“Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru”. (Ġw 11:5)
Huma kien jgħixu f’Betanja, raħal żgħir fix-Xlokk tal-Ġnien taż-Żebbuġ, prattikament raħal tal-Belt ta’ Ġerusalem. Kienet tieħu persuna madwar 40 minuta biex timxi minn Betanja sa Ġerusalem.
Il-Vanġeli ma jagħtux dettalji dwar dawn it-tlett aħwa. Ma jissemma xejn dwar jekk kienux miżżewġin jew kellhomx tfal, dwar il-ġenituri jew qraba tagħhom. Hemm diskussjonijiet kbar jekk Marija hiex Marija Maddalena, li inħafrulha dnubietha u li kienet l-ewwel xhieda ta’ Kristu Rxoxt.
Fil-Vanġeli insibu bosta drabi fejn Ġesu’ żar in-nies fi djarhom, biex jiekol magħhom bi skop, bhal ma għamel ma Żakkew u Mattew. Imma meta Ġesu’ kien immur għand Marta, Marija u Lażżru mar biex jistrieħ mill-vjaġġ u iqatta ftit ħin mal-ħbieb fejn kien jesperjenza l-imħabba u l-ospitalita’ ta’ ħbieb tal-qalb.
F’dawn il-ġrajjiet fil-Vanġeli insibu li Marta tissemma l-ewwel, hija deskritta bġala persuna prattika, dik li tieħu ħsieb id-dar, filwaqt li Marija tidher bħala persuna emozzjonali. Lażżru jidher passiv, jista jkun li kien l-iżgħar fost l-aħwa.
Meta l-Papa Franġisku waqqaf it-tifkira ta’ dawn it-tlett aħwa, ħeġġiġna biex niffukaw fuq ‘ix-xiehda evanġelika’ li għaddewlna permezz ta’ l-ospitalita’ li wrew lil Ġesu’, u li “semgħu il-kliem Tiegħu b’attenzjoni u permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ twemmien fil-Qawmien u l-Ħajja”.
Fil-fatt il-valuri li jispikkaw fis-siltiet tal-Vanġelu fejn jidhru Marta, Marija u Lażżru huma l-ospitalita’, ir-relazzjoni intima ma’ Ġesu’ permezz tal-Kelma Tiegħu u twemmien li huwa l-Iben ta’ Alla, rebbieħ fuq il-mewt.
Kienet waqt waħda minn dawn iż-żjariet meta Marta kienet okkupata tipprepara ikla għal Ġesu’ u d-Dixxipli filwaqt li Marija qagħdet bilqiegħda ħdejn Ġesu’ tisimgħu jitkellem li Marta ilmentat li Marija ma kienetx qiegħda tgħinha. Ġesu’ ma ċanfarx lil Marija, għax Marija kienet għamlet l-aħjar għażla.
Il-ħarsa tagħna ddur fuq Lażżru f’mewtu. Huwa kien marid ħafna, u avolja Ġesu’ kien jaf li ħajtu kienet riesqa lejn it-tmiem, baqa ma marx ħdejh. Meta Ġesu’ mar, ġie milqugħ minn Marta b’qalbha maqsuma, li stqarret li ħuha ma kienx immut kieku Ġesu’ kien hemm, għax kien ifejjqu. Id-dikjarazzjoni tal-fidi qawwija ta Marta instemgħet fil-kliem tagħha “Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”. Imbagħad wara, għall-kmand ta’ Ġesu’, kontra kull liġi tan-natura, Lażżru ħareġ mill-qabar!
Hemm diversi tradizzjonijiet x’seta ġara minn dawn it-tlett aħwa wara l-mewt u l-Qawmien ta’ Ġesu’, speċjalment wara li xterrdu d-dixxipli minħabba l-persekuzzjoni tal-Lhud. Ħaġa waħda hija fi żgur li komplew ixandru l-aħbar it-tajba li Ġesu’ Kristu huwa l-Messija li bata, miet, ġie midfun, irxoxta u li qiegħed ikompli jgħin fit-tixrid tas-Saltna ta’ Alla li hu Imħabba.