Ngħidu grazzi

28 Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Bħala ġenituri nafu l-importanza li ngħallmu lit-tfal jgħidu ‘jekk jogħġbok’ u ‘grazzi’ minn meta jkunu żgħar. Mhix karatteristika sabiħa li wieħed ikun ingrat, li ġġib ruħek sew hija mġieba u kortesija, mistennija fid-dinja kollha. Li wieħed juri apprezzament u gratitudni hija dinjituża kemm għal min jagħti, kif ukoll għal min jirċievi u s-servizz jew rigal li jingħata bħal jogħla fil-grad.

L-Evanġelju tal-lum li huwa kollu dwar l-għotja ta’ Ġesù u r-reazzjoni ta’ dawk li qegħdin jirċievu, jgħallimna dwar il-fidi u s-salvazzjoni. Huwa r-rakkont tal-għaxart irġiel morda bil-lebbra mfejqa minn Ġesù. Dan ir-rakkont insibuh biss fl-Evanġelju ta’ San Luqa.

Hija ġrajja li tfakkarna li l-fidi hija importanti, u li drabi nsibuha fejn lanqas nistennew li tkun. Fil-vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm, Ġesù jfejjaq lil dawn l-għaxart irġiel. Għaxart irġiel morda bil-lebbra jsejħu lil Ġesù biex ifejjaqhom. Dan kien grupp li kien fih kemm Lhud kif ukoll Samaritani. L-għaxra li huma jfiequ, iżda wieħed biss jigglorifika lil Alla u jmur lura biex jirringrazzja lil Ġesù. Dan kien barrani, kien Samaritan. Fi żmien Ġesù, il-Lhud ma kienux iġibu lis-Samaritani, u kienu jikkunsidrawhom inferjuri għalihom. Hija sinifikanti, għalhekk li Ġesù jagħraf it-tifħir u r-ringrazzjament tas-Samaritan u jgħidlu, “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”. Fl-ewwel qari smajna dwar Nagħman, li wkoll kien meqjus bħala barrani u kien ukoll imfejjaq mil-lebbra. Alla jħobb u jieħu ħsieb lill-poplu kollu, Lhudi u mhux. Is-Samaritan ma kienx l-uniku wieħed li kellu l-fidi, iżda l-gratitudni tiegħu spikkat. Il-grazzja u l-fejqan ta’ Alla m’għandhomx konfini ta’ reliġjon, soċjetà, klassi, ġeneru, razza jew konfini etniċi. Hemm drabi meta rridu naqsmu dawn il-fruntieri biex ikollna l-fejqan, li jġib miegħu ħajja ġdida, li tiddependi mill-fidi tagħna. It-tweġiba tagħna għall-fejqan, dejjem għandha tkun waħda ta’ gratitudni. Għandna nkunu bħal dak ir-raġel li mar lura jirringrazzja lil Ġesù. Għandna nkunu lesti biex nirringrazzjaw u nqimu, naduraw u nfaħħru lil Alla. Is-salvazzjoni tagħna niksbuha meta nagħrfu r-rigali li rċevejna u nafu lil min irridu rroddu ħajr.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 17:11-19)

Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Matul din il-ġimgħa ħajjar lit-tfal japprezzaw id-don tal-gratitudni. Tkellem dwar ir-rigali minn Alla li għandna nkunu grati lejhom. Itolbu flimkien, Mulej, nirringrazzjawk tal-tjubija, ħniena u mħabba tiegħek, li inti tatina b’tant ġenerożità. Ammen.
  4. F’waħda mill-uddjenzi ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa, Papa Franġisku qal li l-Kattoliċi jistgħu jbiddlu d-dinja jekk fina hemm il-gratitudni, qal li r-ringrazzjament huwa ċentrali fil-ħajja nisranija. Meta nkunu grati, ftit ftit inwasslu messaġġ ta’ tama, u kollha kemm aħna, għandna l-parti tagħna x’nagħmlu.  “Id-dinja għandha bżonn tat-tama, u bil-gratitudni, b’dan l-atteġġjament li ngħidu grazzi, aħna nkunu ngħaddulha xi ftit tat-tama.”
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (Lq (17: 11-19)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-Evanġelju tal-lum se nisimgħu ġrajja meta Ġesù fejjaq għaxart irġiel li kellhom marda fil-ġilda, li jsejħulha lebbra. Din li għamel Ġesù kienet ħaġa tal-għaġeb, għax il-lebbra hija marda kerha ħafna. Minkejja dan kollu, raġel wieħed biss qal ‘grazzi’ lil Ġesù għal dak li għamel miegħu.

  • Huwa importanti li ngħidu ‘grazzi’ lil Alla u lill-oħrajn
  • Meta ngħidu ‘jekk jogħġbok’ u ‘grazzi’ inkunu qegħdin nuru manjieri tajba
  • Kartonċina kkulurita
  • Lapsijiet/kuluri
  • Stickers bħala dekorazzjoni

Hemm ħafna affarijiet fil-ħajja tagħna li għandna ngħidu grazzi għalihom. Tistgħu ssemmu xi eżempji? (ħbieb, familja, ikel, dar, is-saħħa, ħwejjeġ, logħob u ġugarelli, fost l-oħrajn) Hemm drabi meta ninsew ngħidu ‘grazzi’ meta nirċievu xi ħaġa jew xi ħadd jagħmlilna xi ħaġa u juri ħniena magħna. Hekk fil-fatt jiġri fl-Evanġelju tal-lum.

L-istorja hija dwar għaxart irġiel bil-lebbra. Tafu x’inhi lebbra? Din hija marda kiefra ħafna fil-ġilda, li bħal tiekol mill-ġisem tal-persuna, sakemm dan imut, ġisimhom ikun miksi bi ġrieħi. Il-lebbra kienet komuni ħafna fi żmien Ġesù u kulmin kellu din il-marda, kien ikollu jmur jgħix ‘l barra mir-raħal, ‘l bogħod min-nies, għaliex kienu jkunu meqjusa bħala mniġġsa. Kellhom jibqgħu ‘l bogħod għax hija marda li tittieħed u għalhekk in-nies l-oħra kienu jibżgħu imorru ħdejhom. Ġesù ma beżax jersaq lejhom.

Darba waħda, Ġesù kien miexi ġo raħal u fil-bogħod ra għaxart irġiel bil-lebbra. Huma bdew jgħajjtu u jsejħulu, “Mgħallem, ikollok ħniena minna!” Huma kienu jafu min kien Ġesù u li huwa seta’ jfejjaqhom. Ġesù qalilhom,  “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. Fit-triq, huma u sejrin għand il-qassisin, indunaw li l-ġilda tagħhom ma kienitx għadha mimlija ġrieħi, huma kienu fiequ. Minn dawn l-għaxra, wieħed biss, mar lura jfaħħar lil Alla u nxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu ‘grazzi.’  Ġesù qallu, “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.

Il-ġenituri tagħkom, l-għalliema u l-katekisti, sikwit ifakkrukom kemm hu importanti li jkollna manjieri tajba. Meta nistaqsu għal xi ħaġa għandna ngħidu, ‘jekk jogħġbok’ u meta nirċievu xi ħaġa, ngħidu ‘grazzi.’ Meta ngħidu ‘grazzi’ nuru li fraħna b’dak li rċevejna u li aħna grati. Lil dawk l-għaxart irġiel, Ġesù tahom ir-rigal tal-fejqan. Kollha ferħu bih, iżda wieħed biss mar lura biex juri lil Ġesù li hu kien grat tar-rigal tal-fejqan u ta’ ħajja ġdida. Aħsbu ftit dwar dak li takom Alla, bħall-familja, il-ħbieb, id-dinja ta’ madwarna, l-imħabba, it-talenti, l-ikel. Bħal-lebbruż li mar lura għand Ġesù, aħna għandna dejjem infaħħru u nirringrazzjaw lil Alla tal-affarijiet sbieħ li jagħtina.

Matul din il-ġimgħa, kif tista’ tgħid grazzi lil Alla? Agħmlu kartolina ta’ ringrazzjament bil-kartonċina li għandkom. Aħsbu lil min ser tagħtuha, bħala ringrazzjament ta’ xi ħaġa li għamlulkom. Pinġuha u ddekorawha u fuq ġewwa ikbtu xi messaġġ sabiħ. Jekk din il-kartolina tixtiequ tagħmluha għal Ġesù, tistgħu tiktbu talba ta’ ringrazzjament fuq ġewwa, u għidu din it-talba qabel ma torqdu.

Kantaw is-song; Give Thanks.

Radd tas-salib

Għażiż Mulej. Inti tagħtina ħafna rigali, tagħtina dak kollu li għandna bżonn u xi drabi, ninsew ngħidulek ‘grazzi.’ Nirringrazzjawk Mulej, u nitolbuk timla lil qalbna bi gratitudni u tifħir. Għinna niftakru nirringrazzjawk kuljum ta’ dak kollu li tagħmel magħna. Ammen. 


Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jfejjaq għaxart irġiel li kellhom il-lebbra, marda tal-ġilda kiefra ħafna. Wieħed biss, imur lura jirringrazzjah, kien Samaritan, barrani għall-poplu Lhudi. Dan il-barrani jurina li kulħadd jista’ jilqa’ l-messaġġ ta’ Alla.

  • Alla jagħtina ħafna rigali u barkiet
  • Meta ngħidu talb ta’ ringrazzjament, inkunu qegħdin nirringrazzjaw lil Alla għall-barkiet li jagħtina
  • Laptop

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jfejjaq għaxar lebbrużi. Il-lebbra hija marda tal-ġilda kiefra ħafna, u fi żmien Ġesù, dawk morda bil-lebbra kienu joqgħodu ‘l barra mir-raħal, ‘l bogħod mill-bqija tan-nies għax kienu meqjusa ‘mniġġsa’. Huma kienu jdoqqu qanpiena u jgħajjtu ‘imniġġes’, biex in-nies ikunu jafu li huma fil-qrib u ma jitteħdux minnhom. Għalkemm Ġesù fejjaq għaxra min-nies, wieħed biss mar lura jgħidlu grazzi. Dan kien Samaritan, ma kienx Lhudi, kien ġej minn pajjiż imsejjaħ Samarija, ‘l barra minn Iżrael. San Luqa jurina li kien barrani li laqa’ l-messaġġ ta’ Ġesù. Is-Samaritan imfejjaq, juri qima u gratitudni, meta jinxteħet f’riġlejn Ġesù u jirringrazzjah. Din hija turija ta’ fidi min-naħa tas-Samaritan. Huwa kien grat ħafna għal dak li għamel miegħu Ġesù. Hu ma fieqx biss fiżikament mil-lebbra, imma Ġesù jgħidlu wkoll: “il-fidi tiegħek salvatek”. Dan jurina li l-imħabba ta’ Alla hija għal kulħadd. Irridu nkunu aħna li nagħżlu kif ser inwieġbu għal din l-imħabba. 

Intom taħsbu li d-disgħa l-oħra li kienu mfejqa, insew jgħidu, ‘grazzi’? Intom ġieli tinsew tirringrazzjaw lil Alla għal dak kollu li jagħtikom? Ftakru li l-ħajja u l-ħolqien, huma rigal mingħand Alla. Huwa permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù li aħna rċevejna l-akbar rigal, ir-rigal tal-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk, dejjem għandna nirringrazzjaw u nfaħħru lil Alla. Kontu tafu li l-kelma ‘Ewkaristija’ hija kelma Ġriega li tfisser ‘ringrazzjament’? Meta nirringrazzjaw lil Alla, inkunu qed nuru lil Ġesù kemm inħobbuh u kemm napprezzaw il-barkiet li rċevejna, bħall-familja, il-ħbieb, id-dar, l-iskola. Tistgħu taħsbu f’aktar? Matul din il-ġimgħa ftakru għidu talba ta’ ringrazzjament kuljum. Nistgħu nitolbu b’diversi modi. Biex taraw aktar dwar it-talb, araw dan il-video.

Inroddu s-salib.

Grazzi Mulej tar-rigal tal-ħajja u tal-ħolqien sabiħ. Grazzi ta’ dak kollu li tagħtina, speċjalment tar-rigal ta’ Ġesù. Dan nitolbuh f’isem Ġesù. Ammen,

Tistgħu tisimgħu is-song, I thank God.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.