Sebgħa u sebgħin darba!

L-24 Ħadd ta’ Matul is-Sena

L-Evanġelju tal-lum huwa dwar il-maħfra. Jurina li għalkemm Alla dejjem lest li jaħfrilna, aħna mhux dejjem lesti li naħfru lil ħaddieħor.

Meta Pietru staqsa lil Ġesù kienx biżżejjed li wieħed jaħfer għal seba’ darbiet, huwa stenna li Ġesù kien se jfaħħru għall-ħniena u ġenerożità tiegħu. Minflok, Ġesù jitlob ħafna aktar u juża l-parabbola tal-qaddej u s-sinjur biex jagħmel il-punt tiegħu aktar ċar. Il-ġenerożità u l-ħniena tas-sinjur tispikka fil-fatt li lill-qaddej jaħfirlu ammont kbir u esaġerat, li żgur ma setax irodd lura f’ħajtu kollha. Meta l-istess qaddej jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ persuna oħra li kellha d-dejn miegħu, dejn li kien bil-bosta anqas minn dak li hu kellu jagħti lis-sinjur, minflok ma jiftakar kif mexa miegħu s-sinjur, ma juri l-ebda ħniena.

Meta tisma’ din il-parabbola, tgħid: “kif jista’ jkun, is-sinjur ħafirlu tant, u dan il-qaddej imbagħad ġab ruħu hekk!” Ħa npoġġu lilna nfusna minflok dan il-qaddej. Qatt kien hemm xi sitwazzjoni fejn kien hemm bżonn li jaħfrilna xi ħadd? X’kienu l-ħsibijiet tagħna? X’aktarx jiġuna numru ta’ raġunijiet għalfejn jistħoqqilna din il-maħfra. 

Kien hemm xi sitwazzjoni meta xi ħadd weġġgħana b’dak li għamel? Kemm konna lesti li naħfru? Pietru kien ġeneruż ħafna meta kien lest li jaħfer lill-istess persuna seba’ darbiet!

Huwa aktar faċli li nagħtu raġunijiet għalfejn xi ħadd għandu jaħfrilna, milli raġunijiet li jimmotivawna meta aħna għandna naħfru lill-oħrajn?

Alla jimxi b’mod differenti. Huwa lest li jaħfrilna dejjem, għamilna x’għamilna. Jekk nuru li ddispjaċiena, jekk aħna nindmu, Alla jaħfrilna. U bħas-sinjur Alla jistenna li aħna naħfru wkoll, ‘sa sebgħa u sebgħin darba’. Din it-tweġiba ta’ Ġesù turi li m’hemmx limitu ta’ kemm-il darba għandna naħfru. Alla jrid li naħfru lilna nfusna u naħfru lill-oħrajn ukoll. Jekk dan ma nagħmluhx, mhuwiex Alla li ma jaħfrilniex, iżda nkunu aħna li ma nkunux nistgħu naċċettaw il-fatt li Alla ħafrilna. Kif Alla jaħfer lilna, aħna rridu naħfru lill-oħrajn. Din hija parti essenzjali mill-ħajja tan-nisrani. Nindunaw li l-maħfra ta’ Alla u l-kundizzjoni li jorbot magħha ma hijiex limitazzjoni li joħloq hu, iżda hija waħda li noħolqu aħna. Kemm aħna lesti li nindmu minn dak li għamilna u nilqgħu il-maħfra ta’ Alla? Kemm aħna lesti li bħalu naħfru lil min għamlilna d-deni? Biex ikun hemm rikonċiljazzjoni, irid ikun hemm rieda tajba miż-żewġ naħat. Hemm differenza bejn maħfra u rikonċiljazzjoni. Jista’ jkun hemm maħfra mingħajr rikonċiljazzjoni. Sabiex nirrikonċilja ruħi ma’ Alla, jien irrid inkun lest li nindem, li nikkonverti, li nibdel il-mod kif ngħix. Biex nirrikonċilja lili nnifsi ma’ min għamilli d-deni, jien irrid inkun lest li naħfer u l-persuna l-oħra trid tkun lesta li jiddispjaċiha għal dak li għamlet u ssewwi l-ħażin fejn huwa l-każ u vice versa, jekk kont jien li weġġajt lil xi ħadd. Il-maħfra tiġi min-naħa ta’ dak li sofra l-azzjoni ħażina, iżda r-rikonċiljazzjoni hija azzjoni li ssir mit-tnejn. 

Li naħfer ma jfissirx li naċċetta azzjonijiet ħżiena u nġusti. Irridu nkunu lesti li naħfru, iżda qatt ma nistgħu naċċettaw dak li hu ħażin. Is-sinjur kien lest li jaħfer lill-qaddej, iżda l-qaddej ma kienx lest li jindem, u l-imġieba tiegħu ma’ sieħbu kienet xhieda ta’ dan.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 18, 21-35) 

F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” Wieġbu Ġesù: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.

Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.

Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.

Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.

Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?” U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.

Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li laqtitek l-aktar? Għaliex?
  3. Agħmilt xi ħaġa li hemm bżonn li titlob maħfra tagħha iżda li minħabba kburija jew suppervja qed tibqa’ lura? Itlob lil Alla biex jagħtik l-umiltà li għandek bżonn biex titlob skuża.
  4. Hemm xi ħadd, jew aktar li qed jistennew li inti taħfrilhom, iżda qed issibha diffiċli? Ikteb dan l-isem jew ismijiet u itlob biex Alla jagħtik il-qawwa li taħfrilhom.
  5. Fil-kwiet isma Forgiveness.
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn se tiltaqgħu ppreparaw:
    a) Bibbja bil-qari minn San Mattew (18, 21-35)
    b) Xemgħa mixgħula
    ċ) Il-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja, xemgħa, miksija bi drapp aħdar
    d) Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom.
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja.

Ġesù jridna nkunu nafu li Alla dejjem jaħfrilna.

Meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, Ġesù jrid li jiddispjaċina u ngħidu ‘sorry’.

  • Stampa
  • Labra u ħajta
  • Glue
  • Tape

Nota għall-adulti: Niftakru li ta’ din l-età, it-tfal għadhom ma jafux iqisu s-sentimenti tal-oħrajn, għadhom ma jistgħux japprezzaw li l-atteġġjament u mġieba tagħhom jeffettwa dak li jħoss ħaddieħor. Meta jkun hemm bżonn li jaħfru, irridu nfakkruhom id-drabi meta xi ħadd ħafer lilhom u kif ħassewhom meta ġew maħfura. It-tfal għad ma jistgħux jifhmu xi tfisser li Alla jaħfrilhom. Jitgħallmu minna l-adulti xi tfisser li taħfer. Jekk aħna ma naħfrux, kif jaħfer Alla, ma jistgħux, jifhmu li Alla ser jaħfrilhom.

Tfal, il-lum Ġesù jrid ikellimna dwar il-maħfra. 

Araw din l-istampa. Sabiħa? (qatta’ l-istampa fi tnejn)

Issa għadha sabiħa l-istampa?

Nista’ nagħmel xi ħaġa biex l-istampa terġa tkun sabiħa? (nuruhom il-labra u ħajta, gloj u tape, biex jagħżlu dak li jistgħu jużaw biex titwaħħal l-istampa)

Meta tnejn ikunu ħbieb, din hija xi ħaġa sabiħa ħafna, bħall-istampa. Imma xi kultant dawn il-ħbieb jiġġieldu. Intom, tfal qatt kellkom xi ġlieda mal-ħbieb jew ma’ ħutkom? Meta niġġieldu ma nibqgħux ħbieb bħalma konna u nkunu mdejjqin. 

L-istampa erġajna waħħalnieha bit-tape u reġgħet saret sabiħa. Aħna x’nistgħu nagħmlu biex nerġgħu nkunu ħbieb? (ngħidu sorry u ma nerġgħux niġġieldu)

Tfal, meta aħna niġġieldu mal-ħbieb tagħna, jew ma’ ħutna, jew meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, per eżempju meta ngħidu gidba, Alla ma jkunx ferħan. Alla ma jieħux gost meta aħna nagħżlu li nagħmlu xi ħaġa li mhux suppost, bħal niġġieldu, nigdbu, nieħdu xi ħaġa li ma hijiex tagħna. Tafu ssemmu xi affarijiet oħra li meta nagħmluhom Alla mhux se jieħu gost bina? (nagħtuhom ċans jagħtu eżempji)

Meta ngħidu sorry lil xulxin u lilu wkoll, Alla jieħu gost bina u jaħfrilna u mhux hekk biss, iżda jinsa dak li nkunu għamilna! Mhux Alla biss jaħfrilna, izda anki dawk li nkunu weġġajna, jaħfrulna wkoll. Tfal, intom tafu li Alla jaf kollox, allura rridu nkunu sorry u ddispjaċuti ta’ vera u mhux biċ-ċajt! Meta Alla u l-oħrajn jaħfrulna nerġgħu nkunu ferħanin. 

L-Evanġelju tal-lum kien dwar sinjur li ħafer lill-qaddej tiegħu, imma mbagħad dan il-qaddej ma riedx jaħfer lill-ħabib tiegħu. Alla, jagħmel bħal dak is-sinjur, jaħfrilna, iżda aħna xi kultant nagħmlu bħal dak il-qaddej. Ejjew naraw storja li tixbah ħafna l-istorja li qal Ġesù.

Irroddu s-salib.

Nisimgħu The forgiveness song.

Grazzi Ġesù talli tħobbni ħafna u taħfirli. Jien xi kultant nirrabja u nsibha diffiċli biex naħfer. Ġieli anke nsibha diffiċli li ngħid sorry għal dak li nkun għamilt ħażin. Ġesù, għinni biex jien insir aktar bħalek.

Ġesù, ‘sorry’ ta’ meta… (kulħadd isemmi dak li jixtieq jitlob skuża għalih).

Illum Ġesù se jkellimna dwar il-maħfra, u jurina li Alla dejjem lest jaħfrilna meta aħna jiddispjaċina min-nuqqasijiet tagħna.

  • Alla jaħfrilna dejjem
  • Aħna wkoll iridu nitgħallmu naħfru lill-oħrajn meta jiddispjaċihom
  • Forma ta’ qalb maqtugħa minn kartonċina ħamra (jew kulur ieħor). Minn din ikollna waħda għal kull persuna
  • Lapsijiet 
  • Kuluri

Nota lill-adulti: it-tfal ser jemmnu li Alla jaħfer u li hu ħanin, jekk jesperjenzaw il-maħfra u ħniena minn dawk l-aktar qrib tagħhom. Il-maħfra ta’ Alla ma fihiex kundizzjonijiet, Alla ma jorbotx il-maħfra tiegħu ma’ affarijiet oħra, għalhekk lanqas aħna ma għandna naħfru fuq kundizzjoni li t-tfal jagħmlu xi ħaġa, per eżempju ngħidulhom: ‘iva naħfirlek, iżda l-ewwel trid tiżbarazza l-kamra tiegħek’. Għalkemm irid ikun hemm konsegwenzi għall-imġieba ħażina, il-maħfra ma għandhiex tkun marbuta ma’ kundizzjonijiet. Alla ma jaħfrilniex jekk aħna nissodisfaw xi kundizzjoni. Alla, bħal dak is-sinjur tal-Evanġelju, jaħfrilna b’ġenerożità li ma titwemminx. Madanakollu, min ma jkunx veru niedem minn dnubietu u speċjalment min ma jaħfirx lil dawk li naqsuh, ikun qed jagħlaq il-bieb f’wiċċ il-maħfra t’Alla u jitlef il-grazzja kbira li Alla ried jagħtih. It-tfal għandna ngħallmuhom li meta taħfer ma jfissirx li tkun qed tħalli lil ħaddieħor jagħmel li jrid bik. Li taħfer ma jfissirx li taċċetta bullying jew abbuż. Tista’ taħfer lill-persuna iżda l-azzjoni ħażina xorta tibqa’ ġġor il-konsegwenzi tagħha.

Pietru jaf li biex taħfer lill-oħrajn mhux dejjem faċli. Hu jaħseb li meta lil Ġesù se jgħidlu huwiex biżżejjed li jaħfer seba’ darbiet, Ġesù kien se jaqbel miegħu. Tiftakru x’wieġeb Ġesù? (irid jaħfer sa sebgħa u sebgħin darba)

X’taħsbu? Ġesù jridna noqgħodu ngħoddu kemm-il darba naħfru lil xi ħadd? (Ġesù għażel numru kbir biex juri lil Pietru u lilna, li għandna naħfru dejjem, bħalma Alla dejjem jaħfer lilna)

Tfal, tiftakru x’kienet l-istorja li qal Ġesù? (inħallu lit-tfal jirrakuntawha, ngħinu skont kif hemm bżonn)

Min taħsbu li hu s-sinjur? (Alla)

U l-qaddej? (jiena / aħna)

Alla huwa ħanin ħafna, dejjem jaħfrilna meta jiddispjaċina. Din il-clip turina kemm Alla huwa lest li jaħfrilna. L-imħallef qisu s-sinjur li smajna dwaru fl-Evanġelju u l-ħalliel huwa il-qaddej: The judge and his friend.  

Aħna, bħall-qaddej, insibuha diffiċli li naħfru. Biex taħfer, kif jaħfer Alla, mhux kemm ngħidu, ‘Ok ħfirtlek,’ iżda li ninsew dak li għamlulna u ma nibqgħux infakkru lil min naqasna dwar dak li għamlulna. U meta jkun hemm bżonn li nitolbu skuża, mhux la kemm ngħidu ‘sorry’, irid jiddispjaċina ta’ vera u nippruvaw li ma nerġgħux nagħmlu dak li għamilna. 

Jekk taħsbu ftit, tistgħu tiftakru f’dawn l-okkażjonijiet differenti?

  • Meta xi ħadd ħafirlek
  • Meta xi ħadd għamillek xi ħaġa, talbek skuża, iżda xorta sibtha diffiċli li taħfer
  • Meta ħfirt lil xi ħadd, wara li ddispjaċih

Kif ħassejtek f’dawn is-sitwazzjonijiet?

Bħala attività, kulħadd se jieħu qalb. Fuq naħa minnhom, niktbu Ġesù jħobbni u jaħfirli. Jekk jixtiequ t-tfal jistgħu jiddekoraw din in-naħa tal-qalb. Fuq in-naħa l-oħra, kulħadd jikteb dik l-għażla ħażina (dnub) li hi diffiċli li jegħleb u ma jistax jieqaf milli jagħmilha. Il-qalb tintewa fi tnejn u kulħadd iżomm tiegħu f’post li jixtieq (sigriet jekk irid). Kull filgħaxija, jew anke matul il-ġurnata, jitlob lil Ġesù biex jgħinu jieqaf minn dan id-dnub. Meta tirnexxi, il-qalb tista’ titqatta’ u min irid jista’ jagħmel oħra. B’hekk ftit ftit, insiru persuni aħjar. Min jixtieq, jista’ jaqsam dak li kiteb mal-oħrajn. 

Hemm drabi fejn huwa diffiċli li ngħelbu din it-tentazzjoni waħedna u jkollna bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor. Għalhekk, jekk per eżempju tifel jigdeb ħafna, meta l-ġenituri jindunaw li gideb, b’imħabba għandhom juruh li jafu li gideb. Jekk kien hemm konsegwenzi għall-azzjonijiet tiegħu, it-tifel għandu jieħu dak li ħaqqu anki b’mod li hu jiġi edukat. Fuq kollox, huwa mportanti li kollox isir b’imħabba u qatt b’rabja jew nuqqas ta’ paċenzja.

Irroddu s-salib.

Għażiż Ġesù, jiddispjaċina meta nagħmlu għażliet ħżiena. Aħfrilna u għinna biex aħna naħfru lill-oħrajn ukoll.

Ġesù aħfirli ta’ meta… (kulħadd ikompli t-talba ta’ maħfra skont dak li jixtieq jitlob skuża għalih).

Grazzi Ġesù tal-imħabba u maħfra tiegħek. 

Flimkien nisimgħu You forgive me.

1. Fir-rakkont tal-Evanġelju tal-lum, Pietru jistaqsi lil Ġesù kemm-il darba għandna naħfru lil min ikun naqasna. Il-Mulej iwieġbu u jgħidlu li rridu naħfru għal...

Correct! Wrong!

2. Ġesù jirrakkonta parabbola. Fiha hemm is-sultan, il-qaddej ħażin, u qaddej ieħor. Kemm kellu jagħti flus il-qaddej ħażin lis-sultan?

Correct! Wrong!

3. Il-qaddej li kien ġie maħfur mis-sultan, kien sab lil sieħbu li kellu d-dejn miegħu u qallu...

Correct! Wrong!

4. Fil-parabbola Ġesù jgħid li s-sultan irrabja ħafna meta ra li l-qaddej li lilu kien ħafirlu tant, ma mexiex l-istess ma sieħbu iżda baqa’ b’qalbu iebsa. Is-sultan ċanfar bl-aħrax lill-qaddej għax stenna li dan kellu...

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.