Il-messaġġier

It-Tieni Ħadd tal-Avvent

Illum l-aħbarijiet malajr jaslulna. Għandna ħafna tipi ta’ messaġġiera li jwasslulna dak li qiegħed jiġri; xi drabi, għandna wisq messaġġiera wkoll! Mhux faċli li tinduna min qiegħed iwassal il-messaġġ veru, u min qiegħed jinqeda bil-mezzi, biex iwassal il-messaġġ mgħawweġ tiegħu. Fi żmien Ġesù, ukoll kien hemm messaġġiera differenti, mhux daqs kemm għandna llum, iżda xorta kien hemm dawk li ppruvaw iwasslu messaġġi ħżiena. Ġwanni l-Battista kien messaġġier ewlieni li ħabbar lil Ġesù, li għen biex jipprepara lin-nies għat-tagħlim ta’ Ġesù.

Alla qatt ma jħallina waħedna, dejjem jibgħatilna messaġġiera. Huwa veru li xi drabi nistgħu insibuha diffiċli biex nagħrfu li xi messaġġ partikulari huwa ġej mingħand Alla, jew biex nifhmuh u nagħmlu dak li Alla jixtieq minna.

Il-bombardament ta’ aħbarijiet u eżempji ta’ kif għandna ngħixu, naħsbu u nġibu ruħna, jistgħu igerfxuna. Liema hu l-‘leħen jgħajjat fid-deżert’ għalina? X’aktarx mhux ser ikun messaġġier libes ‘libsa tax-xagħar tal-ġemel, u jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ’. Ta’ kuljum Alla jkellimna permezz tal-Kelma tiegħu, ikellimna permezz tat-talb. Lil Ġwanni l-Battista nsibuh fis-saċerdoti u l-priedki tagħhom, fil-kelliema ta’ laqgħat u ta’ programmi ta’ tagħlim nisrani. Alla jwasslilna messaġġi anki permezz tal-mezzi soċjali, jew kelma ta’ tama mingħand il-ħbieb. Madakollu, fl-aħħar mill-aħħar, irridu nkunu aħna li nisimgħu u nilqgħu dak li qiegħed jgħidilna. 

Fil-qari tal-lum, jissemmew il-kliem indiema u dnubiet. Li nindmu ma jfissirx biss li jiddispjaċina għal dak li għamilna ħażin. Meta nindmu, irridu ninbidlu. Ma nibqgħux nagħmlu dak il-ħażin li konna qegħdin nagħmlu. Xi drabi nsibu lilna nfusna nqerru dejjem l-istess dnubiet. Dan jiġri minħabba li l-qrar ma jkunx akkumpanjat ma’ ndiema, ma’ risoluzzjoni li ser nippruvaw b’sinċerità nieqfu nagħmlu dak id-dnub. 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 1, 1-8)

Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jien għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Aħseb dwar kif u permezz ta’ xhiex u permezz ta’ min qed tħalli lil Alla jwassal il-messaġġ tiegħu.
  4. Li tindem mhuwiex biss li tistqarr dnubietek, iżda wkoll li timpenja ruħek li tinbidel. F’dawn il-ġranet ta’ qabel il-Milied, mur qerr, u aħseb b’mod konkret x’ser tagħmel biex tbiddel tal-anqas wieħed mid-dgħufijiet tiegħek.
  5. Bħala ġenituri, Alla takom ir-responsabbiltà li tkunu messaġġiera tiegħu għal uliedkom. Kif qed taqdu dan id-dmir?
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (1, 1-8);
    ii. Girlanda tal-Avvent, jinxtegħlu żewġ xemgħat vjola;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja.

Qatt kontu fil-karozza mal-mama u l-papa u ridtu tmorru x’imkien li qatt ma kontu mortu hemmhekk qabel u ntliftu? Imbagħad waqaftu biex tistaqsu għall-għajnuna u jgħidulkom li tridu tmorru lura minn fejn ġejtu u meta taslu f’salib it-toroq, tieħdu triq oħra. Fil-qari tal-lum, ser niltaqgħu ma’ Ġwanni l-Battista. Dan kien il-qarib ta’ Ġesù. Ma tantx kien ikbar minnu fl-età. Ix-xogħol ta’ Ġwanni kien li jkellem lin-nies u jgħidilhom kif setgħu jgħixu ħajja tajba. Ġwanni kien bħal dik il-persuna li meta intom ma stajtux taslu fil-post li ridtu tmorru, wrietkom it-triq it-tajba. Lin-nies, Ġwanni l-Battista kien jurihom li meta jagħmlu affarijiet ħżiena kienu qed jaqbdu triq li ma twassalx għand Ġesù, u kien jurihom kif iridu jinbidlu biex isibu t-triq it-tajba.

  • Ġesù jixtieq li jekk qegħdin nagħmlu xi ħaġa ħażina ma nibqgħux nagħmluha
  • Xi mezz li fuqu tista’ tindaqq Gonna Serve
  • L-istampa ta’ Ġesù 
  • Kuluri

Ġesù jixtieq ħafna li aħna nkunu ferħana. Hu jaf li meta ma nobdux jew meta nagħmlu xi ħaġa li qalulna biex ma nagħmlux, aħna ma nkunux ferħanin. Għalhekk jibgħatilna ħafna nies biex jgħinuna. Għandna l-ġenituri tagħna u lin-nanniet li juruna x’għandna nagħmlu, għandna l-għalliema tal-iskola, għandna l-katekisti, hemm ukoll is-saċerdoti u anke oħrajn. Dawn kollha huma bħal Ġwanni l-Battista, li meta jarawna li mhux qegħdin nagħmlu affarijiet tajbin, jgħidulna x’għandna nagħmlu. Meta aħna nagħmlu xi ħaġa ħażina, bħal per eżempju nirrabjaw u nqattgħu l-istampa li nkunu qegħdin inpenġu għax ma ġietx tajba, inkunu qisna qbadna triq li twassalna fejn hemm id-dwejjaq. Dawn in-nies li semmejna hawn fuq, juruna kif nistgħu nsibu t-triq biex inkunu ferħanin. 

Fl-attività tal-lum, xi ħadd mill-kbar, il-mama jew il-papa, ser jieħdu ħsieb il-mużika u wkoll jagħtuna eżempji ta’ affarijiet li nistgħu nagħmlu. Ħdejn din il-persuna li ser tmexxi l-attività tinżamm l-istampa ta’ Ġesù. Il-bqija, kulħadd ser joqgħod wiċċu n-naħa l-oħra (jiġifieri ma jħarisx lejn min qiegħed imexxi din l-attività). Tibda tindaqq Gonna serve, xi ħin titwaqqaf u jingħad eżempju ta’ mġieba tajba jew ħażina (eżempji ta’ mġieba tajba: nisma’ jew naqra storja mill-Bibbja, nitlob, ngħin fid-dar. Jingħataw eżempji bħal: inpoġġi t-toys lura f’posthom, narma l-mejda qabel l-ikel, nilgħab fair, ngħid il-verità, nieħu ħsieb il-pet tiegħi. Jissemmew ukoll eżempji ta’ mġieba ħażina bħal: nigdeb, nirrabja, inkisser it-toys ta’ ħuti, inweġġa’ lill-pet tiegħi, niġġieled). Jekk l-eżempju li jingħad ikun ta’ mġieba tajba, kulħadd idur, jekk le, kulħadd jibqa’ kif ikun. Nistgħu nagħmluha bħala logħba u jirbaħ dak li ġab l-aktar tajba, jiġifieri li dar meta kellu jdur u baqa’ kif kien, meta ssemma eżempju ta’ mġieba ħażina. L-għan ta’ din l-attività/logħba hi li meta nagħżlu li nagħmlu xi ħaġa tajba, inkunu qed nimxu fit-triq li twassalna għand Ġesù (meta jduru huma jaraw l-istampa ta’ Ġesù) u nkunu ferħanin. Meta nagħżlu li nagħmlu xi ħaġa ħażina, ma nkunux mixjin lejn Ġesù. Wara, t-tfal jistgħu jagħtu l-kulur lill-istampa ta’ Ġesù. 

Irroddu s-salib.

Għażiż Ġesù aħna nixtiequ li dejjem inkunu ferħanin. Għinna biex nisimgħu minn dawk li jħobbuna u nagħmlu dak li jgħidulna huma. Għin ukoll lill-mama u lill-papa, lin-nanniet u għalliema tagħna, biex huma jkomplu jgħidulna dwarek. Grazzi Ġesù.

Fl-Evanġelju tal-lum ser nisimgħu dwar Ġwanni l-Battista. Ġwanni kien il-kuġin ta’ Ġesù. Hu kien jgħallem u jipprepara lin-nies għal meta huma kienu ser jiltaqgħu ma’ Ġesù. Forsi ngħidu li Ġwanni kien xi ftit stramb! Kien jgħix waħdu, jilbes differenti mill-oħrajn u jiekol dak li jsib fid-deżert. Lin-nies kien jgħidilhom li kellhom bżonn jieqfu jagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Alla u kien jagħmlilhom kuraġġ biex jinbidlu u jibdew jobdu lil Alla. Meta dawn in-nies kien jiddispjaċihom mill-ħażin li għamlu, kienu jinżlu ħdejn Ġwanni fl-ilma tax-xmara tal-Ġordan u hemm jitgħammdu biex juru li kienu lesti li jbiddlu l-ħajja tagħhom bl-għajnuna t’Alla.

  • Ġesù jrid li nindunaw meta aħna nagħmlu xi ħaġa ħażina
  • Ġesù jrid li jiddispjaċina li għamilna din il-ħaġa
  • Ġesù jrid li nippruvaw ma nerġgħux nagħmlu dan il-ħażin

  • Basket b’xi ħaġa tqila ġo fih (tqila għat-tfal, imma mhux tqila li meta jerfgħu l-basket, tagħmlilhom il-ħsara)
  • L-istampa tal-qalb
  • Lapes

Fl-Evanġelju smajna lil Ġwanni jgħid li rridu nindmu. Intom tafu tfal, li biex nagħmlu qrara tajba hemm ħames affarijiet li rridu nagħmlu. L-ewwel irrid naħseb dwar dak li jien għamilt ħażin, naħseb dwar id-dnub li jien għamilt. It-tieni ħaġa li rrid nagħmel huwa li nindem minn dnubieti. Li nindem jiġifieri, li jiddispjaċini li għamilt dak id-dnub, imma mhux biss. Irrid nipprova li ma nerġax nirrepeti dan id-dnub. Għalhekk, jekk jiena weġġajt lill-ħabib tiegħi b’xi kliem li għidtlu, irid jiddispjaċini u nipprova li meta darb’oħra, jien inkun ser ngħidlu xi ħaġa li nweġġgħu biha, nibqa’ lura u ma ngħidlux dan il-kliem. 

Intom tafu għeżież tfal, li meta tagħmlu xi ħaġa ħażina, għalkemm għal xi ftit ħin, tistgħu ma tkunux imdejqa, meta mbagħad taħsbu dwar dak li għamiltu, tindunaw li għamiltu ħażin u tiddejqu. Ġesù dan jafu. Hu jaf ukoll, li meta jiddispjaċina u ngħidu sorry, iħossna ħafna aħjar. Hu tana s-sagrament tal-qrar biex nuru li ddispjaċina minn dak li għamilna ħażin u jinħafrulna d-dnubiet tagħna. Wara li nqerru inħossuna ħafna aħjar. Meta aħna jiddispjaċina ta’ xi ħaġa li għamilna ħażina u ngħidu sorry, ma jfissirx li aħna dgħajfa. Xi kultant vera li diffiċli li tgħid sorry, iżda wara li tgħidha, tinduna li inti mhux talli mintix dgħajjef, imma li kont b’saħħtek biżżejjed li kellek il-kuraġġ li tirranġa dak li għamilt ħażin. 

Fl-ewwel attività tal-lum, ser naraw kif inħossuna meta ngħidu sorry. Hemm basket. Li ser tagħmlu huwa, li terfgħuh fuq raskom u toħduh in-naħa l-oħra tal-kamra. Hemmhekk ser ikun hemm il-mama jew il-papa. Kif taslu hemm niżżluh u għidu: “Jiddispjaċini ta’ meta (semmu xi ħaġa ħażina li stajtu għamiltu)”. Il-basket tqil jirrappreżenta d-dnub. Meta jiddispjaċina u mmorru nqerru, inkunu qegħdin ineħħejna minn fuqna dak li qiegħed itaqqalna u ma jħallinix inkunu ferħana.

Għat-tieni parti, hemm stampa ta’ qalb. Din maqsuma f’erba’ partijiet. Kif tafu bħalissa qegħdin fi żmien l-Avvent, żmien li fih qegħdin nippreparaw b’ferħ għall-Milied. L-aqwa mod li bih nippreparaw għall-Milied huwa li nagħmlu affarijiet tajba. Hekk inkunu qed nippreparaw qalbna biex nilqgħu lil Ġesù ġo fiha. Għalhekk, fil-qalb ser niktbu dawk l-affarijiet tajba li aħna nagħmlu fid-dar, fil-knisja, l-iskola u mal-ħbieb. 

Inroddu s-salib

Ngħidu l-att tal-indiema.

Nisimgħu Make that change meta aħna ninbidlu u nsiru aħjar, insiru nixbħu aktar lil Ġesù, mhux biżżejjed li ngħidu li aħna nemmnu f’Ġesù, li għandna l-fidi. Irridu nuru li nemmnu billi nagħmlu dak li jixtieq Ġesù. 

1. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġwanni l-Battista jiġi msejjaħ...

Correct! Wrong!

2. Kif hija deskritta fl-Evanġelju tal-lum, il-magħmudija li biha kien jgħammed Ġwanni?

Correct! Wrong!

3. X'kien jisimha x-xmara li fiha Ġwanni kien jgħammed?

Correct! Wrong!

4. Skont Ġwanni, dak li ġej warajh, jiġifieri l-Messija, se jgħammed...

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.