
Bernard twieled fis-sena 1090, fil-Kastell ta’ Fontaines, qrib Dijon fi Franza. Il-ġenituri ta’ Bernard kienu nobbli u rabbew lil uliedhom skond it-tagħlim tal-Fidi Kattolika. Bernard irċieva l-edukazzjoni tiegħu fi skola ta’ fama kbira, fejn kien jispikka fit-tagħlim kif ukoll fil-qdusija, id-devozzjoni tiegħu lejn il-Madonna u l-imħabba li kellu lejn l-istudju tal-Bibbja.
Meta kellu 19-il sena, omm Bernard mietet. Kien f’dak iż-żmien li ddeċieda li jgħix ħajja ta’ solitudni u talb meta ħass is-sejħa biex jidħol maċ-Ċisterċensi, ordni li timxi fuq ir-Regola ta’ San Benedittu. Dawn il-patrijiet jgħixu ħajja ta’ faqar u sempliċità, xogħol manwali, studju u talb.
Kellu 24 sena meta, flimkien ma’ 12-il patri ieħor, kien mibgħut biex iwaqqaf monasteru fil-Wied ta’ Wormwoods. Dan kien il-bidu taċ-ċelebri monasteru ta’ Clairvaux (Wied id-Dawl). Hawn Bernard dam Abbati għal 38 sena. (abbati huwa dak il-patri li jmexxi il-komunità u l-monasteru). Bernard kompla jivvjaġġa u jwaqqaf monasteri oħra. Diversi drabi ġie offrut ir-rwol ta’ Isqof, iżda qatt ma aċċetta għax ipprefera li jkompli jippromovi r-Regola ta’ San Benedittu.
Bernard malajr kiseb reputazzjoni ta’ għerf u qdusija, u sar magħruf għall-priedki tiegħu; tant hu hekk li anke l-Papa kien jitlob il-pariri tiegħu. Iżda fuq kollox baqa’ l-mexxej monastiku, dejjem josserva l-ħajja tat-talb u r-Regola Benedittina, jikteb priedki, ittri u riflessjonijiet fuq l-Iskrittura.
Fuq talba tal-Papa Ewġenju III, li qabel kien wieħed mill-patrijiet ta’ San Bernard, xtaq iwaqqaf kurċjata biex jeħles l-Art Imqaddsa, u nkariga lil San Bernard biex jorganizzha. San Bernard intefa’ b’ruħu u ġismu f’kampanja kollha ħeġġa, u rnexxielu jwaqqaf it-Tieni Kruċjata li sfortunatament falliet u ntemmet f’diżastru.
L-esperjenzi ta’ ħajtu kellhom effett negattiv fuq saħħtu u miet fis-sena 1153, fl-età ta’ 63 sena. San Bernard ta’ Clairvaux kien teologu kbir, Abbati fl-Ordni Ċisterċjan u Duttur tal-Knisja.
