It-tempesta

12-il Ħadd ta' Matul is-Sena

Fil-qari tal-lum, għandna l-ewwel miraklu li jissemma fl-Evanġelju skont San Mark, meta d-dixxipli jinqabdu f’maltempata u Ġesù jikkalma t-tempesta. Insibu mistoqsija li jagħmlu d-dixxipli wara li jseħħ il-miraklu. “Qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”” Din il-mistoqsija hija l-qalba tal-Evanġelju ta’ San Mark u hija mistoqsija li nagħmlu aħna llum ukoll. Min hu Ġesù? Hu l-Messija, l-Iben maħbub ta’ Alla. 

Id-dixxipli jibżgħu meta jinqabdu fil-maltemp għall-għarrieda, waqt li Ġesù kien rieqed fid-dgħajsa. Huma jinfixlu u jqajmu lil Ġesù li baqa’ kalm fis-sitwazzjoni li kienet qed iseħħ madwaru. Id-dixxipli jqajmu lil Ġesù u jakkużawh, “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” Wara li Ġesù jikkalma lir-riħ u lill-baħar, hu jċanfarhom minħabba l-biża’ tagħhom u n-nuqqas ta’ fidi. U hu f’dan il-ħin li jistaqsu, “dan min hu?” 

Aħna nafu min hu Ġesù. Iżda l-mistoqsija hi għalina wkoll. Il-fidi tagħna f’Ġesù ser tibqa’ soda meta niffaċċjaw it-theddid, il-periklu u t-tbatija? Jista’ jkollna maltempata għaddejja ġewwa fina, l-inkwiet u l-problemi tal-ħajja jistgħu jkunu kbar, iżda la Ġesù hu dejjem magħna, hu għandu s-setgħa li, jekk aħna nħalluh, jikkalma dan il-maltemp ukoll. Dawn huma l-mumenti fejn il-fidi tressaqna lejn Alla, għax nafu li niddependu fuqu, u din id-dipendenza ġġib mistrieħ, paċi u umiltà. Ġesù ma jċanfarx lid-dixxipli għax iqajmuh, minflok iċanfarhom minħabba n-nuqqas ta’ fidi. Meta l-inkwiet tagħna nressquh quddiem Alla, inkunu qed nagħrfu l-qawwa tiegħu u d-dgħufija tagħna. Alla huwa setgħan, u għandna nistaqsu lilna nfusna, “jien lest li nafda lil Alla biex huwa jmexxili lil ħajti?” Meta niddependu minn Alla, inħossu li aħna protetti u ssapportjati. Fi żminijiet diffiċli, nistgħu niddependu fuq Kristu. 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 4, 35-41) 

Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra. 

U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” 

Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!” U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” 

U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?” 

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Aħna nistgħu nirrelataw mal-esperjenza tad-dixxipli. Li nemmnu b’sinċertà li Ġesù qiegħed magħna fil-mixja tagħna lejn Alla, waqt li nkunu għaddejjin minn maltemp f’ħajjitna, tirrikjedi kuraġġ u talb. Irridu nrawwmu lilna nfusna biex nemmnu li ma hemm l-ebda maltemp li ma jistax jikkalma permezz tal-preżenza tiegħu. 
  4. Li ngħaddu ħin ta’ adorazzjoni, quddiem Ġesù Sagramentat tgħinna biex nafdaw fil-Mulej. Din il-ġimgħa, ipprova mur sa Kappella tal-Adorazzjoni. Madre Tereża ta’ Kalkutta tgħid hekk: “meta tħares lejn l-Ostja Mqaddsa, tinduna kemm Ġesù verament inħobbok illum.” 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw: 
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (4, 35-41)
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Fl-Evanġelju tal-lum, nisimgħu dwar il-qawwa ta’ Ġesù, fuq in-natura. Inqalgħet maltempata kbira, waqt li kien flimkien mad-dixxipli tiegħu, fuq dgħajsa, u Ġesù jikkalma r-riħ u l-baħar u jgħid lid-dixxipli biex ikollhom il-kuraġġ u l-fidi. 

  • Alla huwa ferm aktar qawwi minn kull tempesta jew minn kull inkwiet li jista’ jkollna
  • Ġesù qiegħed magħna dejjem, anke meta ma nistgħux inħossu l-preżenza tiegħu
  • Printout
  • Kuluri u lapes
  • Imqass u gloj
  • Kartonċina blu

Immaġina li qiegħed fuq dgħajsa u f’daqqa waħda tinqala’ tempesta. L-ewwel jibda jinfoħ ir-riħ, imbagħad tibda nieżla x-xita u wara jkun hemm ir-ragħad u s-sajjetti. Kif tħossok? Naħseb tibża’ hux hekk? Hekk ġralhom id-dixxipli li kienu ma’ Ġesù fuq dgħajsa, kif smajna fl-Evanġelju tal-lum. 

Flimkien mad-dixxipli, Ġesù, kien qiegħed idur mal-irħula jgħallem u jagħmel il-mirakli. Filgħaxija, Ġesù staqsiehom biex imorru n-naħa l-oħra tal-għadira. Għalhekk telgħu fuq dgħajsa u bdew jaqsmu l-baħar tal-Galilija. Ġesù kien għajjien u għalhekk raqad fuq imħadda fuq wara tad-dgħajsa. F’daqqa waħda, qamet maltempata kbira u l-mewġ kien tant kbir li beda dieħel fid-dgħajsa. Id-dixxipli beżgħu u qajmu lil Ġesù u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” 

Ġesù qam u lir-riħ u lill-mewġ qalilhom: “Iskot! Biżżejjed!” U waqaf ir-riħ u l-baħar ikkalma. U Ġesù dahar fuq id-dixxipli u staqsiehom, “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?” 

Dan il-miraklu jgħallimna li Alla qiegħed dejjem magħna, anke meta nkunu għaddejjin minn xi maltempata fil-ħajja tagħna. Għalkemm mhux ser inkunu f’xi maltempata fuq il-baħar, bħalma kienu d-dixxipli, xorta waħda fil-ħajja tagħna jista’ jkollna xi żmien diffiċli. Jista’ jkun li nkunu morda, jew inkella ġġielidna mal-ħbieb, jew forsi ma tantx morna tajjeb l-iskola, avolja studjajna, inkella jmut xi ħadd u nkunu mdejqa ħafna. F’dawn il-ħinijiet, nafu li għalkemm ma nistgħux inħossu lil Alla maġenbna, kif id-dixxipli ħassew li Ġesù ‘ma kienx magħhom’ fuq id-dgħajsa, nemmnu li Alla qiegħed hemm f’kull diffikultà u żmien diffiċli li ngħaddu minnu. Alla huwa aktar b’saħħtu minn kull maltempata jew diffikultà li jista’ jkollna. Jekk għandna fidi fih, nafu li xejn ma hu impossibli għal Alla. 

Biex niftakru fl-Evanġelju tal-lum, għamlu printout tal-istampa “Ġesù jikkalma l-maltempata ta’ qalbi.” Agħti l-kulur lill-qalb, lill-qlugħ u lid-dgħajsa. Aqtagħhom. Wara aqta’ ħames strixxi ta’ 1ċm mill-kartonċina. Dawwar dawn l-istrixxi ma’ lapes biex jiġu jixbħu l-mewġ u waħħalhom fin-naħa ta’ isfel tal-qalb. Itwi t-trianglu min-nofs biex jiġi bħal qlugħ. Waħħal id-dgħajsa fuq il-mewġ u l-qlugħ fuq id-dgħajsa. Ikteb ismek fuq il-qalb. Ara l-istampa biex tara kif għandha tiġi. Tista’ tisma’ din is-song.

Inroddu s-salib

Għażiż Mulej, nafu li xi drabi ser ikollna sitwazzjonijiet diffiċli. Grazzi li inti dejjem magħna biex tikkalma dawn il-maltempati. Agħtina l-kuraġġ biex inkunu kuraġġużi u nagħmlu dak li hu tajjeb. Ammen.  

Fl-Evanġelju tal-lum, waqt li Ġesù kien rieqed fid-dgħajsa, tqum maltempata kbira. Id-dixxipli li kienu miegħu, jibżgħu u jqajmuh. Ġesù jgħid, “Iskot! Biżżejjed!” u l-baħar u r-riħ jobduh. 

  • Għal Alla kollox possibbli
  • Jekk nafdaw f’Ġesù, speċjalment meta nkunu nkwetati, ma nibżgħux, għax nafu li hu, dejjem iħobbna u jieħu ħsiebna
  • Printout ta’ Ġesù jikkalma l-maltempata
  • Kuluri
  • Imqass
  • Split pin

Tistgħu tiftakru meta xi darba kontu nkwetati dwar xi ħaġa? Forsi kellkom xi test tal-iskola, jew xi ħabib li kien marid, jew forsi kellkom xi incident u weġġajtu. Dejjem tgħin li titkellem u tiftaħ qalbek ma’ xi ħadd, tista’ titkellem mal-ġenituri, mal-għalliema, mal-ħbieb, mal-katekisti jew ma’ saċerdot. 

Fl-Evanġelju tal-lum, id-dixxipli kienu nkwetati, minħabba li qamet tempesta, waqt li kienu fuq dgħajsa fil-Baħar tal-Galilija. Ir-riħ kien qawwi ħafna u l-mewġ kbir kien qiegħed jidħol fid-dgħajsa. Dan il-ħin kollu, Ġesù kien rieqed fuq wara tad-dgħajsa! Il-maltemp ma kienx qiegħed jinkwieta lil Ġesù, għax kien jaf li ma kien hemm l-ebda periklu. Meta hemm Alla, kollox possibbli! Meta d-dixxipli jqajmu lil Ġesù, hu jqum u jwaqqaf lir-riħ u lill-baħar, jgħidilhom, “Iskot! Biżżejjed!” Il-baħar u r-riħ jikkalmaw mal-ewwel. Id-dixxipli, issa ma baqgħux fil-periklu li jegħrqu. “X’ġara?” staqiehom Ġesù. “Mela ma tafdawnix?”  Huma baqgħu mistagħġba. Hu kellu l-qawwa ta’ Alla, il-qawwa li jikkontrolla t-temp. 

Hemm affarijiet li lilna jinkwetgħuna u li ma jkollnix kontroll fuqhom. Iżda dejjem nistgħu naqsmu dawn il-ħsibijiet u inkwiet tagħna ma’ Ġesù, bħalma għamlu d-dixxipli. Meta fit-talb tagħna, inwasslu dak li qiegħed iħassibna lil Ġesù, hu jgħinna biex naraw l-inkwiet li jkollna minn perspettiva oħra. Ġesù jgħinna biex niffaċċjaw dawn is-sitwazzjonijiet b’fidi fl-imħabba u l-protezzjoni ta’ Alla. Hu jieħu ħsiebna, ma għandnix għalfejn ninkwetaw. Ma’ Ġesù kollox ikun sew, kollox hu possibbli. 

Sabiex niftakru l-Evanġelju tal-lum, agħmlu d-‘dgħajsa fit-tempesta’ tagħkom. Agħmlu printout tal-attività, agħtuha l-kulur u aqtgħuha. Agħmlu toqba zgħira fin-nofs taċ-ċirku u tad-dgħajsa. Daħħlu l-isplit pin u iftħu s-saqajn tal-pin. Issa tistgħu ddawru ċ-ċirku u s-sema tinbidel mix-xita u ragħad, għal temp sabiħ u xemxi. Waqt li qegħdin tagħmlu din l-attività, isimgħu, Nothing is Impossible.

Inroddu s-salib

Mulej Alla, għallimna nafdaw aktar fik. Tħallix li fil-biżgħat tagħna, aħna niddubitaw li inti qiegħed ħdejna u li qiegħed tieħu ħsiebna.  

Bil-qalb infaħħru lil Alla bit-talba tal-Glorja (li ngħidu waqt il-quddies) 

Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Infaħħruk, inberkuk, nadurawk, nagħtuk ġieħ, inroddulek ħajr għall-glorja kbira tiegħek. Mulej Alla, Sultan tas-sema. Alla Missier li tista’ kollox, Mulej Iben waħdieni, Ġesu’ Kristu, Mulej Alla, Ħaruf t’Alla, Bin il-Missier, Int li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, ħenn għalina; Int li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna; Int li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex int waħdek Qaddis, int waħdek Mulej, int waħdek il-Għoli, Ġesu’ Kristu, ma’ l-Ispirtu s-Santu: fil-glorja tal-Missier Alla. Ammen.   

1. F'dan l-Evanġelju, naqraw li d-dixxipli kienu ma' Ġesù fuq dgħajsa u qamet....

Correct! Wrong!

2. Waqt li qamet it-tempesta, x'kien qed jagħmel Ġesù?

Correct! Wrong!

3. X'għamli d-dixxipli x'ħin raw dak li kien qed jiġri?

Correct! Wrong!

4. X'qal Ġesù lir-riħ u lill-baħar.........

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.