Għażla

It-Tielet Ħadd tar-Randan

Wasalna fit-tielet Ħadd tar-Randan u l-Evanġelju jkellimna dwar il-ħniena ta’ Alla. Alla ma jibgħatx il-mard, it-terremoti u d-diżastri, għax inkunu għamilna xi dnub kbir. Dawn l-affarijiet jiġru u jaslu fuq kulħadd, kemm fuq il-bniedem tajjeb u anke fuq il-ħażin. Alla mhux talli ma jpattix iżda għall-kuntrarju, Hu jieħu ħafna paċenzja u jistenniena biex nindunaw bil-ħażin li għamilna u biex jiddispjaċina u nindmu. Li tindem tfisser li mhux biss jiddispjaċik, iżda wkoll li tinbidel għall-aħjar. 

Fil-ktieb tal-Eżodu nsibu, “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà,” (Eżodu 34, 6). Dan ma jfissirx li kollox jgħaddi. Illum Ġesù hu ċar ħafna. Hu jwissina li “jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu.”  Hemm biża’ li naqgħu fin-nassa ta’ sodisfazzjon u aċċettazzjoni ta’ rutina u stil ta’ ħajja li drajna ngħixu. Dan hu wieħed mill-iskopijiet tar-Randan. Huwa żmien fejn aħna neżaminaw il-ħajja tagħna u naraw hemmx tibdiliet li għandna bżonn nagħmlu. 

Dan l-Evanġelju li fih il-parabbola tas-siġra tat-tin, huwa dwar il-paċenzja li Alla għandu magħna. Alla jaf li għandna bżonn iż-żmien biex nindmu u biex nimmaturaw fil-fidi tagħna. Alla qatt ma jieqaf jagħtina ċ-ċans li ninbidlu u nduru lejh. Għamilna x’għamilna, Alla jagħtina ċans li ninbidlu. Kollha kemm aħna għandna fejn ninbidlu għall-aħjar, kollha kemm aħna niżbaljaw u ġieli niżbaljaw bil-kbir. Madanakollu, Alla, bħal dak il-ġardinar li lis-sid tas-siġra jgħidlu, “‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.” X’inhu dan “id-demel” li qiegħed jitkellem dwaru? Nafu li s-siġar għandhom bżonn in-nutrijenti biex jikbru u jagħtu l-frott. Alla jibgħatilna ħafna opportunitajiet biex neżaminaw lilna nfusna u wkoll opportunitajiet li jgħinuna ninbidlu u nikbru fil-fidi. Għandna l-quddies bl-omeliji, taħdidiet u laqgħat ta’ formazzjoni, il-Bibbja nnifisha, is-sagrament tal-qrar u oħrajn. 

Għalhekk, Alla mhux biss ma jpattijilniex, iżda bil-maqlub, anke jekk minkejja l-għajnuna kollha li qiegħed jibgħatilna, aħna nibqgħu nirrieżistu u ma ninbidlux, huwa xorta jerġa’ jagħtina ċans ieħor.  Alla ma jaqtax qalbu, Alla ma jgħejjiex jaħfrilna. Papa Franġisku jħobb jgħid, li Alla qatt ma jieqaf jaħfrilna. Huwa aħna li nieqfu nduru lejh u nitolbuh maħfra. 

Dan l-Evanġelju qiegħed jgħidilna wkoll, biex nieqfu u naraw aħniex qegħdin nagħmlu l-almu tagħna li nagħmlu l-frott. Jiġifieri, mhux biżżejjed li ninbidlu u ngħixu ħajja tajba aħna, imma rridu ngħinu lill-oħrajn isiru aħjar ukoll. Is-siġra ma żżommx il-frott għaliha, il-frott igawdih ħaddieħor. Bħala ġenituri, l-ewwel li għandhom igawdu mill-frott tagħna huma t-tfal u l-irġiel u nisa tagħna.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 13, 1-9) 

F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.

U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha! Għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?’ Iżda dak wieġbu: ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha’”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. L-Evanġelju tal-lum jitkellem dwar il-paċenzja li Alla għandu għalina. Fil-ħajja tagħna, aħna wkoll niltaqgħu ma sitwazzjonijiet li jirrikjedu ħafna paċenzja, jista’ jkun paċenzja mat-tfal, jew mar-raġel/mara tagħna stess. Kemm qegħdin nuru paċenzja magħhom? 
  4. Is-siġra tat-tin hija aħna. Qed tħoss li qed tikber u tipproduċi l-frott? Fl-ittra lill-Galatin, San Pawl isemmi l-frott tal-Ispirtu, “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.” (Gal 5, 22-23) Liema frott tkabbar int? Liema frott għandek bżonn tkabbar aktar?  Kif tista’ tkabbru dan il-frott?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (13, 1-9)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola
    iv. Kurċifiss
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Ġieli għidtu lill-mama jew lill-papa “Agħtini ċans ieħor, please!”? Forsi, kienu qalulek xi ħaġa bħal jekk ma tpoġġix it-toys f’posthom, mhux se tkun tista’ tilgħab bit-tablet. U inti ma rfajthomx u trid tilgħab bit-tablet xorta waħda u għalhekk tgħidilhom jagħtuk ċans ieħor.  Illum fl-Evanġelju, Ġesù ser jgħidilna li meta aħna nagħmlu għażla ħażina, Alla dejjem lest li jagħtina ċans ieħor.

  • Alla ma jaqtax qalbu minna, meta nagħmlu dnub jibqa’ jistenna biex ngħidu ‘sorry’
  • Meta nagħmlu għażla tajba, din tkun bħal frott li smajna dwaru fl-Evanġelju
  • Basla tal-fjuri
  • Ħamrija
  • Qasrija

Intom tħobbuh il-frott? Liema hu l-frott favorit tagħkom?

Qatt doqtuh it-tin?

Il-parabbola tal-lum hija dwar siġra li tagħmel it-tin. Parabbola hija storja li Ġesù kien jgħid biex in-nies jifhmu aktar dak li ried jgħallem. Din is-siġra kienet ilha fil-ġnien u ma kinitx qegħda tagħmel tin. Issa kieku kellkom siġra ta’ (semmu l-frott favorit tat-tfal) fil-ġnien tagħkom, u ma kinitx tagħmel (isem il-frotta), x’kont tagħmlu?

Is-sid tas-siġra tat-tin, ried li jaqla’ s-siġra u jħawwel oħra minflok. Imma dak li kien jieħu ħsieb is-siġar qallu biex jagħtiha ċans ieħor. Lis-sid qallu li se jieħu aktar ħsiebha biex forsi jkollha l-frott.

Alla, qisu dak li jieħu ħsieb is-siġar. Aħna qisna s-siġra tat-tin. Il-frott huma l-għażliet tajba li nagħmlu. Hemm drabi li aħna nagħmlu għażliet ħżiena. Ġesù jgħidilna li għalkemm Alla ma jieħux gost li aħna nagħmlu għażla ħażina, huwa xorta jibqa’ jħobbna. Alla wkoll jagħtina ċans li jiddispjaċina għal dak il-ħażin li għamilna u nitolbu skuża.

X’inhuma għażliet tajba li nistgħu nagħmlu?

Biex niftakru aktar x’jistgħu jkunu għażliet tajba u għażliet ħżiena, ħa nilgħabu logħba. Se toqgħodu bilqegħda. Meta jissemma eżempju ta’ għażla tajba, tqumu bilwieqfa, jew tissemma għażla ħażina, li allura ma għandkomx tagħmluha, tibqgħu bilqegħda.

Nota lill-ġenituri: tistgħu tużaw minn dawn l-eżempji biex tilgħabu din il-logħba mat-tfal:

Għażliet tajba:

Nitolbu, inħallu lil ħutna jilgħabu bit-toys tagħna, inpoġġu l-ħwejjeġ tagħna f’posthom, nilgħabu fair (no cheating), ngħidu l-verità, noqgħodu kwieti fil-knisja, nieħdu ħsieb il-pets tagħna, inċemplu lin-nanna speċjalment jekk bħalissa ma tistax toħroġ mid-dar

Għażliet ħżiena:

Nigdbu, niġġieldu, inqarrqu fil-logħob, ma nobdux, nirrabjaw meta ma neħdux dak li rridu.

Alla għandu ħafna paċenzja, jistenniena biex jiddispjaċina u ngħidu ‘sorry’. Madanakollu, aħna għandna paċenzja?

Matul il-ġimgħat li ġejjin ħa tipprattikaw kif tikbru fil-paċenzja u taraw kif din il-paċenzja mbagħad se tagħti l-frott, jiġifieri se jkollkom riżultat sabiħ għall-paċenzja tagħkom. Għandkom il-basla tal-fjuri. Xi fjuri ser tagħmel din il-basla?

Għalissa ma tistgħux taraw il-fjuri, imma jekk tieħdu ħsiebha, fi ftit ġimgħat ser tarawhom.

Bl-għajnuna tal-ġenituri tagħkom, ser tħawlu l-basla ġol-ħamrija. Il-mama u l-papa, ser jgħidulkom kif ser tieħdu ħsiebha: fejn ser tpoġġuha, meta tagħtuha l-ilma, kif tneħħu l-ħaxix il-ħażin, xi nutrijenti li jkollkom bżonn tagħtuha. Ftit ftit, anke jekk ma tarawhiex, għall-ewwel din il-basla se tnibbet u ftit wara, iz-zokk joħroġ mill-ħamrija. Bl-istess mod aħna ftit ftit, insiru nafu aktar lil Alla, inħobbuh dejjem aktar. Aktar ma nagħmlu għażliet tajba aktar se nħobbuh, aktar ma nitolbu u naqraw jew nisimgħu ġrajjiet mill-Bibbja, aktar se nsiru nafuh. Mhux bilfors se nindunaw li qegħdin ninbidlu, imma kif il-basla li qegħda fil-ħamrija mhux qed narawha tinbidel u tikber, aħna wkoll ninbidlu meta nitolbu u nagħmlu dak li hu tajjeb. U tafu x’inhu l-ħaxix ħażin tal-ħajja tagħna? Il-ħaxix il-ħażin, huma l-għażliet ħżiena. Bl-istess mod li nneħħuhom mill-qasrija biex il-fjuri jikbru b’saħħithom, hekk ukoll irridu nippruvaw ma nagħmlux għażliet ħżiena, biex inkunu tfal tajbin u bravi.
Waqt li tkunu qegħdin tħawlu l-basla tal-fjuri, isimgħu, The fig tree song.

Inroddu s-salib.

Mulej Alla, grazzi li inti tħobbna ħafna u għandek ħafna paċenzja magħna. Għinna biex nagħmlu għażliet tajba u b’hekk inkunu qegħdin nagħmlu ħafna frott. Dan nitolbuh f’isem Ibnek Ġesù. Ammen.

Intom qatt doqtu t-tin? Tafu x’inhu? Illum Ġesù ser jgħidilna parabbola dwar siġra tat-tin. Tiftakru x’inhi parabbola? Hija storja li tgħallimna xi ħaġa; Ġesù kien juża l-parabboli biex jispjega xi ħaġa li kienet diffiċli biex tifhimha.

  • Alla juri paċenzja, kbira magħna u dan lilna jimlina bit-tama u bil-fiduċja fih
  • Printouts tal-attività tal-lum (ara nota aktar ’il quddiem)
  • Lapes
  • Qoffa jew reċipjent fejn inpoġġu l-‘frott’

Smajtuha l-parabbola tas-siġra tat-tin? 

Darba raġel ħareġ fil-ġnien biex jaqta’ t-tin u sab li s-siġra ma kienx fiha frott. Kien ilu jistenna li tagħmel il-frott, u sena wara l-oħra baqgħet m’għamlet l-ebda frotta. Kif taħsbu li ħassu dak ir-raġel?

X’ried jagħmel? (jaqta’ is-siġra biex iħawwel oħra minflokha)

Taħsbu li kellu raġun?

Dak li jieħu ħsieb is-siġar, qabel mad-deċiżjoni tas-sid tas-siġra? Qabel li jaqtgħuha? (le)

X’ried jagħmel minflok? (ried jieħu aktar ħsieba u jagħtiha n-nutrijenti biex tikber, tissaħħaħ u forsi tagħti l-frott)

Il-ġardinar ried jagħti lis-siġra ċans ieħor. Ried jagħtiha kundizzjonijiet aħjar biex tkun tista’ tagħmel il-frott. Aħna wkoll għandna bżonn kundizzjonijiet tajba biex nikbru. Biex nikbru b’saħħitna, għandna bżonn ċerta neċessitajiet, bħall-ikel u l-ilma, arja nadifa. Imbagħad biex nikbru u nkunu nies tajba, il-kundizzjonijiet li ngħixu fihom, jgħinu wkoll. Meta nikber ma’ nies li jħobbuni u f’atmosfera ta’ paċi, jien aktar għandi ċans li nikber u nsir persuna tajba.

Ġesù jrid li nikbru u nkunu tfal u nies tajbin. Nies tajbin, jipproduċu l-frott. Il-frott tagħhom jidher għax iġibu ruħhom sew mal-oħrajn, jgħinu lil min hu fil-bżonn, iħobbu lil ta’ madwarhom, jaħfru lil min iweġġgħahom. Il-frott tagħna huma dawk il-kwalitajiet sbieħ li għandna, li nuru li aħna ħbieb ta’ Ġesù u li qed nippruvaw ngħixu bħalu. 

Jekk aħna qisna s-siġra tat-tin li tissemma fil-parabbola. Min taħsbu li hu l-ġardinar? (Alla)

Alla huwa l-ġardinar li lilna jagħtina ċans li ninbidlu u nsiru aħjar. Alla qatt ma jaqta’ qalbu minna. Alla għandu ħafna paċenzja, lest li jistenna li aħna jiddispjaċina mill-għażliet ħżiena li nagħmlu u li nerġgħu nduru lejh. Għaliex iħobbna ħafna, Ġesù, tana rigal speċjali. Hu tana sagrament li nistgħu nirċevuh meta jiddispjaċina mid-dnub li nkunu għamilna. Tafu x’inhu dan ir-rigal? (is-sagrament tal-qrar)

Dan l-Evanġelju nisimgħuh matul ir-Randan biex jgħinna niftakru li minn żmien għal ieħor aħna għandna naħsbu ftit dwar kif qed ngħixu u naraw kif nistgħu intejbu l-ħajja tagħna. Għalhekk fl-attività tal-lum ser naħsbu kif nistgħu nipproduċu aktar frott. Għandkom stampi tal-frott (għamlu aktar minn kopja waħda), fuq kull waħda ser tiktbu azzjonijiet tajba li tistgħu tagħmlu. Kull azzjoni tajba, hija bħal frotta li tikber fis-siġra tal-ħajja tagħkom. Kulħadd jista’ jagħmel din l-attività. Jekk hemm aħwa żgħar, il-frott jistgħu jiġu pprintjati fuq tliet kuluri differenti. Kulur jużawh it-tfal iż-żgħar, ieħor għal tfal akbar u l-kulur l-ieħor jintuża mill-ġenituri. Kulħadd jagħmel aktar minn frotta waħda, biex ikun hemm varjetà ta’ azzjonijiet tajba x’wieħed jista’ jagħmel. Meta kulħadd ikun lest, il-frott jitpoġġa fil-qoffa jew reċipjent u dan jitpoġġa fuq il-mejda tal-ikel. Kull filgħodu kulħadd jieħu frotta (skont l-età, jieħu l-kulur) u jipprova li jagħmel dak li hemm miktub fuqha. 

Biex tgħinnkom taħsbu dwar azzjonijiet tajba li tistgħu tiktbu, isimgħu, Fruit of the Spirit, Frott tajjeb, huwa dawk li San Pawl isemmi f’waħda mill-ittri tiegħu. Naħsbu fuq azzjonijiet li juru mħabba, dawk li jagħmlu lil xi ħadd ferħan, azzjonijiet li jġibu l-paċi, oħrajn li jkabbru l-fidi tagħna. 

Matul din il-ġimgħa niftakru wkoll imorru nqerru.

Inroddu s-salib.

Mulej Alla, grazzi li inti għandek ħafna paċenzja magħna. Inti tibqa’ tagħtina ċans li ninbidlu. Agħtina l-għerf biex inħallu lil Ġesù jurina x’għandna nagħmlu biex nipproduċu frott tajjeb. Dan nitolbuh f’isem Ġesù ibnek. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.