Għal darb’oħra, l-Evanġelju se jwasslilna messaġġ ta’ tama, maħfra u ħniena. Il-ġimgħa l-oħra kellna l-parabbola tal-Iben il-Ħali, jew kif nistgħu nsejħulha wkoll il-Missier Ħanin. Il-lum fl-Evanġelju, ser nisimgħu ġrajja fejn Ġesù huwa kkonfrontat mill-Fariżej u mill-Kittieba. Dawn iġibulu quddiemu mara li qabduha fl-adulterju. Huma ma tantx kien jinteresshom il-ħażin li seħħ, l-iskop tagħhom kien li jonsbu lil Ġesù. Ġesù mhux talli ma jaqax fin-nassa tagħhom, iżda juża’ din l-okkażżjoni biex jgħallimna aktar dwar min huwa Alla.
Ma liema karattru l-aktar li tidentifika lilek innifsek? Mal-mara? Qatt xi ħadd perreċ quddiem in-nies, xi ħażin li għamilt? Kif ħassejtek?
Jista’ jkun li ġieli kont parti mill-‘folla,’ lest bil-ġebla f’idejk. Kemm isseksek fuq l-oħrajn u bi kliemek tiġġudika u tikkundanna? Kemm tippunta subgħajk lejn l-oħrajn u tagħlaq għajnejk għall-imġieba ħażina tiegħek?
Ġieli kont minflok Ġesù? Ġieli sibt ruħek taħfer lil xi ħadd b’kompassjoni kbira?
Qatt kont fis-sitwazzjoni tal-mara, fejn xi ħadd ħafirlek xi azzjoni ħażina li int għamilt? Kif ħassejtek?
Għamilna x’għamilna, illum Ġesù jrid iserrħilna moħħna li hemm il-maħfra tistenniena. Ġesù jrid jagħtina l-libertà mid-dnub li għamilna. Id-dnub itaqqalna, joħdilna l-paċi tal-qalb u tal-moħħ u qabel ma niksbu l-maħra ma nistrieħux. Ġesù jistedinna, “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.” (Mattew 11, 28)
Meta Alla jħares lejna ma jarax biss il-ħażin li nagħmlu. Minflok jarana kif aħna fil-verità, hu jara anke t-tajjeb li nagħmlu. L-enfasi ta’ Alla hi fuq il-bniedem sħiħ u mhux fuq azzjonijiet partikolari. Id-dnub li għamlet il-mara kien kbir u skont il-liġi setgħu iħaġġruha. Ġesù ma jaċċettax dak li għamlet bħala tajjeb, ma jiskużahiex, iżda jaħfrilha, jagħtiha d-dinjità, jgħidilha biex ma terġax tidneb. Lil din il-mara, Ġesù taha ħajja ġdida. Il-ħniena ta’ Alla, hi infinita.
Is-sagrament tal-qrar, huwa s-sagrament lil lilna jagħtina ħajja ġdida. Dan is-sagrament jagħtina l-libertà mid-dnub, li kien qiegħed itaqqalna. Il-qrar jitlob minna bidla. Irridu nindmu. Meta wieħed jindem, mhux biss jiddispjaċih għall-ħażin li jkun għamel, imma wkoll jinbidel għall-aħjar.
F’waħda mill-katekeżijiet ta’ Papa Franġisku, jitkellem dwar il-qdusija tal-Knisja. Jgħid li aħna lkoll aħna midinba, “aħna Knisja tal-midinbin; u aħna l-midinbin ġejna msejħa nħallu lil Alla jibdilna, iġeddidna, iqaddisna.” (jekk tixtieq taqra d-diskors tal-Papa, żur hawn).