San Pietru Kanisju

21 ta' Diċembru

Fil-bidu tas-seklu sittax, il-prattiċi u d-duttrina tal-Knisja Kattolika ġew ikkontestati.  Dan wassal biex grupp ta’ Kristjani – aktar tard saru magħrufa bħala Protestanti – jinfirdu mill-Knisja Kattolika. In-numru tagħhom kiber u t-twemmin tagħhom infirex madwar l-Ewropa ċentrali, speċjalment fil-Ġermanja fejn kienet bdiet din il-firda.

Fl-1545, il-Papa Pawlu III, sejjaħ Konċilju tal-Knisja biex jitlaqa’ fi Trentu, l-Italja.   Aktar tard, dan il-Konċilju sar magħruf bħala il-Konċilju ta’ Trentu.  Il-Kardinali u l-Isqfijiet ġew imsejħa biex jindirizzaw il-kwistjonijiet li kienet qed tiffaċċja l-Knisja, b’mod partikolari biex jikkonfermaw it-twemmin fundamentali tal-Fidi Kattolika u biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-Knisja fil-ħajja ta’ kuljum.

Kien San Pietru Kanisju li sar il-persuna ċentrali fl-iskorz tal-Knisja biex ixerred it-tagħlim tal-Konċilju ta’ Trentu, bil-għan li tiġi ċċarata l-‘konfużjoni duttrinali’ ta’ dak iż-żmien.

San Pietru twieled f’Nijmegen, l-Olanda f’Mejju tal-1521, bl-isem ta’ Peter Kanis; aktar tard ingħata l-verżjoni Latina ta’ ismu, Canisius. Ommu mietet ftit wara t-twelid tiegħu.  Missieru kien uffiċjal fis-servizz pubbliku u raġel pjuttost għani.  Pietru kien intelliġenti ħafna u kiseb lawrja ta’ ‘Master’ mill-Università ta’ Cologne qabel ma għalaq l-għoxrin sena. Missieru kien jixtieq li jiżżewweġ, iżda Pietru daħal mas-Soċjetà ta’ Ġesù (il-Ġiżwiti) u ġie ordnat saċerdot fis-sena 1546.

Sena wara, Pietru akkumpanja lill-Isqof ta’ Augsburg, bħala konsulent teoloġiku għall-Konċilju ta’ Trentu.  Wara li qatta’ xi żmien l-Italja jaħdem ma’ San Injazju ta’ Loyola, hu mar il-Bavarja fejn, bħala professor universitarju, katekista u predikatur, sar promotur tal-veritajiet duttrinali ddikjarati mill-Konċilju ta’ Trentu.

Hu vvjaġġa lejn Vjenna, Praga u Munich, fejn għaqqad ix-xogħol pastorali max- xogħol akkademiku tiegħu. Waqqaf skejjel, kulleġġi u universitajiet tal-Ġiżwiti.   Kienet ta’ importanza kbira l-abbiltà tiegħu li jwassal id-digrieti tal-Konċilju fuq livell popolari, billi kien jindirizza folol kbar. B’riżultat ta’ dan, seħħ tiġdid tal-Fidi Kattolika fil-Ġermanja, fejn huwa sar l-ewwel Provinċjal tal-Ġiżwiti. Meta kien Vjenna, irrifjuta l-offerta biex jiġi ordnat Isqof. Hu kompla jieħu ħsieb il-morda u dawk li kienu qed imutu waqt l-epidemija tal-pesta.

San Pietru Kanisju waqqaf 18-il Kulleġġ u kiteb 37 ktieb, imma jibqa’ imfakkar li ġabar flimkien l-ewwel u l-itwal verżjoni tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, flimkien ma’ żewġ verżjonijiet qosra; dan kollu għamlu bl-iskop uniku li jsaħħaħ it-twemmin Kattoliku, partikolarment fid-diskussjonijiet tiegħu, speċjalment dawk tal-Protestanti.  

Fl-sena 1584, wara esperjenza mistika, hu ddeċieda li jibqa’ l-Isvizzera għall-bqija ta’ ħajtu, fejn kompla bil-kitba, it-tagħlim u l-predikazzjoni tiegħu.  Anke wara li sofra puplesija qawwija, malli rkupra, kompla bil-kitba tiegħu bl-għajnuna u l-appoġġ tas-segretarju tiegħu.

San Pietru Kanisju miet nhar il-21 ta’ Diċembru 1597.

Ejjew niċċelebraw!

San Pietru Kanisju kien ferħan bid-doni li tah Alla: l-intelligenza tiegħu, il-kisbiet akkademiċi, il-ħiliet kommunikattivi tiegħu li kien juża biex Ġesù jkun magħruf, skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika.

Ġesù tkellem dwar id-doni li nirċievu mingħand Alla biex intejbu lilna nfusna, biex ngħinu lil ħaddieħor u biex nagħmlu lil Ġesù magħruf billi nuru t-twemmin tagħna fih.  Din l-istorja li qalilna Ġesù, jgħidulha ‘Il-Parabbola tat-Talenti’. 

Aqraw din l-istorja mill-Bibbja, jew araw: Matthew 25 The Parable of the Talents.  

Spjega li “talent” fi żmien Ġesù kien jikkorrispondi għal somma kbira ta’ flus, filwaqt li llum ifisser ħila jew talent speċjali fil-personalità ta’ persuna.

Spjega kif permezz ta’ din il-parabbola, Ġesù ried iwassal il-messaġġ li kull wieħed u waħda minna għandu talenti u kwalitajiet tajbin partikolari, dawn għandna nużawhom biex insiru nies aħjar – kemm għalina nfusna kif ukoll għall-oħrajn – u biex inwettqu dak li Alla jistenna minna matul ħajjitna.

Ħeġġighom biex jesprimu u jirrikonoxxu l-kwalitajiet tajbin tagħhom. 

Ejjew nirringrazzjaw lil Alla għad-doni li tana:  Tajbin fil-matematika/qari/kitba/tpinġija/attivitajiet sportivi/delizzji – tkun qalbek tajba, ġeneruż jew ġeneruża, tagħti għajnuna.  Jekk jgħidulek ‘Ma nafx’ jew ‘miniex tajjeb għalxejn’, irrikonixxi d-doni tagħhom inti.  Sib opportunitajiet biex tafferma d-doni tagħhom meta ssib okkażżjoni.  Minbarra li tgħinhom ikomplu isaħħu l-kwalitajiet tajbin tagħhom, tgħinhom ukoll itejbu l-istima tagħhom infushom

Kunu ta’ Għajnuna

– Fis-seklu 16, ma kienx hemm televiżjoni, internet, telefon jew mowbajl!    San Pietru Kanisju vjaġġa madwar l-Ewropa biex jilħaq mijiet ta’ persuni bit-tagħlim tal-Knisja Kattolika, biex jippriedka, jgħallem, u jippromovi l-Fidi Kattolika.

Nistgħu nippruvaw inxerrdu messaġġ ta’ mħabba billi nkunu ta’ għajnuna għal dawk li niltaqgħu magħhom fi żmien il-Milied.  Santa Tereża ta’ Kalkuta qalet li meta fuq wiċċna nuru t-tjieba u tbissima, inkunu “espressjoni ħajja tat-tjieba ta’ Alla.”

  • Araw kif nistgħu nkunu ta’ għajnuna għal xi tifel jew tifla li m’għandhomx ħbieb fil-klassi, ġirien li jgħixu waħedhom, membri tal-familja jew xi ħadd li ilna ma naraw żmien twil.

Ħin għat-talb mal-Familja

– Għin lit-tfal jaraw li Ġesù Bambin, huwa l-ikbar rigal li rċevejna:  L-Iben ta’ Alla li sar bniedem, biex juri t-triq lejn Alla l-Missier.

Aqraw l-istorja tat-Twelid ta’ Ġesù jew araw The Birth Story of Jesus bħala esperjenza ta’ talb; u wara rriflettu x’ħassew Marija u Ġużeppi: l-ansjetà minħabba li ma sabux post xieraq fejn jitwieled Ġesù u l-ferħ li ħassew meta twieled Ġesù.  Wara r-riflessjoni tistgħu titolbu flimkien it-Tielet Misteru tal-Ferħ.

Għinhom jiktbu ittra jew talba lil Ġesù Bambin biex jirringrazzjawh għal dak kollu li rċevew matul is-sena tal-għajnuna Tiegħu meta l-affarijiet ma marrux daqshekk tajjeb.  Agħtihom ftit ħin biex jitolbu lil Ġesù jew bil-fomm jew fis-skiet.

Araw mill-ġdid: The best Christmas song I’ve ever heard

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.