Re differenti

Kristu Re

Illum niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Sultan. Huwa l-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika, il-Ħadd li ġej ikun l-ewwel Ħadd tal-Avvent. L-Evanġelju jħabbar l-akbar misteru tal-fidi tagħna, il-fidwa permezz tal-mewt ta’ Kristu fuq is-salib, meta Ġesù hu rivelat bħala Re, Mulej u Salvatur, tagħna lkoll.

Papa Piju XI waqqaf din il-festa fl-1925 biex jiġġieled iż-żieda fl-ateiżmu u s-sekulariżmu. Din il-festa tiċċelebra aspett mill-identità ta’ Ġesù; aħna nagħrfuh u nqimuh bħala Kristu, l-imgħallem tagħna.

Il-viżjoni ta’ Kristu Sultan, skont l-Evanġelju tal-lum, tikkontradixxi l-ideat li tagħti d-dinja, ta’ x’għandu jkun re jew mexxej. Ġesù mhux bilqegħda fuq tron, lanqas ma jgħix ġo palazz, imdawwar bis-servitu. Għall-kuntrarju, Ġesù ġie biex jaqdi u t-tron tieghu huwa s-salib. Hija xena ta’ vjolenza u qtil, ġrajja orribbli, li bil-qawwa ta’ Alla tinbidel fi ġrajja ta’ grazzja, fejn Ġesù huwa s-Salvatur u r-Redentur tagħna. B’dan il-mod, is-salib huwa t-tron ta’ Kristu Sultan li hu Sid u Mexxej ta’ kulħadd. Il-qawwa tiegħu hija radikalment differenti mill-qawwa tad-dinja; tiġi mill-imħabba li għandu għall-oħrajn, il-kuruna tiegħu mhix tad-deheb, imma tax-xewk iniggeż. B’ironija kbira, fuq is-salib hemm il-kitba, “Sultan tal-Lhud”, x’aktarx kienet kitba biex twaqqa’ għċ-ċajt, iżda minflok, kienet il-verità.

Il-ġrajja tal-ħalliel it-tajjeb, hija biss fl-Evanġelju ta’ San Luqa. Hekk kif il-folla qed tiżżufjetta, wieħed mill-ħallelin, imsallab ħdejh, jagħrfu bħala Ġesù l-Messija u Re. Meta għamel hekk, huwa kiseb is-salvazzjoni. Ġesù jgħidlu, “Illum tkun fil-Ġenna miegħi.” Dawk li kellhom il-fidi setgħu jaraw lil Ġesù bħala l-Mulej u Re. Bħala nsara, l-Evanġelju tal-lum, jistedinna biex nagħmlu l-ġudizzju tagħna u nintebħu li Ġesù hu Sultan. Bil-fidi, aħna wkoll, nirrealizzaw li Ġesù, l-imsallab, hu verament Re u Salvatur ta’ kulħadd. Staqsi lilek innifsek jekk dan huwiex dak li tħoss dwar Ġesù meta inti titlob quddiem il-kurċifiss. Anke waqt li kien fuq is-salib, Ġesù sab il-ħila biex jaħfer.  Meta nkun fl-agħar mumenti ta’ ħajti, jien jirnexxieli naħfer?

Hu għalhekk li t-tifsir veru tas-Saltna tiegħu deher minn fuq l-għoli tas-Salib (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 440)

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 23:35-43) 

F’dak iż-żmien, wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!” Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar laqtitek? Għaliex?
  3. Jekk aħna ma naqdux lill-oħrajn kif għallimna Ġesù, hu qatt ma hu se jkun ir-Re tagħna. Bħala ġenituri, matul din il-ġimgħa ħudu fuqkom ir-responsabbiltà li titkellmu dwar is-Saltna ta’ Alla mal-familja tagħkom. Spjegaw kif Ġesù huwa s-Sid tagħna u kif permezz tal-mewt tiegħu fuq is-salib, hu salvana. Għandkom kurċifiss id-dar? Jekk le, staqsu lilkom infuskom għalfejn m’għandkomx.
  4. Kien hemm xi Lhud li ħassewhom diżappuntati b’Ġesù. Huma stennew li l-Messija se jiggverna b’qawwa u saħħa u mhux b’imħabba u maħfra. Aħna ġieli nkunu diżappuntati b’Ġesù? Jista’ jkun li ġieli nsibuha diffiċli li nerfgħu s-slaleb li jkollna. Matul din il-ġimgħa, itlob li Ġesù jsaltan f’din id-dinja mfarrka, jsaltan fil-familji bi problemi u jsaltan f’kull rokna tal-ħajja tagħna. Ammen.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (23, 35-43)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum il-Knisja tiċċelebra festa speċjali, il-festa ta’ Kristu Sultan. F’din il-festa, aħna nagħrfu u nqimu lil Ġesù bħala mexxej tagħna. Hu re speċjali, hu jaħkem b’imħabba u ħniena.

  • Ġesù mhuwiex bħar-rejiet l-oħra; Ġesù hu re tas-sema u hu Iben Alla
  • Ġesù jurina t-triq għall-ħajja ta’ dejjem
  • It-template tal-attività tal-lum
  • Kuluri, gloj bil-glitter, żibeg għad-dekorazzjoni
  • Stapler

Intom tafu x’jagħmlu r-rejjiet? Huma jsaltnu fuq pajjiż matul ħajjithom, huma jkunu sinjuri u jkollhom ħafna poter. Joqgħodu f’palazz u jkollhom ħafna sefturi, l-ilbies tagħhom ikun sabiħ u jkollhom ħafna ġojjeli. Fuq rashom jilbsu kuruna. Għalkemm lil Ġesù nsejħulu Re tar-Rejiet, hu ma kellu xejn minn dawn l-affarijiet li semmejna. Ġesù kellu kuruna, imma din ma kinitx tad-deheb, lanqas ma kellha l-ġojjeli, kienet kuruna tax-xewk, li libsuh is-suldati biex iwaqqgħuh għaċ-ċajt. Is-saltna ta’ Ġesù ma hijiex ta’ din l-art, is-saltna tiegħu hi fis-smewwiet. Ġesù hu re differenti, hu ma kienx jgħix ġo palazz. Ma kellux ilbies sabiħ jew sefturi biex jaqduh. 

Meta Ġesù kien jgħix fid-dinja, in-nies riedu re li kien ser jiġġieled għalihom. Huma riedu saltna fejn huma kien ikollhom il-flus u l-qawwa. In-nies li ma għarfux lil Ġesù bħala Iben Alla, bħala r-Re tar-Rejjiet, ġabu ruħhom ħażin ħafna miegħu. Fl-Evanġelju tal-lum, naqraw kif salbu lil Ġesù fuq salib, u fuq rasu waħħlu tabella bil-kliem, “Sultan tal-Lhud.” Is-suldati Rumani qagħdu taħt is-salib u qagħdu jajruh. Huma qalu, “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek.” Ġesù kien imsallab ma’ tnejn oħra. Wieħed minnhom ukoll beda jgħaddih biż-żmien. “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!” Iżda l-ieħor għaraf min kien Ġesù, u qal, “Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.” Imbagħad ħares lejn Ġesù u qallu, “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”.  U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”. Lil dan il-ħati, Ġesù offrilu l-ħajja ta’ dejjem. Lilna wkoll, Ġesù joffrilna l-ħajja ta’ dejjem miegħu fil-ġenna. Meta aħna nemmnu f’Ġesù, u nemmnu li dak li jgħid hu verità, inkunu qed inqimuh bħala Re tagħna.

Biex tiċċelebra l-festa ta’ Kristu Re, għamel l-imrewħa kuruna/salib. Ipprintja l-attività tal-lum. Agħtiha l-kulur u żejjinha skont kif tixtieq. Itwiha biex tiġi bħal akkordju, fin-naħa ta’ isfel għamel staple. Issa lesta biex tużaha.

Isma’, JESUS IS THE KING.

Radd tas-salib

Mulej Ġesù Kristu, inti Re u Salvatur tagħna. Grazzi tal-imħabba tiegħek, imħabba li wasslitek biex tmut fuq salib. Inti lilna salvajtna bil-mewt tiegħek, biex inkunu nistgħu ngħixu miegħek fil-glorja. Aħna nfaħħru ismek għal dejjem. Ammen. 

Illum huwa l-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika tal-Knisja. Illum niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Sultan. Fl-Evanġelju nisimgħu meta Ġesù ġie msallab taħt kitba li kienet tgħid, “Sultan tal-Lhud.” Miegħu kien hemm tnejn oħra msallbin, u t-tnejn kellhom xi ħaġa x’jgħidulu. Ejjew nisimgħu x’qalulu.

  • Ġesù huwa re speċjali. Hu ma joqgħodx fuq tron, lanqas ma jilbes ilbies sabiħ u fin, u kuruna tad-deheb, imdawwar bis-sefturi. Minflok, waqqgħuh għaċ-ċajt, libbsuh kuruna tax-xewk u sallbuh fuq is-salib.
  • Permezz tal-imħabba, Ġesù rebaħ il-mewt. Permezz tas-salib u l-qawmien tiegħu, Ġesù salvana lkoll.
  • Salib
  • Kuruna ta’ re
  • Bibbja

Qabel ma taraw il-video tal-Evanġelju, lestu kurċifiss, kuruna u Bibbja fuq mejda. Se naħsbu dwar dawn it-tliet oġġetti u naħsbu dwar xi jfissru għalina, u x’għandhom x’jaqsmu mal-Evanġelju tal-lum.

Xi ħsibijiet jiġuk f’moħħok meta tħares lejn il-kuruna? Rejiet? Din iva, hija tweġiba tajba. Xi jfisser li tkun re, re li jilbes kuruna tad-deheb? Ġesù libes kuruna, iżda din ma kinitx tad-deheb, kienet tax-xewk! Is-suldati libsuhielu biex iwaqqgħuh għaċ-ċajt. Tistgħu timmaġinaw l-uġigħ u l-umiljazzjoni ta’ Ġesù? Meta nisimgħu l-Evanġelju tal-lum, naħsbu wkoll fuq is-salib. Ġesù ssallab fuq salib. Fuq rasu kien hemm kitba tgħid hekk, “Sultan tal-Lhud.” Taħseb li Ġesù kien re, bħalma naħsbu li jkunu r-rejiet? Ma nistgħux inħalltu s-saltna u l-qawwa ta’ Ġesù mal-poter tar-rejiet ta’ din id-dinja. Ġesù huwa re speċjali. Hu ma joqgħodx bilqegħda fuq tron lussuż, lanqas ma jilbes ilbies fin, b’ħafna sefturi madwaru biex jikkmandhom. Ir-re tal-Evanġelju jitwaqqa’ għaċ-ċajt, u jitħalla jmut fuq salib. L-immaġini ta’ Ġesù jbati u l-mewt tiegħu fuq salib, turina re b’qawwa differenti. Bil-qawwa ta’ mħabbtu Ġesù juri lilu nnifsu bħala re li jrid isalva lill-bnedmin. Ġesù ġie mislub bejn żewġ ħatjin. Wieħed biss jagħraf li Ġesù kien il-Messija, dak li kellu jsalvana lkoll. Lil dan, Ġesù jgħidlu: “Illum tkun il-Ġenna miegħi.” Bil-qawwa ta’ mħabbtu, bil-mewt tiegħu fuq is-salib u bil-qawmien tiegħu, Ġesù jikseb is-salvazzjoni għall-midinbin u jagħtina t-tama. Meta nħarsu lejn is-salib, naħsbu dwar il-kobor tal-imħabba ta’ Ġesù, dwar il-qawmien tiegħu u l-ħniena tas-salvazzjoni tiegħu, li qegħda hemm għal kulħadd. Meta nħarsu lejn il-Bibbja, nemmnu li l-messaġġ ta’ Alla hu verità. Dawk li jemmnu dak li kien hemm miktub fuq is-salib ta’ Ġesù, bħall-ħalliel, għad ikunu ma’ Ġesù fil-Ġenna. 

Tistgħu taraw dan il-video, biex taħsbu aktar dwar is-salib, il-kuruna u l-Bibbja.

Inroddu s-salib

Ġesù, inti s-Sid u s-Salvatur tagħna. Ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek. Grazzi tal-imħabba u l-ħniena tiegħek, inti salvajtna permezz tal-mewt tiegħek, sabiex nistgħu ngħixu miegħek għal dejjem fil-glorja. Ammen. 

Matul din il-ġimgħa, kull darba li tħares lejn kurċifiss, aħseb dwar is-sagrifiċċju ta’ Ġesù. Isma’, Lord, I lift you name on high .

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.