
San Franġisk Saverju twieled ħdejn Pamplona, Spanja, fil-Kastell Xavier, fis-7 ta’ April, 1506. Fl-1524, daħal l-Università ta’ Pariġi biex jistudja l-filosofija, u ħa l-Grad mill-Kulleġġ ta’ Santa Barbara. Hawn iltaqa’ u sar ħabib ma’ Sant’Injazju ta’ Loyola.
Injazju għenu jbiddel l-ambizzjonijiet tiegħu mill-fama tad-dinja għal waħda lejn il-fidi nisranija. Fil-fatt, il-ħsieb tiegħu kien fuq l-istudju u t-tagħlim u kien ippjana li jsir professor tal-filosofija fl-Università.
Imma Alla kellu pjanijiet oħra għalih. Ta’ 28 sena, hu ċeda għall-ideali għoljin t’Injazju wara li kien ilu jgħix fl-istess kamra miegħu u mal-Beatu Pietru Favre fl-Università ta’ Pariġi. Fl-1537, Franġisk flimkien ma’ Injazju u erba’ Ġiżwiti oħra kien ordnat saċerdot f’Venezja. Hu sar wieħed mill-ewwel sitt kumpanni ta’ Injazju li ħadu l-voti f’Montmartre, fl-1534.
Fl-1542, hu vvjaġġa lejn Goa, l-Indja, fejn qeda lill-foqra, żar lill-priġunieri u lill-morda, u għammed eluf ta’ nies. Għamel l-Evanġelju aċċessibbli billi ttraduċa t-tagħlim u kkompona mużika għat-talb.
Mill-1545 sal-1548, hu mar fil-Ġappun fejn kompla bil-missjoni tiegħu.
Fl-1549, Franġisk Saverju kien l-ewwel missjunarju nisrani li daħal il-Ġappun, fejn qatta’ aktar minn sentejn jadatta ruħu għad-drawwiet tal-lokal u jistabbilixxi l-pedament għall-komunità nisranija.
Kellu xewqa kbira li jwassal il-Vanġelu fiċ-Ċina li dak iż-żmien kienet magħluqa għall-barranin. Għalhekk Franġisku mar fuq gżira żgħira ħdejn Hong Kong, ftit ‘il bogħod miċ-Ċina. Imma sfortunatament sakemm kien qed jistenna lil wieħed negozjant li kien wegħdu li kellu jdaħħlu bil-moħbi fiċ-Ċina, Franġisk marad u miet. Kien fit-3 ta’ Diċembru 1552, fl-età ta’ 46 sena.
San Franġisk Saverju kien iddikjarat qaddis, flimkien ma’ Sant’Injazju ta’ Loyola fl-1662.
Santa Tereża ta’ Lisieux u San Franġisk huma l-Patruni tal-Missjonijiet.
San Franġisk twieled Spanja, u flimkien ma’ San Injazju ta’ Loyola waqqaf is-Soċjetà tal-Ġiżwiti. Dan il-missjunarju ppriedka u xerred il-Kelma t’Alla fl-Afrika, fl-Indja, fil-Ġapan u l-Filippini. Li tkun Kattoliku f’dawn il-pajjiżi hija sfida kbira, imma San Franġisk qatt ma qata’ qalbu. Hu kien bniedem fidil lejn il-Mulej anke f’sitwazzjonijiet diffiċli ħafna.
