
Sant’Andrija, bħal missieru Ġona, u ħuh San Pietru, kien sajjied minn Betsajda. Il-familja tiegħu kellha dar f’Kafarnahum, fejn ġieli mar Ġesù.
Sant’Andrija kien wieħed mit-tnax-il appostlu msejħin minn Ġesù nnifsu. Il-missjoni speċjali tal-appostli kienet li jibnu l-pedament tal-fidi Nisranija bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.
Il-ħdax l-oħra kienu: Pietru, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Ġuda Taddew, Bartilmew, Tumas, Ġakbu ż-Żgħir, Mattew, Xmun u Ġuda l-Iskarjota (li minfloku daħal Mattija).
Bil-Grieg, l-isem Andrija għandha konnotazzjoni mal-kelma ‘kuraġġ’ u ‘fih raġel’. Indri jidher li kien jaf imur tajjeb man-nies u kien raġel li jieħu azzjoni. Hu flimkien ma’ ħuh Pietru kienu l-ewwel segwaċi ta’ Ġesù. Kien magħruf bħala “l-Ewwel Appostlu li kien msejjaħ”, hekk kif wieġeb mill-ewwel għas-sejħa ta’ Ġesù: “Imxi warajja”. Kien ukoll l-ewwel dixxiplu li sejjaħ lil Ġesù “il-Messija”.
Qabel ma beda jimxi wara Ġesù, hu kien dixxiplu ta’ Ġwanni l-Battista, sakemm Ġwanni l-Battista stess wera lil Ġesù bħala l-Bniedem li kellhom jimxu warajh.
Fl-Evanġejlu, wieħed isib siltiet fejn Andrija (Indrì) jissemma b’ismu:
• Is-sejħa ta’ Indrì u Xmun Pietru (Ġw. 1, 35-42)
• Ir-rwol ta’ Indrì fil-miraklu tat-tkattir tal-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet (Ġw. 6, 8-9).
Indrì u Filippu wasslu għadd ta’ Griegi biex ikellmu lil Ġesù – tista’ tfittex dawn l-episodji fl-Evanġelju ta’ San Ġwann jew f’Bibbja għat-tfal. Indrì kien dixxiplu li mexa wara Ġesù għall-bqija ta’ ħajtu. Tkun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu tfisser li tkun segwaċi dedikat li tfittex li ssir jaf lil Ġesù, tobdih u timitah fil-ħajja ta’ kuljum.
Wara l-mewt ta’ Ġesù, Sant’Andrija mar jipprietka l-Vanġelu fil-Ġreċja, u fit-Turkija u x’aktarx fil-Polonja u fir-Russja. Sofra l-martirju, fil-Ġreċja, fiż-żmien il-persekuzzjoni ta’ Neruni. Ġie marbut ma’ salib forma ta’ X biex idum iktar ma jmut. Infatti miet wara jumejn.
Sant’Andrija hu l-qaddis Patrun tal-Iskozja, tar-Russja, tal-Ġreċja, tar-Rumanija, tal-Ukrajna u tas-sajjieda.
Dan is-sajjied, ħu San Pietru, kien l-ewwel Appostlu li kien imsejjaħ biex jimxi wara Ġesù! Fil-fatt, l-isem ‘Andrija’ bil-Grieġ ifisser “l-ewwel imsejjaħ”.
