Twildilna Salvatur

Il-Milied

Illum nibdew iż-Żmien tal-Milied. Għalina l-insara dan huwa żmien importanti ħafna, aqwa minnu, hemm biss l-Għid. F’dan iż-żmien speċjali qed niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù Kristu, il-misteru tal-inkarnazzjoni, meta Alla sar bniedem bħalna. X’rigal kbir! Fl-imħabba tiegħu, Alla għażel li jsir tad-demm u l-laħam u jgħix il-ħajja ta’ bniedem. Miraklu kbir, li għalkemm seħħ darba, għax Ġesù twieled darba u daqshekk, f’kull quddiesa, Alla jagħtina ġismu u demmu biex nirċevuh u hu jsir parti minna.

L-istaġun tal-Milied, jibda waqt il-quddiesa tal-Vġili tal-Milied u jispiċċa fil-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù. Il-Knisja tagħtina dan iż-żmien biex nirriflettu dwar Ġesù f’ħajjitna, u jekk tbegħidna minnu, nerġgħu nistednuh jitwieled ġewwa fina. Huwa wkoll żmien fejn nirriflettu fuq il-fatt, li l-skop ewlieni għalfejn Ġesù sar bniedem, kien biex isalvana.

Fl-omelija tal-Milied tas-sena l-oħra, Papa Franġisku qal hekk, “Dan huwa l-messaġġ: Alla ma jogħliex fil-kobor, imma jitbaxxa fiċ-ċokon. Iċ-ċokon huwa t-triq li huwa għażel biex jasal għandna, biex imisslna qalbna, biex isalvana u jeħodna lura għal dak li jiswa tassew.”

F’dan il-jum speċjali, il-Knisja tagħtina aktar minn qari wieħed, illum ser nirriflettu fuq l-Evanġelju skont San Luqa, li jinqara fil-quddiesa tas-sebħ. (Jekk tixtieq tara riflessjoni dwar l-Evanġelju skont San Ġwann, li jinqara bin-nhar, mur fuq.

Is-silta tal-Evanġelju hija qasira u sempliċi, iżda toffrielna ħafna x’nitgħallmu minnha. Min kienu r-ragħajja? Dawn kienu nies li ħajjithom kienet man-nagħaġ, ma kienux xi għorrief. Kienu jgħixu ħajja sempliċi. Żgur li ma kienux jafu kif kellhom iġibu ruħhom quddiem il-kbarat, aħseb u ara quddiem Alla. Imma dan il-ħsieb lanqas biss daħal f’moħħhom wara li kellmuhom l-anġli, minflok qalu, “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej”. Aħna ġieli naqtgħu qalbna meta niġu biex nitolbu? Forsi nibżgħu li ser nużaw kliem mhux addattat, jew jidħlilna dubju f’moħħna li ma nafux kif nindirizzaw lil Alla. Ejjew inħallu lil dawn ir-ragħajja jgħallmuna. Fis-sempliċità tagħhom, huma resqu quddiem Alla bla pretenzjonijiet. 

X’kien ix-xogħol tar-ragħajja? Li jieħdu ħsieb in-nagħaġ. Vera ma nafux kemm minnhom marru lejn l-għar ta’ Betlehem, iżda marru kemm marru, wara l-kliem tal-anġli, huma kienu aktar moħħhom li jmorru lejn Betlehem, milli moħħhom fin-nagħaġ. Kemm-il darba aħna wkoll inkunu ppreżentati b’sitwazzjonijiet li t-tnejn ikunu importanti u bżonnjużi u nitfixklu liema ser nagħżlu? Nhar ta’ Ħadd per eżempju, x’nagħżlu? Li mmorru l-quddies, jew li nlaħħqu max-xogħol tad-dar, li ma stajniex nagħmlu matul il-ġimgħa, jew li nieħdu lit-tfal għall-attivitajiet li għandhom? Kollox importanti, imma fejn jidħol Alla, l-affarijiet l-oħra ma humiex komparabbli.

“bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija u kulmin semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja.” Il-probabbiltà kbira hi li ma kellhom l-ebda skola, ma kellhom l-ebda taħriġ ta’ kif ser iwasslu messaġġ, iżda dan ma qatgħalhomx qalbhom. Ma żammewx dak li raw u dak li semmgħu għalihom, imma marru jaqsmuh mal-oħrajn. U aħna kif inġibu ruħha? Xi drabi mhux talli ma nwasslux lil Ġesù għand l-oħrajn, iżda għad-dirittura nistħu, pereżempju nroddu s-salib qabel nibdew nieklu f’restaurant, inkomplu mal-oħrajn meta jgħidu li l-laqgħat ta’ katekeżi tat-tfal huma żejda, inwaqqgħu l-isem ta’ Alla biex inkunu bħall-oħrajn! 

Ir-ragħajja marru jgħaġġlu. X’inhi l-għaġla tagħna? Dawn il-ġranet kulħadd ikollu ħafna impenji: ikliet, parties, ħruġ, xiri ta’ rigali, ikel, visti lill-qraba u ħbieb. Jista’ jkun li din l-għaġla kollha tnessina dak li suppost qegħdin niċċelebraw: it-twelid ta’ Alla fostna. Ninsew dak li ħabbru l-anġli, li dan Alla twieled biex iġibilna l-paċi. U aħna fejn qed infittxuh il-paċi tagħna? Fejn qed infittxuh lil Ġesù? Ir-ragħajja marru “jgħaġġlu” u wara li fittxew “sabu lil Marija u lil Ġużeppi bit-tarbija mimduda f’maxtura.” Huma ma qatgħux qalbhom, baqgħu iffitxu sakemm sabuh. Dan huwa li jgħallmuna dawn ir-ragħajja. 

Il-fatt li Alla għażel lir-ragħajja u mhux xi teoloġi turina li Alla jrid isalva lil kulħadd, il-messaġġ ta’ mħabba u fidwa huwa għalina lkoll, aħna min aħna. Fl-istess ħin, Alla jrid jurina wkoll, li ma jagħmilx differenza bejnietna, li aħna lkoll importanti għalih. U jekk għal Alla kulħadd huwa importanti, aħna wkoll, m’għandniex nagħmlu differenza. Irridu nagħtu kas ta’ kulħadd, irridu ngħinu lil kulħadd, mingħajr ma nagħmlu distinzjoni ta’ razza, post fis-soċjetà, jew twemmin.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 2, 15-20) 

Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-ragħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej”.

Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. Ir-ragħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Fl-omelija tal-Milied tas-sena l-oħra, Papa Franġisku, poġġielna sfida quddiemna. Hu kien qal hekk: “Din hija l-isfida tal-Milied: Alla juri ruħu, imma l-bnedmin ma jifhmuhx. Hu jiċċekken f’għajnejn id-dinja u aħna nibqgħu nfittxu l-kobor biss skont kif tarah id-dinja, u dan forsi nagħmluh ukoll f’ismu. Alla jitbaxxa u aħna ħsiebna kif ħa nitilgħu fuq pedestall. L-Aktar Għoli jurina l-umiltà u aħna nippretendu li nidhru. Alla jmur ifittex ir-ragħajja, nies li ma jarahom ħadd; aħna nfittxu kif ħa nidhru, min ħa jarana. Ġesù jitwieled biex jaqdi u aħna ngħaddu s-snin niġru wara s-suċċess. Alla ma jfittixx qawwa u setgħa, imma jitlob ħniena u ċokon interjuri.” Dan il-kliem kif jolqtok? Kif tista’ tinbidel u kif tista’ tgħin lill-familja tiegħek issir aktar tixbah lil Ġesù Alla?
  4. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (2, 15-20)
    ii. Il-girlanda tal-Avvent, bix-xemgħat kollha bojod biex turi li qegħdin fiż-żmien tal-Milied
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Il-presepju jew Ġesù Bambin fil-maxtura
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  5. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  6. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum il-Milied! Qlajtu rigali sbieħ? Qlajtu r-rigali li xtaqtu? Fl-Evanġelju naraw li r-ragħajja rċevew rigal li kienu ilhom jistennew u tafu xi ħaġa oħra? Dan ir-rigal ma kienx għalihom biss! Meta rċevewh, marru jiġru jgħidlu lill-oħrajn! Ejjew nisimgħu x’ġara.

  • Alla jħobb lil kulħadd, Alla ma jagħmilx differenza bejnietna
  • Printout tal-attività fuq kartonċina
  • Kuluri
  • Imqass
  • Gloj
  • Spag ikkulurit jew żigarella  
  • Glitter u dekorazzjonijiet oħra

Meta jiġrilkom xi ħaġa sabiħa jew ikollkom xi aħbar sabiħa, xi tkunu tixtiequ tagħmlu? Iżżommu kollox għalikom jew tgħidu lill-oħrajn?

Tistgħu issemmu xi affarijiet sbieħ li ġrawlkom dawn l-aħħar?

Ħafna snin ilu, kien hemm ragħajja jieħdu ħsieb in-nagħaġ tagħhom. Dawn ir-ragħajja kienu jibqgħu man-nagħaġ lejl u nhar. Ma kienux imorru lura d-dar biex jorqdu. Darba minnhom bil-lejl, ġralhom xi ħaġa mhux tas-soltu, xi ħaġa li għall-ewwel beżżgħethom, iżda mbagħad ġabitilhom ferħ kbir. Ir-ragħajja kienu ilhom jistennew li jitwieled il-Messija, iżda qatt ma ħolmu li huma kienu ser ikunu tal-ewwel li jarawh! 

Immaġġinaw lil dawn ir-ragħajja bil-lejl, fi dlam ċappa ħlief għad-dawl ta’ xi ħuġġieġa, meta f’daqqa waħda deher dawl kbir u personaġġi li qatt ma raw qabel. Meta raw dan kollu huma beżgħu. Kieku intom kontu tibżgħu?

Dawn l-anġli wara li qalulhom biex ma jibżgħux, tawhom aħbar tajba. Tafu x’kienet din l-aħbar tajba? (li twieled Ġesù)

Ġesù kien il-Messija li kienu ilhom jistennew. Ġesù kien dak li kellu jsalvahom. 

Din l-aħbar tajba ma kinitx għar-ragħajja biss imma għal kulħadd, anke għalina. 

Wara li r-ragħajja raw lil Ġesù, huma bdew ifaħħru lil Alla. Kif taħsbu, li intom bħar-ragħajja, tistgħu tfaħħru lil Alla? (bit-talb u anke bil-kant)

Ejjew mela, infaħħru lil Alla bil-kant u ż-żfin, The God of Wow .

Ir-ragħajja ma riedux iżommu din l-aħbar sabiħa tat-twelid ta’ Ġesù għalihom biss, għalhekk marru jiġru jgħidu lill-oħrajn b’dak li raw u semgħu. U aħna hekk irridu nagħmlu wkoll. Kif tistgħu twasslu din l-aħbar lill-oħrajn? Kif tistgħu tgħidu lil ħaddieħor li Alla jħobbhom?

Matul dawn il-ġranet żgur li ser tiltaqgħu ma’ ħafna nies, jew tmorru għandhom. Għalhekk bħala attività se tagħmlu dekorazzjoni li tista’ tiddendel mas-siġra tal-Milied. M’intomx se tagħmluhom għas-siġra tagħkom, imma biex tagħtuhom lil dawk li tiltaqgħu magħhom matul din il-ġimgħa. Fuq kull dekorazzjoni hemm silta mill-Bibbja, għalhekk meta tagħtu dawk id-dekorazzjonijiet, intom ukoll se tkunu qed tgħidu lil persuna oħra dwar Alla.

Agħmlu kopji kemm għandkom bżonn. Il-ġenituri tagħkom, jew xi ħadd ieħor ser jgħinkom biex taqtgħuhom u twaħħluhom flimkien, imbagħad jinqata’ ċirku minn fejn jistgħu jiddendlu. Fuq naħa jkollkom l-istampa u fuq l-oħra hemm il-kwotazzjoni. Jiġifieri jekk tagħmluhom kollha ser ikollhom 6 blalen għas-siġra tal-Milied. Tistgħu tpinġuhom u tiddekorawhom kif tixtiequ. Meta tlestu, orbtu l-ispaga jew żigarella, u għamlu għoqda fit-tarf, biex lil min tagħtu din id-dekorazzjoni jkun jista’ jdendilha fuq is-siġra tal-Milied.  Waqt li qegħdin tagħmlu din l-attività, kantaw lil Ġesù Bambin, Baby Jesus we love you.

Radd tas-salib

Illum bħala talba, ser tmorru quddiem il-Bambin fil-maxtura, jew quddiem il-presepju u lil Ġesù tgħidulu grazzi tal-affarijiet sbieħ li ġraw illum, semmuhom waħda waħda. Tistgħu wkoll tkantaw xi innu tal-Milied.

Intom tieħdu gost meta jkollhom xi aħbar tajba? Illum l-Evanġelju jitkellem dwar grupp ta’ nies li rċevew aħbar tajba. Ejjew nisimgħu x’kienet din l-aħbar u x’għamlu meta semgħuha.

  • It-twelid ta’ Ġesù kien aħbar tajba. Ġesù ma kienx tarbija bħall-oħrajn, huwa hu l- Iben t’Alla magħmul bniedem.
  • Alla jagħti kas u jieħu ħsieb kulħadd 
  • Printout tal-attività fuq kartonċina
  • Kuluri 
  • Imqass
  • Paper punch
  • Żigarella
  • Glitter 
  • Lapes

L-Evanġelju tal-lum huwa dwar ir-ragħajja. Fil-Bibbja niltaqgħu ma’ numru ta’ ragħajja. Tafu isemmu xi wħud minnhom? (Abraham, Lot, Mosè, David, Ġakobb, Iżakk)

Fi żmien Ġesù, ir-ragħaj ma kienx xi bniedem meqjus ħafna min-nies, x’aktarx kienu meqjusa bħala nies maħmuġin, minħabba li ħafna mill-ħin kienu jgħadduh man-nagħaġ. Għalkemm kien xogħol importanti u bżonnjuż, in-nies ma tantx kienu jirrispettawhom. 

Iżda għal Alla, kulħadd huwa speċjali u biex jurina li hu ma jagħmilx differenza, l-ewwel nies li rċevew l-aħbar mingħand l-anġli, kienu propju r-ragħajja. X’kienet din l-aħbar? (li twieled Ġesù) Din kienet aħbar tajba, għax Ġesù ġie fid-dinja biex isalva lil kulħadd. Turi li Alla jħobb lil kulħadd.

Ġesù sar bniedem għax iħobb lil kulħadd, hu min hu. Fil-fatt għallimna ħafna, li aħna lkoll aħwa u rridu nieħdu ħsieb xulxin, m’għandniex nieħdu ħsieb u nħobbu lil dawk li huma ħbieb tagħna biss, imma anke lil dawk li għandhom ideat differenti minna, li jgħixu f’pajjiżi differenti minna, dawk li huma fqar, dawk li huma morda. 

Tiftakru x’għamlu r-ragħajja wara li l-anġli tawhom l-aħbar? (marru jfittxuh)

U kif marru? Bil-għaġla jew bil-mod? (marru jgħaġġlu)

Ir-ragħajja ma kienux jafu eżatt fejn twieled Ġesù, marru jfittxuh. Aħna fejn nistgħu nsibuh lil Ġesù? (meta naqraw fuqu fil-Bibbja, meta nitolbu, naraw lil Ġesù f’dawk li niltaqgħu magħhom, hu stess qalilna li dak kollu li nagħmlu mal-oħrajn, anke l-iżgħar ħaġa, inkunu qegħdin nagħmluha miegħu)

Ir-ragħajja telqu dak li kienu qegħdin jagħmlu, biex marru ħdejn Ġesù. Intom tagħmlu bħar-ragħajja? Meta jkun sar il-ħin għall-quddies, tmorru jew tibqgħu tagħmlu dak li tkunu qegħdin tagħmlu? Meta jkun il-ħin li titolbu, x’tagħmlu?  Meta xi ħadd għandu bżonn l-għajnuna tagħkom, x’tagħmlu? Alla jixtieq li nobduh. Aħna għandna nagħmlu bħar-ragħajja. Dak li jrid Alla, huwa aktar importanti, għalhekk għandna nagħmluh u mhux insibu xi skuża biex ma nagħmlu xi ħaġa oħra.

Kemm ferħu r-ragħajja meta raw lil Ġesù. Dan il-ferħ ma ridux iżommuh għalihom biss, riedu lil ħaddieħor ikun jaf ukoll. L-istess aħbar tajba li rċevew ir-ragħajja, irċevejnieha aħna wkoll, u bħalhom, għandna ngħaddu din l-aħbar lil ħaddieħor. Kif tistgħu tgħidu lill-oħrajn dwar Ġesù? (meta tagħmel għażliet tajba, tkun ta’ eżempju tajjeb għall-oħrajn, tkun qiegħed turihom kif jixtieqna ngħixu Ġesù; tista’ titkellem dwar Ġesù mal-oħrajn, anke, per eżempju, taqra stejjer mill-Bibbja lil ħutek li huma iżgħar minnek; jekk taf b’xi ħbieb li ma jmurx il-quddies, tista’ tistieden lil xi ħadd minnhom jiġi miegħek għall-quddiesa tal-Ħadd)

Fl-attività tal-lum ser tagħmlu gift tags, biex twaħħluhom mar-rigali li l-ġenituri tagħkom jew intom stess, ser tagħtu lil ħaddieħor f’dawn il-ġranet li ġejjin. Ipprintjawhom, aqtugħhom u agħtuhom il-kulur, tistgħu żżejnuhom bil-glitter ukoll. Taqbuhom u għaddu żigarella biex tkunu tistgħu twaħħluhom mar-rigal. Kull gift tag, fiha kwotazzjoni mill-Bibbja, u dan huwa mod ieħor kif ser twasslu l-Aħbar it-Tajba tat-twelid ta’ Ġesù lill-oħrajn.

Meta tlestuhom, isimhom din is-song, kantaw u iżfnu magħha, Joy.

Għat-talba oqgħodu quddiem Ġesù Bambin, jew quddiem il-presepju

Inroddu s-salib

Kulħadd ser iħares lejn Ġesù u jirringrazzjah ta’ xi ħaġa li jagħtih/a Ġesù (per eżempju, l-imħabba, il-maħfra, li dejjem qiegħed magħna). Fl-aħħar għidu t-talba tas-Sliema bil-qalb, ftakru li f’din it-talba nsemmu lil Ġesù Bambin (il-frott tal-ġuf tiegħek…).

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.