L-Evanġelju tal-lum huwa dwar il-maħfra. Jurina li għalkemm Alla dejjem lest li jaħfrilna, aħna mhux dejjem lesti li naħfru lil ħaddieħor.
Meta Pietru staqsa lil Ġesù kienx biżżejjed li wieħed jaħfer għal seba’ darbiet, huwa stenna li Ġesù kien se jfaħħru għall-ħniena u ġenerożità tiegħu. Minflok, Ġesù jitlob ħafna aktar u juża l-parabbola tal-qaddej u s-sinjur biex jagħmel il-punt tiegħu aktar ċar. Il-ġenerożità u l-ħniena tas-sinjur tispikka fil-fatt li lill-qaddej jaħfirlu ammont kbir u esaġerat, li żgur ma setax irodd lura f’ħajtu kollha. Meta l-istess qaddej jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ persuna oħra li kellha d-dejn miegħu, dejn li kien bil-bosta anqas minn dak li hu kellu jagħti lis-sinjur, minflok ma jiftakar kif mexa miegħu s-sinjur, ma juri l-ebda ħniena.
Meta tisma’ din il-parabbola, tgħid: “kif jista’ jkun, is-sinjur ħafirlu tant, u dan il-qaddej imbagħad ġab ruħu hekk!” Ħa npoġġu lilna nfusna minflok dan il-qaddej. Qatt kien hemm xi sitwazzjoni fejn kien hemm bżonn li jaħfrilna xi ħadd? X’kienu l-ħsibijiet tagħna? X’aktarx jiġuna numru ta’ raġunijiet għalfejn jistħoqqilna din il-maħfra.
Kien hemm xi sitwazzjoni meta xi ħadd weġġgħana b’dak li għamel? Kemm konna lesti li naħfru? Pietru kien ġeneruż ħafna meta kien lest li jaħfer lill-istess persuna seba’ darbiet!
Huwa aktar faċli li nagħtu raġunijiet għalfejn xi ħadd għandu jaħfrilna, milli raġunijiet li jimmotivawna meta aħna għandna naħfru lill-oħrajn?
Alla jimxi b’mod differenti. Huwa lest li jaħfrilna dejjem, għamilna x’għamilna. Jekk nuru li ddispjaċiena, jekk aħna nindmu, Alla jaħfrilna. U bħas-sinjur Alla jistenna li aħna naħfru wkoll, ‘sa sebgħa u sebgħin darba’. Din it-tweġiba ta’ Ġesù turi li m’hemmx limitu ta’ kemm-il darba għandna naħfru. Alla jrid li naħfru lilna nfusna u naħfru lill-oħrajn ukoll. Jekk dan ma nagħmluhx, mhuwiex Alla li ma jaħfrilniex, iżda nkunu aħna li ma nkunux nistgħu naċċettaw il-fatt li Alla ħafrilna. Kif Alla jaħfer lilna, aħna rridu naħfru lill-oħrajn. Din hija parti essenzjali mill-ħajja tan-nisrani. Nindunaw li l-maħfra ta’ Alla u l-kundizzjoni li jorbot magħha ma hijiex limitazzjoni li joħloq hu, iżda hija waħda li noħolqu aħna. Kemm aħna lesti li nindmu minn dak li għamilna u nilqgħu il-maħfra ta’ Alla? Kemm aħna lesti li bħalu naħfru lil min għamlilna d-deni? Biex ikun hemm rikonċiljazzjoni, irid ikun hemm rieda tajba miż-żewġ naħat. Hemm differenza bejn maħfra u rikonċiljazzjoni. Jista’ jkun hemm maħfra mingħajr rikonċiljazzjoni. Sabiex nirrikonċilja ruħi ma’ Alla, jien irrid inkun lest li nindem, li nikkonverti, li nibdel il-mod kif ngħix. Biex nirrikonċilja lili nnifsi ma’ min għamilli d-deni, jien irrid inkun lest li naħfer u l-persuna l-oħra trid tkun lesta li jiddispjaċiha għal dak li għamlet u ssewwi l-ħażin fejn huwa l-każ u vice versa, jekk kont jien li weġġajt lil xi ħadd. Il-maħfra tiġi min-naħa ta’ dak li sofra l-azzjoni ħażina, iżda r-rikonċiljazzjoni hija azzjoni li ssir mit-tnejn.
Li naħfer ma jfissirx li naċċetta azzjonijiet ħżiena u nġusti. Irridu nkunu lesti li naħfru, iżda qatt ma nistgħu naċċettaw dak li hu ħażin. Is-sinjur kien lest li jaħfer lill-qaddej, iżda l-qaddej ma kienx lest li jindem, u l-imġieba tiegħu ma’ sieħbu kienet xhieda ta’ dan.