
San Ġwann il-Battista kien persuna eċċezzjonali, b’personalità li tolqtok. Hu kien mogħti importanza speċjali minn Ġesù meta dan stqarr: “Minn dawk imwielda min-nisa m’hawn ħadd akbar minn Ġwanni l-Battista!”(Mat. 11,11)
L-24 ta’ Ġunju hija l-festa ta’ meta twieled San Ġwann bħalma kien ħabbar l-Anġlu Gabrijel lil missieru Żakkarija qabel ma’ twieled. Żakkarija ma setax jemmen dan għax hu u martu kienu xjuħ. Żakkarija ddubita, mmuta u baqa’ mbikkem sat-twelid ta’ ibnu. L-Anġlu Gabrijel ħabbar ukoll it-twelid ta’ Ġwanni meta deher lill-Madonna u qalilha li hi kellha tkun Omm Alla u l-kuġina tagħha Eliżabetta kien se jkollha iben avolja kienet imdaħħla fiż-żmien. Fil-fatt, meta l-Madonna marret iżżur lil Eliżabetta, it-tnejn kienu qed jistennew tarbija: Eliżabetta lil Ġwanni u l-Madonna lil Ġesù.
Bħala żagħżugħ, Ġwanni kompla l-missjoni tiegħu billi beda jippriedka l-iktar fuq il-valur kbir tal-verità u tal-imħabba, iħeġġeġ lin-nies biex jikkonvertu u biex jitolbu maħfra minn dnubiethom. Hu kien jgħallem ħdejn ix-Xmara Ġordan, fejn beda jgħammed bl-ilma tax-xmara.
Għalhekk sar magħruf bħala Ġwanni l-Battista, jew Ġwanni l-Għammied. San Ġwann kien jgħammed bl-ilma biss imma kien jgħin lin-nies biex jindmu minn dnubiethom u hu kien jiġbed folol ta’ nies u jikkonvertu. Hu ma kienx jgħammed bl-Ispirtu s-Santu, u l-Ispirtu s-Santu ma kienx jinżel fuq in-nies bħalma jiġri fis-Sagrament tal-Magħmudija tagħna.
Ħafna nies kienu jemmnu fit-tagħlim tiegħu u wħud minnhom kienu jaħsbuh il-Messija, imma hu kien jgħidilhom li hu ma kienx il-Messija imma li kien jgħin lin-nies biex jippreparaw ruħhom għall-miġja tiegħU. Ġesù nnifsu ġie fejn il-Ġordan u talab lil Ġwanni biex jgħammdu. Waqt il-Magħmudija ta’ Ġesù nstama’ leħen Alla l-Missier mis-sema jgħid: “Dan hu Ibni l-Maħbub, fih jien sibt il-għaxqa tiegħi.” (Mt 3, 14-17).
Ir-Re Erodi ma tantx kien jieħu gost bil-popolarità ta’ Ġwanni l-Battista għax hu kien jgħidlu li ma kienx qed jagħmel sew jieħu għandu lil Erodja, il-mara ta’ ħuh. Għalhekk, Erodi qatgħulu rasu fuq talba tat-tifla ta’ Erodja, li riedet tpattihielu tal-kundanna li kien għamel lil ommha.
Il-ħajja ta’ Ġwanni tibqa’ messaġġ għal kull min irid jimxi wara Kristu. Dawn jeħtieġ li jpoġġu lil Alla l-ewwel u qabel kollox fid-deċiżjonijiet tagħhom avolja ma jkunux aċċettati mis-soċjetà. Hi tradizzjoni li lejliet il-festa ta’ San Ġwann il-Battista ssir ħuġġieġa. Għalkemm din hija prattika pagana biex jilqgħu l-istaġun tas-sajf, tirrappreżenta wkoll il-ferħ li ġab it-twelid tal-Perkursur tal-Messija: Id-Dawl tad-Dinja.
