday mingħajr cake? Il-mama u l-papa ppreparaw cake, jew inkella ser tgħinnuhom biex tagħmluh flimkien. Qatt indunajtu li meta mmorru l-knisja, is-saċerdot ġieli jkun libes aħdar, ġieli abjad, ġieli vjola? Illum is-saċerdot jilbes l-aħmar. L-aħmar huwa kulur li jgħinna nifhmu x’jista’ jagħmel fina l-Ispirtu s-Santu. 

Fhiex iffakkarkom il-kulur aħmar? Naħseb l-ewwel żewġ affarijiet li jiġu f’moħħna, huma l-imħabba u d-demm. Mela l-ewwel ħaġa li għinna fiha l-Ispirtu s-Santu hi li nħobbu lill-oħrajn. Meta nies imutu għax ikunu jridu jibqgħu ħbieb ta’ Ġesù nsejħulhom martri. San Pawl kien martri. L-aħmar huwa l-kulur tad-demm. Dawn in-nies lesti li jagħtu ħajjithom għal Ġesù. Dan il-kuraġġ ġabuh mill-Ispirtu s-Santu. Lilna wkoll jagħtina kuraġġ l-Ispirtu s-Santu biex ma niddejqux nagħmlu dak li hu tajjeb, anke jekk il-ħbieb tagħna jidħku bina. Għalhekk il-cake hu aħmar, biex ifakkarna fl-Ispirtu s-Santu, u se nżejnuh b’ħafna xemgħat biex ifakkruna fin-nar li raw l-appostli. Meta nonfħu biex nitfu x-xemgħat, niftakru fir-riħ li ħassew.

Wow, kemm jista’ jagħmel affarijiet kbar l-Ispirtu s-Santu. Imma biex jagħmel dan, irridu nħalluh. Għalhekk nibdew mil-lum, qabel ma ngħidu xi ħaġa jew nagħmlu xi ħaġa nitolbu l-għajnuna tiegħu.
Waqt li qegħdin tlestu l-cake, isimgħu, Holy Sprit fills me up.

Nitolbu

Ejja Spirtu s-Santu, ejja fil-ħajja tiegħi. Agħtini l-kuraġġ biex nagħmel għażliet tajba, biex inħobb lill-oħrajn u ngħin lill-oħrajn kif jixtieq Ġesù. Ammen.

Tafu x’inhu difensur? Ġesù, il-lum jgħidilna li jibgħatilna difensur. Difensur huwa dak li jaqbeż għall-oħrajn, li jipproteġi. Nistgħu nsejħulu wkoll avukat. Ejjew nisimgħu xi jrid jgħidilna Ġesù dwar l-Ispirtu s-Santu fl-Evanġelju tal-lum.

  • L-Ispirtu s-Santu jurina l-verità biex aħna nemmnuha. Hu jagħtina l-kuraġġ biex ngħixuha b’mod sħiħ.
  • Bżieżaq
  • Red velvet cake jew ingredjenti biex nagħmluh
  • Xemgħat għal fuq il-cake

Il-lum hija l-festa ta’ Pentekoste. Din il-kelma ‘Pentekoste’ ġejja mill-kelma ħamsin, għax fil-fatt din il-festa niċċelebrawha ħamsin jum wara l-Għid. Kollha nafuha l-ġrajja ta’ meta d-dixxipli ta’ Ġesù, li kienu mbeżża’ mis-suldati li setgħu jaqbduhom u joqtluhom, kienu qed jitolbu flimkien u meta f’daqqa waħda nstema’ bħal riħ u fuq kull wieħed minnhom deher bħal ilsien tan-nar u minn dak il-ħin, telqet kull biża’ minnhom u ħarġu b’kuraġġ kbir, ikellmu lin-nies dwar Ġesù u t-tagħlim tiegħu. 

Min hu l-Ispirtu s-Santu? Nafu u nemmnu li l-Ispirtu s-Santu, li huwa t-tielet Persuna tat-Trinità, huwa Alla. Insemmu l-Ispirtu s-Santu kull darba li rroddu s-salib u ngħidu t-talba tal-Glorja. Fil-preparazzjoni tagħna għas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof, nisimgħu aktar dwaru, għax hu jagħtina l-kuraġġ biex ngħixu kif jixtieqna Ġesù u dan is-sagrament jitlob minna li nsiru dixxipli ta’ Ġesù.

Il-lum Ġesù jiddeskrivi lill-Ispirtu s-Santu bħala l-Ispirtu tal-verità. L-Ispirtu s-Santu jgħinna biex nagħrfu u naċċettaw dak li hu vera, anke meta dan ma jaqbilx ma’ dak li nisimgħu mingħand dawk ta’ madwarna. Per eżempju waslu l-eżamijiet u rrid nistudja biex immur tajjeb. Il-ħbieb tiegħi ser jagħmlu tournament online ta’ logħba favorita tiegħi u stednuni biex ningħaqad magħhom. X’nagħmel? Jista’ jkun li jekk ngħidilhom li rrid nistudja, huma ser jgħiduli li jien diġà naf kollox u m’għandix naħli ħin nistudja. Aktar nieħu gost nilgħab magħhom. Min qiegħed jgħid il-verità? Dak li qed inħoss f’qalbi u li qed jgħidli li issa huwa ħin tal-istudju u li fis-sajf ser ikolli biżżejjed ħin biex nilgħab u nieħu gost, jew sħabi li jriduni nilgħab magħhom? Ħa nagħtu eżempju ieħor dwar l-eżamijiet. Ħabib tiegħi ma setax jiġi l-iskola għal dawn l-aħħar ġimgħat u hemm suġġett tal-matemetika li ma jistax jifhem. X’ser nagħmel? Ngħinu? Dan tifel bravu u jista’ jkun li jekk ngħinu, imur tajjeb u anke jieħu l-premju tal-maths. Jekk ma ngħinux, jista’ ma jmurx tant tajjeb u l-premju nieħdu jien. X’jixtieqni nagħmel Ġesù? Ġesù ma jridx li nkunu egoisti. L-Ispirtu s-Santu ser jgħinni biex nirbaħ it-tentazzjoni li ma ngħinux, u minflok, infehmu dik il-parti li qiegħed isib diffikultà fiha. Eżempju ieħor jista’ jkun meta qegħdin ma’ sħabna fil-break u wieħed minna jwaqqa’ l-ilma fuqu u jixxarrab. Sħabi jibdew jidħku bih u jwaqqgħuh għaċ-ċajt. Jien x’ser nagħmel, nidħak magħhom jew nara kif nista’ ngħinu? L-Ispirtu s-Santu jagħtini l-kuraġġ biex ma nagħmilx bħal sħabi u nara kif nista’ ngħin.

Aħna dan nafuh. Nafu li ma għandniex inkunu egoisti, iżda hemm differenza kbira bejn dak li naf u dak li nagħmel. Ġesù jaf li ħafna drabi nsibuha diffiċli biex nagħmlu dak li nafu li għandna nagħmlu. L-Ispirtu s-Santu għen lid-dixxipli biex jgħixu kif xtaq Ġesù, u jgħin lilna wkoll.

Aħna qisna bużżieqa. (ġenituri jkunu ppreparaw il-bżieżaq mhux minfuħin). 

X’nistgħu nagħmlu bil-bżieżaq? (inżejnu kamra għal xi party, nilgħabu bihom)

Nuruhom il-bżieżaq mhux minfuħa. 

Tistgħu tagħmlu dak li għidtu b’dawn il-bżieżaq, kif inhuma?

Għalfejn?

Allura x’irridu nagħmlu? (nonfħuhom)

L-istess aħna; fina hemm ħafna potenzjal biex nagħmlu t-tajjeb u ngħixu kif jixtieqna Ġesù, imma waħedna nkunu qisna l-bużżieqa bla arja ġo fiha. Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, insiru bħal dik il-bużżieqa minfuħa li nistgħu nużawha biex niddekoraw biha jew nilgħabu biha. Il-bużżieqa baqgħet l-istess, imma kellha bżonn l-għajnuna biex tinbidel u tintuża. Aħna wkoll, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, ninbidlu u nsiru kif jixtieqna Ġesù. 

Kif ser inkunu nafu kif Ġesù jixtieqna ngħixu? (agħtu ċans lit-tfal iwieġbu)

Aħna nitgħallmu dan mill-Bibbja, mil-laqgħat mal-katekisti, mingħand dawk li jħobbuna. Aktar ma nikbru, niffurmaw ukoll dik li nsejħulha l-kuxjenza. Qabel, semmejna dak l-eżempju tal-għażla li kellna quddiema: nistudjaw jew nilgħabu. Għedna li f’qalbna nħossu dak li suppost għandna nagħmlu. Dik hija l-kuxjenza. Hija dik li ġġiegħelna nħossuna qalbna sewda jew skomdi meta nagħżlu li nagħmlu xi ħaġa ħażina. L-Ispirtu s-Santu jgħinna niffurmaw din il-kuxjenza u nagħmlu għażliet tajba, anke meta dan huwa diffiċli. 

Meta mmorru l-knisja, il-lum ser naraw il-kulur aħmar. Dan huwa l-kulur li l-Knisja tuża għall-festi tal-Ispirtu s-Santu u tal-martri. L-aħmar ifakkarna fl-imħabba u wkoll fid-demm. Dan juri li l-Ispirtu s-Santu jgħinna nħobbu lil Alla u lill-oħrajn, anke meta dan jitlob minna sagriffiċji kbar. Il-martri taw ħajjithom għax ħabbew lil Alla, u dan għamluh bil-kuraġġ u l-qawwa, li tahom l-Ispirtu s-Santu. Lilna l-Ispirtu s-Santu, jagħtina l-kuraġġ u l-qawwa, biex aħna wkoll ngħixu kif jixtieq Ġesù.
Pentekoste hija l-birthday tal-Knisja. Kull birthday niċċelelbrawh b’xi cake tajjeb. Illum niċċelebraw din il-festa b’red velvet cake. Il-kulur ifakkarna fl-Ispirtu s-Santu u x-xemgħat ukoll ser ifakkruna fil-ġrajja ta’ Pentekoste.

Irroddu s-salib

Mulej Alla, grazzi tal-Ispirtu s-Santu u l-għajnuna kollha tiegħu. Spirtu s-Santu agħtina l-kuraġġ biex ninbidlu u nsiru nixbħu aktar lil Ġesù. Spirtu s-Santu, aħna nemmnu fik u rriduk tmexxina inti. 
Komplu t-talba u isimgħu, Spirit of God.

1. Skont Ġesù, l-Appostli kien se jkollhom lil xi ħadd speċjali jaqbeż għalihom. Kif sejjaħlu Ġesù lil dan?

Correct! Wrong!

2. Dak li l-Missier bagħat fuq l-Appostli biex imexxiehom, Ġesù sejjaħlu wkoll....

Correct! Wrong!

3. Ġesù qal ukoll li dan l-Ispirtu tal-verità....

Correct! Wrong!

4. L-Ispirtu s-Santu, li huwa l-Ispirtu tal-verità...

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.