San Ġwann Neumann twieled fl-1811 fil-Bohemia, illum magħruf bħala r-Repubblika Ċeka, li huwa pajjiż żgħir fl-Ewropa Ċentrali. Huwa kien jaf li biex ikollu suċċess fil-ħajja, kien importanti li jkun jaf aktar lingwi minnbarra ilsien art twelidu. Fil-fatt huwa tgħallem sitt lingwi!
Meta kien għadu żagħżugħ, Ġwann kien jaf li kien imsejjaħ biex issir Saċerdot. Huwa beda l-istudji tiegħu għas-Saċerdozju, iżda meta spiċċa l-istudji tiegħu, ma setax issib Isqof biex jordnah Saċerdot. Dak iż-żmien kien hemm ħafna Saċerdoti fl-Ewropa u ma kienx hemm parroċċa fejn jista jintbagħad.
Ġwann ma qatax qalbu. Huwa kiteb lill-Isqof ta’ New York, u talbu biex jaċċettah fid-Dijoċesi tiegħu. Huwa ġie aċċettat mill-Isqof ta’ New York. Ġwanni telaq pajjiżu u mar New York, meta wasal kellu dollaru fil-but u bagalja bil-ħwejjeġ.
L-Isqof ta’ New York, ordnah Saċerdot u Ġwanni beda il-missjoni tiegħu jivvjaġġa fuq żiemel bejn parroċċa u oħra. Kien jorqod ftit siegħat biss u l-parti l-kbira tal-ġimgħa kien jgħix fuq ħobż u ilma biss.
Wara xi żmien li Ġwanni għamel jaħdem waħdu, huwa ħass li il-vokazzjoni tiegħu kienet li jagħmel parti minn kommunita’ ta’ patrijiet. Ġwanni ingħaqad mar-Redentoristi, Kongregazzjoni ta’ patrijiet li jgħixu f’kommunita marbutin bil-voti ta’ faqar, kastita u ubbidjenza. Wara sitt snin, Ġwanni ġie maħtur bħala Superjur Provinċjali tar-Redentoristi fl-Istati Uniti u wara ġie maħtur bħala Isqof ta’ Philadelphia, Belt fl-Istati Uniti.
Bħala Isqof, kompla iwaqqaf parroċċi u skejjel ġodda fid-Dijoċesi tiegħu. Huwa kellu jiffaċċja irvelli kontra l-Knisja Kattolika fejn ġew meqruda knejjes u kunventi. Ġwann Neumann ippersevera fil-missjoni tiegħu, kompla jgħix ħajja sempliċi, qassam kull ma kellu, kien iżomm għalih dak biss li kien essenzjali. Ġwanni miet b’attakk f’qalbu f’l-eta ta’ 48 sena, meta kien miexi fit-triq waqt li kien qiegħed jaqdi id-dmirijiet tiegħu fid-Dijoċesi. Il-Papa Piju XII faħħru minħabba fil-ħajja qaddisa tiegħu, il-ġentilezza tiegħu, ix-xogħol iebes li wettaq u minħabba l-ippjanar viżżjunarju tiegħu.