Nitlef biex nirbaħ

Spazju ta’ talb fid-dar u Talba għall-kuraġġ

Madwarna, niltaqgħu ma’ nies li jġegħluna nemmnu li iktar ma jkollna affarijiet materjali  u kumdità aktar ser inkunu kuntenti.  Pietru l-ħabib ta’ Ġesù hekk ħaseb ukoll u ma riedx li Ġesù jbati.  Ġesù rrabja ħafna ma’ Pietru tant li sejjaħlu xitan.  Ġesù kien lest li jbati  basta jurina l-imħabba bla kundizzjoni li Alla għandu għal kulħadd.  

Huwa għallimna li l-ħajja nisranija mhix faċli u li l-ferħ veru ma jiġix mill-kumdità, mid-divertiment, mil-pjaċir jew mill-affarijiet materjali.  Il-veru ferħ insibuh meta ngħixu għall-oħrajn billi nħobbu lill-oħrajn kif iħobbna Alla. 

Il-prayer space li ser nagħmlu llum jisimha Nitlef biex Nirbaħ u għaliha għandna bżonn:

  • Karta b’forma ta’  bużżieqa
  • Biro jew markers

Ħu ftit ħin biex taħseb dwar dawk l-affarijiet u d-drawwiet li qed iżommuk milli jkollok l-ħin u l-enerġija biex tħobb lill-oħrajn fil-prattika, bħall-għażż, il-kumdità u l-ħin li tqatta’ fuq it-teknoloġija.

Pawża ta’ 5 sekondi.

Fuq il-karta forma ta’ bużżieqa, ikteb xi affarijiet li inti lest li titlef sabiex minflok tirbaħ l-ferħ għalik u għal dawk ta’ madwarek.

Issa , tista’ titlob lil Alla biex jgħinek taħseb innqas fik innifsek u aktar fl-oħrajn. 

Pawża t’10 sekondi miġburin fit-talb.

Fl-aħħar, tista’ tpoġġi din il-bużżieqa tal-karti x’imkien biex tfakkarna li l-ferħ veru nsibuh meta nħobbu lill-oħrajn.

Talba għall-kuraġġ, addattata mill-innu popolari lill-Qalb ta’ Ġesù ta’ Dun Karm Psaila

Ġesù,
nitolbuk tgħallimna infaħħruk kif jixraqlek.
Inti tħenn għalina u taħfrilna,
u aħna nixtiequ nħobbuk kif tħobbna inti.

Ġesù,
inti berikt lit-tfal ċkejknin.
Nitolbuk tbierek lilna wkoll illum
u żżommna dejjem qrib tiegħek.

Ġesù,
inti kollox tajtna, anke lilek innifsek.
Inti, li ma jonqsok xejn, ma ddejjaqtx tkun fqir
biex issalvana.

Ġesù,
Nitolbuk tkompli tgħallimna
li ma nistgħux inkunu tassew ferħanin
jekk l-ewwel ma nagħmlux sagrifiċċji.
Nitolbuk tibqa’ tagħmlilna kuraġġ.

Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.