Il-Profeta Elija

20 ta' Lulju

Il-Profeta Elija huwa deskritt bħala “profeta kuraġġuż” – bniedem li kellu l-kwalitajiet tal-kuraġġ, il-qlubija, l-eroiżmu u n-nuqqas ta’ biza’. Madankollu, Elija għadda wkoll minn mumenti ta’ skuraġġiment, biża’ u dubju. Kienet il-fidi soda tiegħu u t-talb kontinwu li għenuh jegħleb dawn l-isfidi, billi għaqqduh mal-preżenza ta’ Alla f’ħajtu.

Min kien Elija li jissemma fil-Bibbja fl-Ewwel Ktieb tas-Slaten?  Ismu jfisser ‘Alla tiegħi huwa Jahweh’.  Elija kien minn Tisbe f’Gilad ġewwa Iżrael, imma xejn hu magħruf dwar it-twelid u l-familja tiegħu.

Hu kien profeta, magħżul minn Alla għal missjoni partikulari, biex ikun messaġġier għall-Poplu ta’ Iżrael.  Is-Sultan Aħab, kien wassal lill-poplu biex jitbiegħed mill-qima ta’ Alla Wieħed u Veru u jdur lejn il-qima tal-idoli; dan ġara b’mod partikolari wara li żżewweġ lil Ġeżabel, bint is-Sultan tal-Feniċi.  Din introduċiet il-qima lejn l-alla falz jismu Bagħal. Il-missjoni ta’ Elija kienet li jwassal lill-poplu ta’ Iżrael lura biex jagħti qima lil Alla permezz tal-Patt (ftehim jew wegħda ta’ mħabba u lealtà) ta’ Abraham u Mosè.

Alla bagħat lil Elija għand is-Sultan Aħab b’sejħa għall-indiema, inkella għaks kbir kien ser jolqot lill-pajjiz. Meta s-Sultan Aħab u Ġeżabel komplew iqimu lil Bagħal, il-pajjiż intlaqgħat minn nixfa kbira li damet aktar minn tlett snin.

Elijah kien akkużat b’din is-saħta. Meta ħajtu ġiet mhedda mis-Sultan, Alla ggwidah lejn post fejn seta’ jinħeba, u aktar tard, lejn id-dar ta’ armla u binha f’Sarefta, fejn ħabbar li l-armla kienet ser tieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu. Fil-fatt, minkejja l-ġuħ, il-keffa tad-dqiq u l-buqar taż-żejt tal-armla baqgħu jimtlew u jiżdiedu, tant li qatt ma batew il-ġuħ.  Waqt li Elija kien qed jgħix magħhom, bin l-armla marad u miet, iżda huwa reġa ngħata l-ħajja bl-interċessjoni ta’ Elija!

Eventwalment, Alla ordna lil Elija biex jiltaqa’ mas-Sultan Aħab. Elija sfida lis-sultan u l-profeti ta’ Bagħal fuq il-Muntanja Karmel biex jippruvaw min hu l-Alla veru permezz ta’ sinjal mis-sema. Hu qalilhom: “Jekk il-Mulej hu Alla, morru warajh, inkella morru wara Bagħal jekk inhu hu”. L-isfida kienet min l-ewwel minnhom kien ser jibgħat in-nar mis-sema fuq l-offerta, huwa l-veru Alla. Il-profeti ta’ Bagħal ippreparaw barri bħala offerta u bdew ikantaw u jitolbu biex Bagħal jibgħat in-nar. Wara ġurnata ta’ talb ma kien hemm ebda sinjal. Wara Elija pprepara l-barri fuq l-artal tas- sagrifiċċju u xarrab l-offerta, kif ukoll l-injam ta’ madwar l-offerta diversi drabi. Elija talab lil Alla ta’ Iżrael biex jibgħat in-nar. Minnufih nar niżel fuq il-barri tas-sagrifiċċju; in-nar mhux biss ħaraq il-barri imma nxtorob l-ilma u nixef l-injam ta’ madwar l-offerta.

L-Iżraelin issa kienu konvinti li Alla ta’ Iżrael huwa l-uniku Alla veru. Imbagħad, Elija talab lil Alla biex tintemm in-nixfa, u bdiet nieżla x-xita.

Madankollu, Elija baqa’ jiffaċċja theddid u persekuzzjoni, speċjalment min-naħa ta’ Ġeżabel. Meta Elija ħass li l-missjoni tiegħu kienet waslet biex tintemm, huwa fittex lil Eliżew – kif kien ordnalu Alla – biex jieħu postu bħala l-Profeta maħtur minn Alla għall-Poplu Magħżul Tiegħu.

Huwa maħsub li Elija ma mietx mewta naturali, iżda li ttieħed fis-sema f’karru tan-nar u f’riefnu waqt li kien mal-Profeta Eliżew. Dan seħħ hekk kif kienu se jaqsmu x-Xmara Ġordan li nqasmet fi tnejn. Eliżew ra lil Elija jittieħed fis-sema u qabed il-mantell ta’ Elija li kien waqa’ mal-art.  Il-fatt li qabed il-mantell kien ifisser li issa Eliżew kellu s-sejħa ġdida tiegħu bħala l-Profeta ta’ Alla.

Is-Sultan Aħab sejjaħ lil Elija ‘dak li joħloq l-inkwiet għal Iżrael’.  Dan għax ma għoġbux il-messaġġ tiegħu u għalhekk ippersegwitah. Iżda Elija żamm sod.

Xi drabi, it-tfal jiġu ttimbrati li għadhom lura meta jżommu sod u ma jieħdux sehem f’attivitajiet li jħossu li mhumiex sewwa.  Mhuwiex faċli għat-tfal li ma jċedux għall-pressjoni tal-ħbieb u jimxu kontra l-kurrent minħabba l-pressjoni li jagħmlu fuqhom sħabhom.

Ħu l-opportunità biex tħalli lit-tfal jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom: li jaqblu li jġibu ruħhom ħażin ma’ tifel jew tifla oħra, li jagħmlu bullying lil ħaddieħor, li jaqblu li jġibu ruħhom ħażin fil-klassi, u esperjenzi oħra simili.

  • Ħeġġiġhom jesprimu dak li ħassew f’dawn is-sitwazzjonijiet – iddiskutu x’jistgħu jagħmlu.

Għidilhom li anke Elija kellu emozzjonijiet bħal kulħadd.  Għalhekk, hu wkoll kellu mumenti ta’ biża’ u ansjetà. Kultant, aħna wkoll ikollna dawn l-esperjenzi, u l-istess jiġri lit-tfal tagħna.

  • Ħeġġeġ lit-tfal jitkellmu dwar il-biżgħat tagħhom u dwar dak li jikkawżalhom l-ansjetà meta jinqalgħu sitwazzjonijiet bħal dawn. Li dawn is-sentimenti negattivi jiġu espressi bil-kliem jagħmilhom aktar faċli biex jiġu mmaniġġjati.
  • Irridu noqogħdu attenti li ma nwarrbux dak li jħossu, bit-tama li b’hekk ‘inkeċċu l-biżgħat tagħhom’. Ir-rwol tagħna hu li nirrikonoxxu u nivvalidaw is-sentimenti tagħhom, ngħinu lit-tfal tagħna jiffaċċjawhom, nuru empatija magħhom u noffrulhom strateġiji biex ilaħħqu magħhom.
  • Tgħanniqa liċ-ċkejknin tagħmel mirakli. Għat-tfal akbar fl-età, li forsi jħossu li kibru wisq għat-tgħanniq, tista’ minflok togħrokilhom daharhom bil-mod. Jew inkella, ibda d-drawwa tat-“Tgħanniqa tal-Familja” billi titlob waħda int stess u tgħid: “Għandi bżonn tgħanniqa.” Madankollu, jekk il-biżgħat tat-tifel jew tat-tifla tiegħek isiru persistenti u intensi sal-punt li jfixklu ħajjithom, tista’ tikkunsidra li tfittex għajnuna professjonali.

Ħin tat-Talb mal-Familja

  • Attendu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa bħala familja. Meta tispiċċa l-Quddiesa, toħorġux bil-għaġla. Qattgħu ftit ħin quddiem is-Sagrament Imqaddes. B’leħen baxx, ħeġġu lil xulxin biex tistqarru l-preżenza ta’ Ġesù fis-Sagrament Imqaddes.
  • Qattgħu mument ta’ kwiet id-dar, forsi wara li tkunu ddiskutejtu xi kwistjoni li kienet qed tinkwetakom. Itolbu l-għajnuna ta’ Alla!

Kantaw flimkien: God will make a way.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.