Santa Kateri Tekakwitha

14 ta’ Lulju

Santa Kateri kienet membru tat-tribù ‘Mohawk’; grupp ta’ persuni li kienu jkunu familji diversi b’lingwa u kultura komuni. 

Santa Kateri twieldet fl-1656 ġo villaġġ li issa jagħmel parti mill-belt ta’ New York fl-Istati Uniti.  Missierha kien il-Kap tal-‘Mohawk’ u ommha kienet kattolika. Meta Kateri kellha erba’ snin, epidemija gravi tal-ġidri laqtet il-poplu tagħha. B’riżultat ta’ din il-marda, mhux talli tilfet lill-familja kollha, imma baqgħet b’wiċċha mmarkat bi tbajja’ u problemi fil-vista.

Wara xi żmien, iz-zija u z-ziju tagħha addottawha. Zijuha kien ukoll kap tat-tribù.

Kienet persuna b’personalità ġentili u kienet tħobb lil kulħadd, tħobb in-natura, titkellem ma’ Alla u dejjem żammet f’moħħha u f’qalbha t-talb u l-istejjer li ommha u zijitha kienu għallmuha dwar il-Fidi Kattolika.

Meta kellha 18-il sena, tgħallmet aktar dwar il-Fidi Kattolika mingħand missjunarji Ġiżwiti li kienu bnew kappella fl-inħawi.  Eventwalment, meta kellha għoxrin sena, zijuha taha l-permess biex titgħammed.  Ġiet mogħtija l-isem ta’ Katerina li bil-lingwa tagħha kien Kateri.

Wara li tgħammdet, ħafna persuni bdew jittrattawha ħażin, l-aktar minħabba li waqfet taħdem nhar ta’ Ħadd.  Sena wara, telqet mill-villaġġ tagħha u marret tgħix ġo dar tal-missjoni għall-persuni indiġeni li kienu Kattoliċi fi Quebec, il-Kanada.

Irċeviet l-Ewwel Tqarbina meta kellha wieħed u għoxrin sena.  Ħajjitha fil-missjoni kienet ħajja ta’ talb, penitenza, għajnuna lill-foqra u l-morda minbarra li twettaq xogħol manwali ieħor.  

Santa Kateri ma kinitx taf tikteb u taqra, imma xorta kienet tirrakonta stejjer dwar Ġesù lit-tfal tal-missjoni.  Iddeċidiet li tgħix għal Ġesù biss, u kienet tgħid li l-qawwa tagħha kienet tiġi mingħand Ġesù fl-Ewkaristija u l-Kurċifiss.  Santa Kateri kienet persuna ferriħija avolja kienet tkun dejjem marida.  Saħħitha baqgħet dejjem sejra lura, u fis-17 ta’ April 1680, hi mietet fl-età ta’ 24 sena. L-aħħar kliem tagħha kienu ‘Ġesù, Marija inħobbkom’.  Żewġ qassisin Ġiżwiti u oħrajn preżenti fil-mument tal-mewt tagħha raw kif wiċċha tnaddaf mit-tbajja’ tal-ġidri u ħa lewn sabiħ.   

Santa Kateri hija l-ewwel mara nativa tal-Amerika ta’ Fuq li ġiet ikkanonizzata.  Kateri hija l-qaddisa patruna tal-Injdani Amerikani, l-ekoloġija u l-ambjent.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.