Santa Kateri kienet membru ta’ tribu Mowhawk; grupp ta’ persuni li kienu jkunu familji diversi b’lingwa u kultura komuni. Santa Kateri hija ukoll l-ewwel indiġena Amerikana li ġiet iddikjarata qaddisa.
Santa Kateri twieldet fl-1656 ġo villaġġ li issa jagħmel parti mill-Belt ta’ New York fl-Istati Uniti. Missierha kien il-mexxej ta’ Tribu u Ommha kienet Kattolika. Meta kellha 4 snin Santa Kateri mardet bil-ġidri riħ li ħallietha bla saħħa, naqsitilha il-vista f’għajnejha, u affetwatilha id-dehra ta’ wiċċha, permezz ta’ tbajjiet.
Kienet persuna b’personalita ġentili u kienet tħobb lill kulħadd. Kienet tħobb toqgħod fin-natura, titkellem ma’ Alla, dejjem żammet f’moħħa u f’qalbha it-talb u stejjer li ommha u zijitha kienu għalmuha dwar il-Fidi Kattolika.
Meta kellha 18-il sena, tgħallmet aktar dwar il-Fidi Kattolika mingħand xi missjunarji li kienu bnew kappella fl-inhawi. Meta kellha 20 sena Santa Kateri tgħammdet. Ġiet mogħtija l-isem ta’ Katerina li bi lingwa tagħha kien Kateri.
Wara li tgħammdet ħafna persuni bdew jittrattawha ħażin, l-aktar minħabba li waqqfet taħdem nhar ta’ Ħadd. Sena wara telqgħet mill-villaġġ tagġha u marret tgħix ġo dar tal-missjoni għal persuni indiġeni li kienu Kattoliċi fi Quebec il-Kanada.
Għamlet il-Preċett meta kellha 21 sena. Il-ħajja tagħha kienet waħda ta’ xogħol, talb, penitenza u għajnuna lill-persuni foqra u morda.
Santa Kateri ma kienetx taf, tikteb jew taqra, imma xorta kienet tirrakonta stejjer dwar Ġesu lit-tfal fil-missjoni. Iddeċidiet li tghix ghal Gesu biss, kienet tghid li il-qawwa tagħha kienet tiġi mingħand Ġesu fl-Ewkaristija u l-Kurċifiss. Kienet persuna ferrieħija avolja kienet tkun dejjem marida. Saħħitha baqgħet dejjem sejra lura, sa ma mietet fl-eta ta’ 24 sena. Żewġ saċerdoti missjunarji li kienu preżenti waqt il-mewt tagħha taw xiehda li raw it-tbajjiet ta’ wiċċha jisparixxu u jerġa jiġi normali. Hija mietet fis-17 ta’April 1680 u l-aħħar kliem tagħha kienu ‘Ġesu, Marija Inħobbkhom’. Santa Kateri Tekakwitha hija patruna ta’ l-indiġeni Amerikani, l-ekoloġija u l-ambjent, il-festa tagħha tiġi iċċelebrata kull sena fl-14 ta’ Lulju.