L-umiltà

21-il Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Bħal l-appostli aħna ukoll, xi drabi, nsibu ruħna nistaqsu jekk hux ħafna se jsalvaw jew min se jsalva. Ħawnekk, it-tema tas-salvazzjoni tista xi kultant iġġiegħlna nħossunha xi ftit imħawda jew anke mtaqqla. Il-mistoqsija hi: għandna raġuni biżżejjed biex inħossuna hekk? U preċiżament, xi jfisser eżatt li wieħed isalva?

Mhijiex ħaga sabiħa li wieħed jipprova jimmaġina realta` li hija kompletament maqtuha mill-imħabba t’Alla. Din hija tip ta’ realta` ta’ disprament bla-waqfien – fejn l-imħabba tieqaf teżisti. Ħija realta` fejn l-umanita` prezzjuża tagħna tittappan għaliex ma jkunx iktar possibbli għalina li nagħmlu dak li ġejna primarjament maħluqin għaliħ – jiġifieri li nħobbu. Dan ifisser li meta aħna naħsbu fuq is-salvazzjoni, irridu dejjem inżommu f’moħħna l-ferħ u s-sħuħija tagħna bħala bnedmin. Minn dan l-aspett, jekk nirriflettu ftit dwar dak li jgħidilna l-vanġelu din il-gimgħa, naraw li s-salvazzjoni mhijiex xi haga li wiehed jikseb – iżda xi ħaga li qabel xejn nirċievu. Ħuwa għalhekk li Kristu jgħid lill-appostli “ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxielhomx”. Is-salvazzjoni m’għandhiex x’taqsam ma kemm wieħed hu “b’saħħtu” jew ma kemm wieħed “ifittex” (min-lenti ta’ bżulija). Alla jagħtina l-imħabba tiegħu dejjem u bla kundizzjoni! Bħal ma jgħid id-Duttur Angeliku San Tumas t’Akwinu – il-fidi u l-imħabba huma rigali. L-għan tagħna, allura, hu li semplicement nirċievu. Forsi hawnhekk fejn wieħed jista’ jsibha xi ftit diffiċli. Kif nistgħu nirċevuha l-imhabba t’Alla? 

Il-parir li jagħti Kristu lejn l-aħħar ta’ din is-silta jispikka. Kristu jgħidilna: “Hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar”. Hawnhekk, Kristu qiegħed jitkellem dwar l-umiltà. Il-punt tiegħu hu li s-sħuħija tagħna bħala bnedmin – li nkunu magħqudin personalment m’Alla (is-salvazzjoni) – ma tistax tiġi esperjenzata jekk aħna nieħdu r-riedni kompletament f’idejna u nippruvaw niggwidaw lilna nfusna mingħajr grazzja divina. Is-salvazzjoni niksbuha meta aħna inkunu umli biżżejjed li nħallu lil Alla stess jiggwidana u jfejjaqna. Dan jirrikjedi livell ta’ umiltà profonda biex wiehed jasal jghid, “Mulej, jien ghandi bzonnok!

Ħafna drabi, dawk li fid-dinja huma “l-ewwel” mhumiex verament l-ewwel – tal-inqas, mhux l-ewwel f’dak li jgħinhom jikbru u jesperjenzaw l-hena li tant jixtiequ. Id-dinja ħafna drabi tagħtina l-impressjoni li ċertu affarijiet huma neċessarji u ta’ valur kbir. Madanakollu, b’imħabba kbira, Kristu jfakkarna li dak li primarjament għandna bzonn, kemm biex nikbru u wisq iktar biex insibu l-ferħ ġenwin, hu li nkunu ħaġa waħda m’Alla missierna. Din hija xi ħaġa li l-umli biss – dawk xi kultant “tal-aħħar” – jistgħu jirċievu. 

Ejjew ma nimmirawx għall-premji tal-ġenna, prezzjużi kemm huma prezzjużi, iżd’ejja niffukaw fuq kif ngħixu issa, sabiex nogħġbu lil Alla – li huwa hu stess il-ġenna. Li kieku Alla ma kienx fil-ġenna, is-sbuħija, l-għana u l-ħlewwa kienet tkun kollha mtappna, xejn pjaċevoli. Bil-fidi, nafu li Alla diġà qiegħed fina. Fil-ġenna naraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ. Ejjew, allura, ngħixu b’tali mod li xi darba inkunu m’Alla fil-ġenna, infaħħru u nilgħabu eternament mal-Mulej Salvatur. – St Jean De Chantal

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 12: 49-53)

Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” U huwa weġibhom: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, ‘Mulej, iftħilna.’ Iżda hu jweġibkom u jgħid, ‘Ma nafx mnejn intom.’ Imbagħad taqbdu tgħidulu, ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.’ Hu jwieġeb u jgħidilkom, ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!’  Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ’l barra. U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar.”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Staqsi lilek innifsek: x’naħseb jien fuq is-salvazzjoni? Naf bizzejjed li s-salvazzjoni tmur id f’id mas-sħuħija u l-ferħ tiegħi? Jiena konxju/a biżżejjed li s-salvazzjoni tibda f’din il-hajja?
  4. L-imħabba, l-grazzja, u l-ħniena t’Alla huma infiniti. Dan ifisser li m’għandniex għalfejn nibżgħu nersqu lejn Alla. Kemm-il darba nħossni skomdu/a jew niddejjaq nersaq qrib Alla? Jien umli bizzejjed sabiex, b’mod sħiħ, inħalli lil Alla jgħinni u jiggwidani? Kemm jien miftuħ/a għall-imħabba t’Alla?
  5. Ħu ftit ħin sabiex tirrifletti fuq xi jfisser li tkun umli. 
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (13, 22-30)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Taf xi tfisser li wiehed isalva? Fis-silta tal-evanġelju illum, Ġesù jispjegalna din il -kelma xi tfisser – jispjegalna xi jfisser li wieħed isalva u li jkun dejjem flimkien m’Alla. 

  • Li inkunu qrib t’Alla mhux dejjem faċli – iżda Alla qiegħed dejjem magħna, biex jgħinna u jiggwidana. 
  • Laptop / computer

Il-mama u l-papa ġieli qalulkom biex ma tagħmlux xi haġa għax inkella tweġġgħu? Ghaliex taħsbu li jgħidulkhom hekk?

Għax iħobbukom! 

Illum, Ġesù jgħidilna li hemm ċertu affarijiet li m’għandna qatt nagħmlu. Jgħidilnha li hemm ċertu toroq li m’għandniex nieħdu, għax dawn mhumiex ta’ ġid għalina, anke jekk jidhru sbieħ u ta’ gost. Hawnhekk, Ġesù jgħidilna li jekk irridu dejjem inkunu miegħu, irridu nieħdu triq partikulari – it-triq “id-dejqa”, hekk kif isejħilha Ġesù. X’inhi it-triq id-dejqa? Din hija triq li mhux dejjem tidher sabiha, iżda li min jeħodha, ikun dejjem qrib ta’ Ġesù. Hija triq li tgħinna nikbru u li tgħinna nsibu ferħ kbir f’qalbna. Din it-triq tirrikjedi li ahna nsibu l-ħin għat-talb, li mmorru l-quddiesa, li nhobbu lill-oħrajn. Dawn mhumiex affarijiet li dejjem faċli nagħmluhom. Xi drabi, per eżempju, nistgħu inħossuna għażżenin, iżda Ġesù jgħidilnha li jekk nippruvaw, hu dejjem se jkun hemm biex jagħtina l-għajnuna tiegħu! Ġesù jħobbna wisq. Huwa dejjem lest jagħtina dak li għandna bżonn. Kulma rridu nagħmlu hu li naċċettaw l-imħabba tiegħu – lesti li naghmlu hekk? 

Iż-żmien tagħna f’din id-dinja huwa limitat – m’aħniex se ngħixu għal dejjem! Dan ifisser li kulmeta xi ħadd jagħtina opportunita` tajba, m’għandniex nitilfuha. Ġesù tana l-opportunita` li nirċievu l-imħabba u l-għajnuna tiegħu – lesti li nirċevuha? 

Isimgħu s-song, Behold Behold I Stand At The Door.

Radd tas-salib

Grazzi Mulej talli tajtna l-opportunita` li nirċevuk u li nkunu t-tfal tiegħek. Grazzi talli dejjem tgħinna meta jkollna bżonn. Għinna ngħidulek “iva” sabiex naċċettawk u nilqgħu l-imħabba unika tiegħek! 😊 

Għidu t-talba tal-Missierna bil-qalb

Illum fl-Evanġelju ser nisimgħu dwar meta l-appostli staqsew lil Ġesu dwar xi tfisser li wieħed isalva u jingħaqad m’Alla għal dejjem. 

  • Li wieħed ikun qrib t’Alla mhux dejjem faċli; jirrikjedi li wieħed ikun umli sabiex ikun jista jaċċetta l-imħabba u l-għajnuna t’Alla.
  • Whiteboard/Screen
  • Whiteboard marker

Kwizz

L-evanġelju ta’ din il-ġimgħa jibda bl-appostli jistaqsu lil Ġesù mistoqsija partikulari: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?”. Xi tfisser li wieħed isalva?  Din il-mistoqsija tista’ forsi tidher xi ftit diffiċli – iżda, fi ftit kliem, li wieħed isalva sempliċement ifisser li wieħed jibqa’ dejjem qrib t’Alla. Ifisser li wieħed ma jkun qatt separat minn Alla. Kif jirrispondi Ġesù għal din il-mistoqsija?

Kif qalilna Ġesù kemm-il darba fl-iskrittura, dak li verament jgħinna nikbru u nsibu l-ferħ hu li nkunu dejjem magħqudin m’Alla. Il-mistoqsija hi: kif nistgħu nikbru fil-ħbiberija tagħna ma’ Ġesù? Kif nistgħu nibqgħu qrib tiegħu – mhux f’din il-ħajja biss, iżda anke wara l-mewt? Hemm bosta affarijiet li wieħed jista jsemmi, iżda din id-darba Ġesù jiffoka fuq virtù partikulari. Huwa jkellimna dwar l-umiltà.  Bħas-soltu, sabiex jispjega, Ġesù juża parabbola. Jibda billi jsemmi żewġ tipi ta bibien – bieb wiesgħa u ieħor dejjaq. Hawnhekk, Ġesù jammetti li ħafna drabi l-bieb il-wiesgħa jidher iktar faċli u sabiħ u allura, jidher ideali biex aħna ngħaddu minnu. Madanakollu, Ġesù pront jgħidilna li l-bieb il-wiesgħa mhuwiex verament tajjeb għalina u ma jagħmlilniex ġid. Ġesù jgħidilna li jekk irridu nibqgħu qrib tiegħu – kemm f’din il-ħajja u anke wara din il-ħajja – għandna bżonn dejjem nidħlu mill-bieb id-dejjaq. X’jissimbolizzaw dawn iż-żewġ bibien? X’irid ifisser Ġesù meta jghid hekk? 

Il-bieb il-wiesgħa huwa bieb li jwassalna ngħixu ħajja li hija mbiegħda min Alla – ħajja li tikkonsisti f’aġir li jkisser ir-relazzjoni tagħna m’Alla. Dan il-bieb huwa l-bieb li dawk li jieqfu jagħmlu ħin għal-Alla u dawk li jieqfu jħobbu, jieħdu.  F’kuntrast ma’ dan il-bieb, il-bieb id-dejjaq hu bieb li jgħinna nkunu dejjem qrib ta Ġesù – bieb li dawk jitolbu, li jsibu ħin għal Alla, u li jħobbu, jgħaddu minnu. Ir-raġuni għaliex Ġesù hawnhekk jitkellem dwar il-virtù tal-umiltà hi għaliex, sabiex aħna nirrealizzaw li għandna bzonn nidħlu minn dan il-bieb id-dejjaq, għandna bżonn nifhmu li neħtieġu lil Alla f’ħajjitna. Huwa grazzi għall-umiltà, li wieħed jasal jifhem li aħna m’aħniex perfetti, u li allura għandna bżonn lil Alla u lill-Knisja tiegħu biex jiggwidawna u jfejjquna. L-aħbar sabiħa hi li Ġesù dejjem qiegħed hemm biex jgħinna nikbru! Dan ifisser li anke jekk xi drabi niżbaljaw, Ġesù xorta waħda ikun dejjem hemm, lest biex jgħinna nerġgħu nirkupraw u nkunu miegħu. Kull ma rridu nagħmlu hu li nsibu l-ħin sabiex nirċievu l-imħabba tant profonda u qawwija ta’ Ġesù! Kemm qegħdin nagħmluh dan? Kemm-il darba immorru għand Ġesù meta jkollna bżonn l-għajnuna? 

B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal fuq, jekk hu possibli aqsam it-tfal fi-gruppi ta 2/3, jew inkella staqsi l-mistoqsijiet t’hawn taħt b’mod individwali lit-tfal/tifla/tifel tiegħek:

  1. L-evanġelju ta’ din il-ġimgħa jitkellem dwar is-salvazzjoni – xi jfisser li wieħed isalva?
  2. X’jgħidilhom lill-appostli Ġesù fl-evanġelju ta’ din il-ġimgħa – x’parabbola juża?
  3. Il-bieb il-wiesgħa x’jissimbolizza? Agħti żewġ eżempji.
  4. Il-bieb id-dejjaq x’jissimbolizza? Agħti żewġ eżempji.
  5. Ġesù jgħidilna li sabiex insalvaw (sabiex inkunu miegħu) jeħtieġ li aħna nidħlu mill-bieb id-dejjaq. X’għandna bżonn sabiex inkunu nistgħu nagħmlu hekk? Liema virtù jenfasizza Ġesù? 
  6. Kif nistgħu nikbru fl-umiltà? (għamel referenza għat-talb, is-sagramenti, li nsibu ħin għal Alla, li naqraw l-iskrittura). 

Ikkonkludi billi tosserva li din il-ħajja hija prezzjuża u li l-ħin tagħna f’din id-dinja qed jgħaddi (f’din il-ħajja m’aħniex eterni). Dan ifisser li m’għandna qatt naħlu l-ebda opportunita` – speċjalment opportunita` bħal dik li qiegħed jagħtina Ġesù – opportunita` li nirċevuħ.

Inroddu s-salib.

Kulħadd jgħid talba fejn jitlob lil Alla sabiex jgħinna nifhmu iktar xi tfisser li tkun “umli”, biex jgħinna nkunu umli ma’ kulħadd u fir-relazzjoni tagħna miegħu. Nitolbu ukoll sabiex Ġesù jgħinna nircievu l-imħabba tieghu u biex ma naħlux l-opportunita` li nagħmlu dan!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.