L-Evanġelju li tagħtina l-Knisja l-lum, fil-festa tal-Qaddisin Kollha huwa dak tal-Beatitudnijiet. Huma għajnuniet biex insiru qaddisin. Huma l-għajnuna li jagħtina Ġesù biex niksbu l-ferħ dejjiemi. Il-kelma hena (henjin) hija ripetuta għal disa’ darbiet. Meta xi ħadd jgħid ‘dak għandu l-barka ta’ Alla’ jkun qiegħed jifhem li dik il-persuna ma jonqosha xejn. Dan huwa l-mod li Alla jixtieq li ngħixu, fil-barka tiegħu. Mhux faċli li ngħixu b’dan il-mod, minħabba li ħafna drabi d-dinja ta’ madwarna tgħidilna li l-ferħ niksbuh meta nagħmlu eżatt l-oppost! In-natura umana tagħna tiġbidna biex naħsbu fina nfusna l-ewwel, aktar milli nagħtu kas tal-oħrajn, li nieħdu dak li nistgħu minn kull fejn inkunu u mhux nagħtu lura, li għal daqqa’ nagħtu tnejn lura. Jista’ jkun, u x’aktarx hekk hu, li hemm drabi meta nagħmlu l-oppost ta’ dak li jipproponu l-beatitudnijiet u jkollna sodisfazzjon. Imma dan huwa pjaċir li jgħaddi, pjaċir li jista’ wkoll itaqqal il-kuxjenza tagħna.
Meta nkunu fqar fl-ispirtu, inħallu lil Alla jmexxina f’kollox. Il-ġid materjali ma jokkupax l-ewwel post fl-għażliet tagħna. L-imnikket li jitkellem Ġesù dwaru huwa dak li jħoss għall-oħrajn, li jiddispjaċih għall-inġustizzja li ssir ma’ ħaddieħor u li jipprova jirranġa din l-inġustizzja. Inkunu ta’ qalb ħelwa meta nkunu qalbna tajba, meta kliemna jkun kliem ta’ mħabba, mhux ta’ mibegħda u għira. Inkunu bil-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja meta naqsmu dak li għandna. Xejn ma hu tagħna. Aktar ‘l quddiem f’dan l-Evanġelju, Ġesù jgħid ‘b’xejn ħadtu, b’xejn agħtu’ (Mt 10, 8).
Li tħenn tfisser li taħfer, li tagħżel li ma tpattix lura. L-egoiżmu ma jħalliniex inkunu safja f’qalbna. Meta nkunu safja f’qalbna, nagħtu mingħajr ma nistennew xejn lura. Ġesù, jixtieq li nkunu wkoll strumenti ta’ paċi, mhux ta’ firda, li nsolvu d-differenzi ta’ bejnietna bil-kelma t-tajba, mhux bi vjolenza u kliem aħrax. Ġesù jaf li meta ngħixu kif jixtieq hu, ser nsibu lil min ma jaqbilx magħna. Mhux l-istess imxew miegħu? Ġesù qatt ma għamel ħsara lil ħadd, u l-għedewwa tiegħu ma waqfux qabel ma rawh imdendel ma’ salib. Ġesù jaf li ser inkunu ppersegwitati, li ser ikun hemm minn jimxi magħna b’mod ħażin, min iwaqqgħana għaċ-ċajt, għax nagħżlu li nħobbu, inħennu, naħfru u naħdmu għall-ġustizzja.
Xejn minn dawn ma hi għażla faċli. Imma Ġesù jwegħdna li meta nimxu warajh ser jkollna l-premju ta’ dejjem, il-premju li ħaduh dawk ta’ qabilna, il-premju tal-qaddisin: is-Saltna tas-Smewwiet.