Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu

Trinità Qaddisa

Fl-evanġelju tal-lum naraw li għax Alla l-Missier għandu mħabba kbira għalina, bagħat lil Ibnu biex isalvana. Wara li Ġesù temm il-ħidma tiegħu fuq l-art ma ħalliniex waħedna, iżda bagħtilna l-Ispirtu s-Santu sabiex permezz tiegħu nsiru nafuh aktar. L-għarfien tagħna ta’ Ġesù, jwassalna għand il-Missier.

Għalkemm issa bdejna dak iż-żmien li nsejħulu Ordinarju, il-Knisja tagħtina żewġ festi oħra kbar u importanti wara l-Ħadd ta’ Pentekoste. Dan il-Ħadd niċċelebraw lit-Trintà Qaddisa u l-Ħadd li ġej niċċelebraw il-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Sidna Ġesù Kristu, Corpus Domini.

L-Evanġelju tal-lum insibuh fl-ewwel kapitli ta’ San Ġwann u huwa l-aħħar parti minn konverżazzjoni bejn Ġesù u Nikodemu. Nikodemu kien Fariżew, imma t-tagħlim ta’ Ġesù kien jinterressah ħafna u biex ma jarawhx in-nies, mar jitkellem ma’ Ġesù bil-lejl. Fil-parti tal-bidu ta’ din il-konverżazzjoni Ġesù jispjega lil Nikodemu li l-magħmudija hija mezz ta’ salvazzjoni tal-bniedem. Nikodemu ma jistax jifhem. Irridu npoġġu lilna nfusna minflok dan il-Fariżew; dan it-tagħlim ta’ Ġesù kien kollu ġdid, għalhekk f’dan il-mument ma setax jifhem dak li kien qiegħed ifissirlu Ġesù.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù qiegħed jispjega aktar dwar is-salvazzjoni. Illum niċċelebraw it-Trinità Qaddisa, u huwa propju permezz tat-Trinità li aħna nsalvaw. Alla huwa wieħed fi tlett persuni: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Il-Missier jibgħat lill-Iben fid-dinja biex isalvana. L-Iben jagħtina lill-Ispirtu s-Santu bħala għajnuna għalina biex ngħixu ta’ vera nsara. Alla huwa mħabba, kull azzjoni tiegħu hija ta’ mħabba, qatt ma hija ta’ kundanna jew kefrija.

F’kull quddiesa aħna ngħidu l-Kredu. Li nkunu nafu ngħiduh mhux biżżejjed. Irridu nifhmuh, nemmnuh u ngħixuh u b’hekk insalvaw. Dan kollu nistgħu nagħmluh bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 3, 16-18)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn  San Ġwann (3, 16-18)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  4. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  5. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum niċċelebraw il-festa tat-Trintà Qaddisa. Kull darba li nroddu s-salib aħna nsemmu lit-Trintà: Alla l-Missier, Alla l-Iben u Alla l-Ispirtu s-Santu.

  • Alla jħobbna
  • 3 iqlub maqtugħin minn kartonċina
  • kuluri u dekorazzjonijiet
  • felt pen
  • spag kulurit
  • lapes
  • hole punch

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jagħtina messaġġ importanti. Ġesù jgħidilna li Alla l-Missier, wera l-imħabba kbira tiegħu meta bagħat lil Ibnu Ġesù, biex isalva lid-dinja. Aħseb dwar dawk kollha li jħobbuk, bħall-ġenituri, nanniet, aħwa u ħbieb. Kif taf li huma jħobbuk? X’aktarx juruk ħniena u mħabba, jieħdu ħsiebek u jipproteġuk. L-imħabba kbira ta’ Alla għalina tidher fir-rigal ta’ Ġesù lid-dinja. Alla l-Missier bagħat lil Ġesù fid-dinja biex isalva l-bnedmin. Alla l-Missier ħalaqna għax iħobbna. Ibnu Ġesù, ġabilna l-imħabba ta’ Alla, hu l-ħabib tagħna, hu l-gwida tagħna, hu wkoll Salvatur, għax ta ħajtu fuq salib, biex aħna nkunu nistgħu nkunu miegħu fil-ġenna. Alla bagħat lil Ġesù biex ikollna l-ħajja ta’ dejjem. Kull darba li rroddu s-salib, niftakru fl-imħabba kbira li l-Missier għandu għalina u fir-rigal ta’ mħabba, li hu Ġesù. Għalhekk  irroddu s-salib qabel ma nibdew nitolbu, fil-bidu tal-quddiesa, meta nitraxxu bl-ilma mbierek u numru ta’ drabi oħra, bħal per eżempju meta nqumu. Meta niftakru fit-Trinità Qaddisa, niftakru fl-imħabba li Alla għandu għalina u dan jgħinna matul il-ġurnata tagħna.

Fuq il-qlub it-tfal (jew bl-għajnuna tal-ġenituri) jiktbu:

  • Fuq l-ewwel qalb:

Fuq naħa minnhom: Alla l-Missier

Fuq in-naħa l-oħra: Alla l-Missier iħobbni

  • Fuq it-tieni qalb:

Fuq naħa minnhom: Alla l-Iben

Fuq in-naħa l-oħra: Alla l-Iben iħobbni

  • Fuq it-tielet qalb:

Fuq naħa minnhom: Alla l-Ispirtu s-Santu

Fuq in-naħa l-oħra: Alla l-Ispirtu s-Santu iħobbni

It-tfal jiddekoraw il-qlub kif jixtiequ. Meta jkunu lesti, aqtgħu 3 biċċiet spag tul differenti u taqbu l-qlub. Orbtu kull qalb bi spaga differenti u orbtuhom mal-lapes. Bl-ispag agħmlu ħolqa mal-lapes u b’hekk dawn il-qlub jistgħu jiddendlu fil-kamra tat-tfal biex jiftakru li Alla jħobbhom.

Isimgħu s-song, Trinity Song.

Inroddu s-salib flimkien u ngħidu Ġesù, jiena nħobbok u nadurak. Ammen.

Matul dan il-Ħadd, aħna mistednin nitgħallmu aktar dwar Alla: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Illum niċċelebraw il-festa tat-Trinità Qaddisa, tliet persuni, Alla wieħed.

  • Aħna niċċelebraw is-solennità tal-Ħadd tat-Trinità biex nifirħu li Alla għażel li jirrelata magħna b’metodi differenti ta’ mħabba
  • Il-printout tat-Trinità
  • Kuluri

Fl-Evanġelju smajna li l-appostli kienu f’post bil-bibien magħluqa. Għalfejn kienu hemm? 

X’aktarx huma kienu qed jibżgħu li s-suldati Rumani jaqbduhom u joqtluhom, minħabba li huma kienu ħbieb ta’ Ġesù. 

X’qalilhom Ġesù meta daħal fil-kamra? (“Is-sliem għalikom.”)

Kontu tafu li kull darba li nroddu s-salib, inkunu qed infakkru misteru kbir ta’ fidi? Insemmu lit-Trinità u nkunu qed nesprimu dak li nemmnu bħala nsara. Insejħulu misteru, mhux għax hu bħal xi reat li għandu bżonn jissolva! Misteru ta’ fidi, huwa mod kif Alla jikkomunika magħna; huwa diffiċli li nifhmuh, iżda permezz tiegħu nafu li Alla jħobbna.

Aħna nemmnu fit-Trinità Qaddisa, Alla wieħed li hu tliet persuni, Alla l-Missier, Ġesù l-iben u l-Ispirtu s-Santu. Meta nifhmu dan, inkunu nafu kemm Alla jħobbna. L-Evanġelju tal-lum, jitkellem dwar l-għala u l-mod li Alla jaħdem. Alla l-Missier, bagħat lil ibnu waħdieni, Ġesù, biex isalva lid-dinja, bil-mewt tiegħu fuq is-salib. Alla għamel dan għax iħobbna. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jispjega lil Nikodemu, li l-Missier, tant iħobbna, li tana lil ibnu. L-Ispirtu s-Santu jingħatalna biex nieħdu sehem mill-misteru tal-imħabba t’Alla, li hu komunjoni perfetta. Meta niffirlettu dwar it-Trinità, inkunu qed nesperjenzaw l-imħabba ta’ Alla, b’modi differenti. Xi kliem tista’ tuża biex tiddeskrivi lit-tliet persuni tat-Trinità? Lil Alla l-Missier nistgħu niddeskrivuh bħala Ħallieq, lil Alla l-Iben (Ġesù) nistgħu insejħulu Salvatur u lill-Ispirtu s-Santu, Alla, nistgħu ngħidu li huwa dak li jagħti l-ħajja. Il-kelma ewlenija li l-aktar tiddeskrivihom u li tgħaqqadhom hija ‘mħabba.’ Alla l-Missier tant iħobbna li bagħat lil Ibnu Ġesù biex isalva lid-dinja. Ġesù bagħat lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina d-don tal-fidi f’Alla li huwa mħabba. It-Trinità hija relazzjoni ta’ mħabba. Alla huwa imħabba, u jixtieq li din jaqsamha mal-oħrajn.

Biex niftakru li Alla Trinità, huwa tliet persuni, agħtu l-kulur lill-istampa li għandkom.

Isimgħu s-song, Trinity Song.

Inroddu s-salib

Alla, Missier, nirringrazzjawk għall-imħabba kbira tiegħek. Alla, l-Iben, nirringrazzjawk li inti tajt ħajtek għalina. Alla, l-Ispirtu s-Santu, nirringrazzjawk li inti tmexxina biex nagħmlu għażliet tajba. Dan nitolbuh, f’isem it-Trinità Qaddisa. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.