
Fil-bidu tas-seklu sittax, il-prattiċi u d-duttrina tal-Knisja Kattolika ġew ikkontestati. Dan wassal biex grupp ta’ Kristjani – aktar tard saru magħrufa bħala Protestanti – jinfirdu mill-Knisja Kattolika. In-numru tagħhom kiber u t-twemmin tagħhom infirex madwar l-Ewropa ċentrali, speċjalment fil-Ġermanja fejn kienet bdiet din il-firda.
Fl-1545, il-Papa Pawlu III, sejjaħ Konċilju tal-Knisja biex jitlaqa’ fi Trentu, l-Italja. Aktar tard, dan il-Konċilju sar magħruf bħala il-Konċilju ta’ Trentu. Il-Kardinali u l-Isqfijiet ġew imsejħa biex jindirizzaw il-kwistjonijiet li kienet qed tiffaċċja l-Knisja, b’mod partikolari biex jikkonfermaw it-twemmin fundamentali tal-Fidi Kattolika u biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-Knisja fil-ħajja ta’ kuljum.
Kien San Pietru Kanisju li sar il-persuna ċentrali fl-iskorz tal-Knisja biex ixerred it-tagħlim tal-Konċilju ta’ Trentu, bil-għan li tiġi ċċarata l-‘konfużjoni duttrinali’ ta’ dak iż-żmien.
San Pietru twieled f’Nijmegen, l-Olanda f’Mejju tal-1521, bl-isem ta’ Peter Kanis; aktar tard ingħata l-verżjoni Latina ta’ ismu, Canisius. Ommu mietet ftit wara t-twelid tiegħu. Missieru kien uffiċjal fis-servizz pubbliku u raġel pjuttost għani. Pietru kien intelliġenti ħafna u kiseb lawrja ta’ ‘Master’ mill-Università ta’ Cologne qabel ma għalaq l-għoxrin sena. Missieru kien jixtieq li jiżżewweġ, iżda Pietru daħal mas-Soċjetà ta’ Ġesù (il-Ġiżwiti) u ġie ordnat saċerdot fis-sena 1546.
Sena wara, Pietru akkumpanja lill-Isqof ta’ Augsburg, bħala konsulent teoloġiku għall-Konċilju ta’ Trentu. Wara li qatta’ xi żmien l-Italja jaħdem ma’ San Injazju ta’ Loyola, hu mar il-Bavarja fejn, bħala professor universitarju, katekista u predikatur, sar promotur tal-veritajiet duttrinali ddikjarati mill-Konċilju ta’ Trentu.
Hu vvjaġġa lejn Vjenna, Praga u Munich, fejn għaqqad ix-xogħol pastorali max- xogħol akkademiku tiegħu. Waqqaf skejjel, kulleġġi u universitajiet tal-Ġiżwiti. Kienet ta’ importanza kbira l-abbiltà tiegħu li jwassal id-digrieti tal-Konċilju fuq livell popolari, billi kien jindirizza folol kbar. B’riżultat ta’ dan, seħħ tiġdid tal-Fidi Kattolika fil-Ġermanja, fejn huwa sar l-ewwel Provinċjal tal-Ġiżwiti. Meta kien Vjenna, irrifjuta l-offerta biex jiġi ordnat Isqof. Hu kompla jieħu ħsieb il-morda u dawk li kienu qed imutu waqt l-epidemija tal-pesta.
San Pietru Kanisju waqqaf 18-il Kulleġġ u kiteb 37 ktieb, imma jibqa’ imfakkar li ġabar flimkien l-ewwel u l-itwal verżjoni tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, flimkien ma’ żewġ verżjonijiet qosra; dan kollu għamlu bl-iskop uniku li jsaħħaħ it-twemmin Kattoliku, partikolarment fid-diskussjonijiet tiegħu, speċjalment dawk tal-Protestanti.
Fl-sena 1584, wara esperjenza mistika, hu ddeċieda li jibqa’ l-Isvizzera għall-bqija ta’ ħajtu, fejn kompla bil-kitba, it-tagħlim u l-predikazzjoni tiegħu. Anke wara li sofra puplesija qawwija, malli rkupra, kompla bil-kitba tiegħu bl-għajnuna u l-appoġġ tas-segretarju tiegħu.
San Pietru Kanisju miet nhar il-21 ta’ Diċembru 1597.
