Is-Saltna ta’ Alla

Il-Festa ta’ Kristu Sultan

Dan huwa l-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika, u niċċelebraw is-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien Kollu. Hekk kif is-sena waslet biex tispiċċa, naħsbu dwar dak iż-żmien meta Ġesù għad jerġa’ jiġi bħala Sultan. Din il-festa li ġiet imwaqfa minn Papa Piju XI fl-1925, tiċċelebra l-identità ta’ Ġesù li nqimuh bħala mexxej u ragħaj ta’ kulħadd.

Fil-qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann (parti mill-passjoni), Ġesù jittieħed quddiem Pilatu, gvernatur ta’ setgħa fil-provinċja Rumana tal-Ġudea. Hu jistaqsi lil Ġesù dwar l-akkużi miġjuba kontrih. Kajfa u l-qassisin il-kbar akkużaw lil Ġesù b’att kriminali u politiku, li kien iġorr miegħu l-piena tal-mewt. Pilatu jiddistanza lilu nnifsu mill-mexxejja Lhud, minħabba li ma kienx Lhudi u ma tantx jidher li tinteressah din il-kwistjoni Lhudija.

Ġesù jgħid lil Pilatu li s-saltna tiegħu ma kinitx ta’ din l-art, iżda saltna li tagħti xhieda ta’ min huma n-nies fil-verità, tat-tjubija fir-relazzjonijiet, u hija post fejn in-nies juru ħniena ma’ dawk fil-bżonn. Fis-saltna tiegħu, in-nies jieħdu ħsieb xulxin, Ġesù hu r-re, iżda mhux sultan kif nimmaġinaw jew nistennew. Ġesù jitkellem dwar ix-xhieda li kull persuna maħluqa minn Alla, hija tajba, u tingħata l-libertà u msejħa biex tħobb u tibni relazzjonijiet b’saħħithom u awtentiċi. Il-verità, hija tema li nsibu matul l-Evanġelju ta’ San Ġwann. Hija enfasizata, b’mod speċjali f’dan id-djalogu bejn Pilatu u Ġesù. Dawk li jagħrfu l-verità, jagħrfu lil Ġesù bħala sultan u jkunu messaġġiera tal-verità, jieqfu għall-paċi u għall-ġustizzja għal dawk li huma maħkuma. Hemm drabi, meta anke aħna nsibuha diffiċli li nagħrfu lil Ġesù bħala sultan. Waqt li nirriflettu dwar l-Evanġelju tal-lum, naħsbu dwar il-konflitt li hemm bejn il-valuri li twassal is-soċjetà u l-valuri tas-Saltna ta’ Ġesù. Aħna mistednin nħarsu b’għajnejn ta’ fidi, biex nagħrfu li Ġesù, permezz tal-mewt tiegħu, huwa verament sultan u salvatur ta’ kulħadd. Nistaqsu lilna nfusna, Ġesù kif inhu ‘sultan’ ta’ ħajjitna? Aħna vera nqimuh bħala sultan? F’din il-festa ta’ Kristu Sultan, aħna msejħa biex neżaminaw lill-qalbna fid-dawl tal-attitudnijiet u azzjonijiet ta’ Ġesù. Ġesù, is-sultan li jaqdi, jistedinna biex naslu għand l-oħrajn u nħallu l-grazzja tal-fejqan tiegħu tasal f’qalbna wkoll. Il-ġimgħa d-dieħa jibda l-Avvent, huwa żmien ta’ tħejjija għall-Milied, meta nistgħu nsiru segwaċi aħjar ta’ Ġesù u naqdu fis-saltna tiegħu.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 18:33-37)

F’dak iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?” Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?” Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”

Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.

Pilatu qallu: “Mela int sultan?” U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Waqt li matul din il-ġimgħa nirriflettu dwar Ġesù Sultan tal-univers, tajjeb li naqraw u nitolbu Salm 24. Salm ta’ David, id-daħla trijonfali tal-arka fit-tempju, “Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem,ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!”
  4. Nitolbu u nirriflettu biex nitgħallmu nevitaw dawk id-distrazzjonijiet li ta’ kuljum, iżommuna milli niftħu l-bieb ta’ qalbna u nħallu lis-Sultan tal-glorja jidħol u jgħix fiha, bħala Sultan tal-ħajja tagħna.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (18, 33-37)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp bajda
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob id-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Illum il-festa ta’ Kristu Sultan. Imma Ġesù ma kienx jilbes kuruna tad-deheb jew joqgħod f’xi palazz u lanqas ma kellu ħafna sefturi. Ġesù huwa sultan differenti. Ġesù huwa r-re ta’ kulħadd, u jħobb u jieħu ħsieb lil kulħadd.

  • Ġesù twieled biex ikun Re, iżda mhux re li joqgħod bilqieħed fuq tron, jilbes kuruna u jikmanda lid-dinja. Ir-renju tiegħu hu fil-ġenna fejn hu sultan, issa u għal dejjem
  • Kopja tal-kuruna
  • Kuluri u stickers bħala dekorazzjoni

Intom qatt ħsibtu dwar x’tixtiequ ssiru meta tikbru? Forsi għalliem, tabib, veterinarju, avukat, nurse, jew pulizija. Hemm ħafna xogħolijiet li tistgħu tagħżlu minnhom. Kif tistgħu tiddeċiedu? Taħsbu li Ġesù, meta kien daqskom, qatt ħaseb dwar dak li xtaq ikun meta jikber? Il-papa tiegħu f’din l-art, kien Ġużeppi, mastrudaxxa. X’aktarx Ġesù kien jgħinnu u seta’ kien mastrudaxxa hu wkoll. Seta sar tabib, minħabba li hu kellu d-don li jfejjaq. Seta’ kien wieħed li jagħmel l-inbid, għax fit-tieġ ta’ Kana, bidel l-ilma f’inbid. Ġesù seta jkun sajjied, għax darba lis-sajjieda qalilhom fejn kellhom jitfgħu x-xbiek u huma qabdu ħafna hut! Dawn kollha kienu għażliet tajba għal Ġesù, iżda dawn ma kienux ir-raġuni għalfejn twieled. Hu twieled biex ikun sultan, iżda mhux sultan li jilbes kuruna tad-deheb u jgħix ġo palazz. Ġesù libes kuruna tax-xewk u twieled fi stalla, għax hu jħobbna u l-imħabba tiegħu hija kbira u hi għal dejjem, hu jieħu ħsieb kull wieħed u waħda minna. 

Fl-aħħar jiem tiegħu fuq din l-art, Ġesù kien arrestat u għaddewh minn proċess. Pilatu, il-gvernatur Ruman, staqsieh, ““Inti s-sultan tal-Lhud?” 

Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?” 

Pilatu wieġeb: “Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”

Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.

Pilatu qallu: “Mela int sultan?” 

U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja.”

Ġesù twieled biex ikun re, aħna nemmnu li Ġesù hu s-Sultan tagħna, u li s-saltna tiegħu hi fil-ġenna. Hu sultan tas-sema, li jurina kif għandna ngħixu. Dawk kollha li jemmnu fih, għandhom jobduh, għax hu jgħallimna kif nistgħu nkunu ferħanin. 

Jekk tixtieq li Ġesù jkun is-sultan tiegħek, għamel kuruna, imma żżejjinhiex bil-ġawar, minflok uża simboli mill-ħajja ta’ Ġesù. Pereżempju, tista’ tpenġi salib, jew qalb, jew tarbija f’maxtura. Iddeċiedi inti!Waqt li qed tagħmel din l-attività, isma’, Jesus is the King .

Inroddu s-salib.

Ġesù, inti s-Sultan tas-sema u tal-art. Jien irrid li tkun is-Sultan ta’ qalbi. Għinni biex ngħix bħalma għex inti, li nħobb lill-oħrajn, li ngħin lill-oħrajn u dejjem ngħid il-verità. Grazzi Ġesù, jien inħobbok u nadurak. Ammen. 

Introduzzjoni

Ta’ kull sena, fl-aħħar Ħadd, qabel l-Avvent, niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Sultan. Illum niċċelebraw lil Kristu bħala l-mexxej tal-univers. Ġesù ġie fid-dinja biex isalvana u biex iġib is-saltna ta’ Alla fuq din l-art.

  • Ġesù huwa l-mexxej ta’ kulħadd, hu Sultan tas-sema u tal-art
  • Aħna nsejħu lil Ġesù, sultan tagħna, iżda hu differenti mir-rejjiet tal-pajjiżi. Hu sultan differenti.

Użaw din il-link biex titgħallmu aktar dwar din il-festa ta’ Kristu Sultan.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ponzju Pilatu jistaqsi lil Ġesù, kienx sultan. Ġesù jwieġeb u jgħidlu li s-saltna tiegħu ma kinitx ta’ din l-art. X’taħsbu li ried ifisser Ġesù? Ġesù ma huwiex sultan tad-dinja. Allura fejn qegħda s-saltna ta’ Ġesù? Hu sultan tal-ġenna, hu s-sid u s-salvatur tagħna. Hu ġie biex jgħallimna l-verità dwar l-imħabba ta’ Alla l-Missier, u dwar il-maħfra, ġie biex isalvana mid-dnub tagħna. Ġesù jurina kif għandna ngħixu.

Ġesù ma jilbes l-ebda kuruna, ma joqgħodx f’xi palazz u lanqas ma għandu ħafna għana u sefturi. X’tip ta’ sultan hu Ġesù? Fiċ-ċert huwa sultan b’saħtu, għax jipproteġina mill-għedewwa tagħna u jgħinna f’dak li għandna bżonn. Hu kien jaqdi lill-oħrajn, aktar milli ħalla lil min jaqdi lilu. Hu jrid li nobdu t-tagħlim tiegħu u nimxu fuq l-eżempju tiegħu, f’dak kollu li nagħmlu u ngħidu. Ġesù jurina li biex inkunu importanti ma hemmx għalfejn ħafna flus u qawwa. Jurina li l-aktar ħaġa importanti hi kif inġibu ruħna mal-oħrajn. Dak li nagħmlu u ngħidu huwa aktar importanti milli jkollna l-aħħar mobile u l-aktar żraben tal-moda.

Pilatu tħawwad. Ma setax jifhem x’qal Ġesù. Għalhekk jerġa’ jistaqsi lil Ġesù, kienx re. Ġesù jgħidlu li hu kellu jitwieled biex iwassal il-verità lin-nies. U Pilatu jgħidlu, “il-verità x’hini?” X’taħsbu li hi l-verità li ġie jwasslina Ġesù? Hija, li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, u li ġie biex jurina kif għandna ngħixu. Ġie biex jgħallimna kif għandna ngħinu lill-oħrajn, kif inħobbu lill-proxxmu tagħna u naqsmu dak li għandna. Ġesù jgħid li dawk kollha li jgħożżu l-verità jisimgħu lilu. Kif nistgħu nisimgħu lil Ġesù? Nisimgħu lil Ġesù meta mmorru l-quddies, u nisimgħu l-Evanġelju, u naħsbu Ġesù x’qiegħed jgħidilna. Nisimgħu lil Ġesù wkoll, meta nitolbu.

Matul din il-ġimgħa nippruvaw nisimgħu lil kull min ikellimna. B’mod speċjali, nippruvaw nisimgħu lil Ġesù, li hu sultan differenti mis-slaten l-oħra.

Biex titgħallem aktar dwar l-Evanġelju tal-lum, żur il-link jew isma’ s-song, Jesus is the King.

Inroddu s-salib.

Ġesù, sultan tagħna, għinna biex inkunu nixbħuk aktar, f’dak kollu li nagħmlu u ngħidu. Għinna biex nisimgħu l-verità li ġejja minnek, li naraw li kulħadd huwa importanti, huma min huma u ġejjin minn fejn ġejjin. Għinna biex nisimgħu speċjalment lil dawk li huma fil-bżonn. Mulej, fil-ħniena tiegħek, isma’ t-talba tagħna. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.