Santa Ġovanna d’Arco

30 ta' Mejju

Ilum il-ġurnata, ħadd mhu se jkun sorpriż li jara suldati nisa jipparteċipaw fil-gwerra, li jkunu fuq quddiem fit-timijiet ta’ salvataġġ u li jiffaċċjaw sitwazzjonijiet perikolużi. Ma kienx l-istess fil-bidu tas-seklu 15, meta mara żagħżugħa, li kien għad kellha biss sbatax-il sena, ippreżentat ruħha biex tkun general tal-armata, fil-gwerra bejn Franza u l-Ingilterra. Din kienet Ġovanna d’Arco, magħrufa bħala x-Xbejba ta’ Orleans, u aktar tard iddikjarata bħala qaddisa. 

Govanna twieldet fl-1421, fir-raħal ta’ Domremy, fi Franza. Kien żmien magħruf bħala l-Medju Evu, żmien ta’ rejjiet, kastelli u gwerrer, kulħadd jiġġieled għall-poter u biex jirbaħ ir-renjijiet. Il-maġġoranza tan-nies kienu fqar, u biex ikollhom x’jieklu kien ikollhom jaħdmu ħafna xogħol iebes. Ħafna kienu qegħdin imutu minħabba epidemija, magħrufa bħala l-‘Black Death.’ Din kienet marda qerrieda li nfirxet madwar l-Ewropa kollha. Din kienet il-familja li fiha twieldet Govanna. Hi kellha taħdem xogħol iebes fir-razzett, minbarra ħafna aktar xogħol biex tgħin lill-familja tagħha li kienet tikkonsisti fil-ġenituri tagħha, ħuha u tliet ħutha bniet. Hi kellha qalbha tajba u kienet tmur iżżur lill-morda, tgħinnhom u toħdilhom l-ikel. 

F’dan iż-żmien kienet għaddeja gwerra, bejn Franza u l-Ingilterra, magħrufa bħala ‘l-Gwerra ta’ Mitt Sena’. L-Ingliżi kien irnexxielhom jieħdu xi partijiet minn Franza u l-Franċiżi kienu qed jiġġieldu biex jieħdu dawn l-artijiet lura.  

Meta Ġovanna kellha tlettax-il sena kellha viżjonijiet minn San Mikiel, Santa Katerina u Santa Margerita; hi semgħet ilħna li qalulha li kellha tkun instrumentali biex isalva lil Franza mill-Ingliżi, u li kellha ssaħħaħ id-Dar Irjali, li dak iż-żmien kienet imħarbta. Meta hi basret kif kellu jintemm l-assedju u l-ġlied f’Orleans, ir-Re Franċiż, Karlu VII, emmen li hi setgħet tgħin lill-Franċiżi biex jieħu lura arthom.  

Govanna ingħatat l-armatura u xabla u kellha bandiera bil-kliem “Ġesù u Marija”, waqt li mexxiet lill-Franċiżi, konvinta li kienet qegħda tobdi kmand mingħand Alla. L-armata kienet ikkmandata minn nobbli, filwaqt li hi kompliet tispira lill-armata bl-inkoraġġiment tagħha. Eventwalment, dak li kienet qalet Ġovanna, seħħ, u l-assedju f’Orleans waqaf u l-Ingliżi rtiraw. Ġovanna komplet tixpruna lill-armata Franċiża f’battalji oħra, minkejja li kienet midruba bi vleġeġ, hekk kif baqgħet riekba żżomm il-bandiera tagħha. Madankollu, hi nqabdet mill-Burgundjani, fazzjoni Franċiża li kienu ffurmaw alleanza mal-Ingliżi. Huma biegħuha lill-Ingliżi għall-10,000 munita tad- deheb. Hi dehret quddiem tribunal, li ma kienx la kompletament legali u lanqas imparzjali u kienet akkużata li kienet eretika. Waqt din l-akkuża kienet inżammet priġuniera l-ħabs fejn għaddiet minn umiljazzjoni u abbuż. Hi kompliet issofri sa Mejju 1431, meta kienet ikkundannata għall-mewt; hi ġiet maħruqa ħajja. L-irmied ta’ ġisimha intefa’ fix-xmara Seine. Hi kellha biss dsatax-il sena.  

L-istorja tal-ħajja ta’ Santa Ġovanna d’Arco, hija mimlija b’konflitti u vjolenza. 

Ma nistgħu qatt nħarsu lill-ulieda mill-għarfien ta’ sitwazzjonijiet ta’ vjolenza fis-soċjetà, ta’ gwerer bejn il-pajjiżi, li joħorġu fil-midja u huma wkoll preżenti fil-video games li jilgħabu. 

Bħala ġenituri u dawk li nieħdu ħsiebhom, irridu niffiltraw dawn il-messaġġi biex nevitaw kemm nistgħu li t-tfal isiru aggressivi u li jirrikorru għall-vjolenza bħala soluzzjoni għall-konflitti. 

Iddiskutu ma’ uliedkom fejn u meta jħossuhom maqbuda f’konflitt ma’ oħrajn, meta jħossu li għandhom ikunu aggressivi, mhux biss fiżikament, iżda wkoll verbalment. Dawn jistgħu jkunu sitwazzjonijiet ma’: 

  • Sħabhom 
  • Fil-klassi 
  • Waqt il-logħob 
  • Fuq il-coach lejn l-iskola 
  • Fi gruppi oħra. (Jistgħu jkunu sitwazzjonijiet fejn jinkludu membri tal-familja. Tiddejqux tesploraw anke dawn) 

Iddiskuti magħhom: 

X’jirrabbjhom; metodi alternattivi biex inaqqsu mir-rabja, u frustrazzjonijiet tagħhom, u jnaqqsu wkoll mill-bżonn li jiġġieldu lura.  

Ikkunsidraw role play jew sitwazzjonijiet fittizzji, li t-tfal jistgħu jsibu ruħhom fihom. Ġovanna d’Arco aġixxiet fuq il-messaġġi li rċeviet fil-viżjoniet. Alla lilna wkoll jibgħatilna messaġġi, mhux neċessarjament permezz ta’ viżjonijiet jew anġli.  

It-tfal għandhom bżonn ikunu jafu li suġġerimenti posittivi li jingħataw mill-ġenituri, għalliema, katekisti u ħbieb tajba, huma mod kien Alla jwassal messaġġ, biex nagħmlu dak li hu tajjeb, u b’hekk nersqu aktar qrib tiegħu.  

Alla jippermetti wkoll ħsibijiet tajba li jħeġġuna biex inġibu ruħna u nitkellmu b’ċerta mod u mhux b’ieħor, u b’hekk insiru nies aħjar.  

Ħin tat-Talb mal-Familja 

Skont l-età tat-tfal, uruhom, li anke llum jeżistu gwerer bejn xi pajjiżi. Jistgħu jistaqsu ‘għalfejn’. ‘Poter’ tista’ tkun tweġiba tajba. 

Nitolbu 

  • Għan-nies li huma fil-poter, sabiex ifittxu l-paċi u jevitaw konflitti li jwasslu għall-gwerer 
  • Għal dawk li qegħdin ibagħtu minħabba gwerer: mewt ta’ qraba, telfa ta’ dar, il-mewt tagħhom stess 
  • Għas-suldati, mhux biss għal dawk li qegħdin fil-gwerra. Suldati jgħinnu wkoll f’diżastri naturali, bħall-terremoti, tsunami, valangi, immigrant illegali mitlufa fil-baħar. Nitolbu għas-suldati biex ikollhom il-kuraġġ u l-protezzjoni meħtieġa, sabiex ikunu jistgħu jgħinu lill-oħrajn.  

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.