San Albertu l-Kbir

15 ta' Novembru

San Albertu twieled fil-Ġermanja fl-1206. Kien l-iben il-kbir ta’ familja sinjura ħafna, nobbli u aristokratika. 

Kien qed jistudja fl-Università ta’ Padova meta ħass li kellu jsir saċerdot, u kontra x-xewqat tal-familja tiegħu daħal mad-Dumnikani fl-1223. In-novizzjat tiegħu għamlu f’Cologne, il-Ġermanja. Ħames snin wara, beda jgħallem fil-kulleġġ tad-Dumnikani.   Fl-1245, ħa d-Dottorat fit-teoloġija mill-Università ta’ Pariġi. Kien l-ewwel Dumnikan li kiseb grad hekk għoli. Minnufih beda jgħallem it-teoloġija fl-istess Università. Wieħed mill-istudenti tiegħu kien San Tumas Aquino.

Filwaqt li kompla japprofondixxi l-interess tiegħu fil-filosofija ta’ Aristotile, huwa studja wkoll it-tagħlim ta’ studjużi Musulmani li kellhom influwenza kbira fl-Ewropa fl-oqsma tax-xjenza, il-mediċina u l-akkademja. Flimkien ma’ mexxejja oħra tal-Ordni Dumnikan, huwa waqqaf programmi ta’ studju u università f’Ruma – magħrufa bħala l-‘Angelicum’ – li għadha titmexxa mid-Dumnikani sal-lum.

Fl-1254 intgħażel bħala Provinċjal (amministratur) tal-Ordni Dumnikan u fl-1260 inħatar Isqof ta’ Regensburg; madankollu, huwa rriżenja tliet snin wara għax ħass li dak ir-rwol ma kienx jgħodd għalih.

Huwa rritorna fil-qasam akkademiku, din id-darba bħala medjatur f’tilwim bejn individwi, bejn l-isqof u l-poplu ta’ Cologne u f’okkażjonijiet bħala konsulent għall-Papa.

Hu miet fil-15 ta’ Novembru 1280, meta kellu 75 sena.

Allura għaliex jissejjaħ ‘Il-Kbir’? Matul ħajtu kiteb bosta xogħlijiet li ttrattaw suġġetti varji: il-ġeografija, l-astronomija, il-kimika, il-filosofija, il-liġi u l-ħbiberija. Huwa jibqa’ magħruf sew għat-tagħlim tiegħu u għat-twaqqif ta’ programmi ta’ studju, kulleġġi u studji universitarji. Għadu jissejjaħ ‘il-Kbir’, għaliex fiż-żmien tiegħu kien “l-għalliem ta’ kull ma hemm x’wieħed ikun jaf”.

Meta ngħallmu t-tfal dwar kif jorganizzaw il-ħin tagħhom biex jistudjaw, inkunu qed ngħinuhom jiżvillupaw kapaċitajiet biex f’ħajjithom ikunu jistgħu jorganizzaw u jippjanaw il-ħin u l-prijoritajiet tagħhom.

Ħeġġu lit-tfal biex, meta jiġu d-dar, jagħmlu il-‘homework’ u jippreparaw il-basket tal-iskola għall-jum li jmiss.

Ikkunsidra li tiddedika ftit ħin fi tmiem il-ġimgħa biex tippjana l-ġimgħa ta’ wara, ħalli tibbilanċja l-ħin għax-xogħol tal-iskola, l-istudju u attivitajiet oħra li jieħdu pjaċir jagħmlu. Tista’ tfassal dan il-pjan fuq ‘timetable’ fuq tablet jew mowbajl, sabiex tkun tista’ tgħinhom iżommu kont tal-progress, kif ukoll jagħmlu bidliet u jadattaw il-pjan kif meħtieġ.

Dejjem inkoraġġixxi kull sforz. ​​Il-kritika negattiva tikkawża tbatija emozzjonali, iżda ma twassalx għal titjib.

Bħala isqof, Albert kien rrifjuta li juża żiemel biex idur id-djoċesi tiegħu u insista li jmur kullimkien bil-mixi.

  • Iddiskuti mat-tfal il-benefiċċju tal-mixi, speċjalment għal distanzi qosra, minflok l-użu tal-karozza. ~ Identifika postijiet fejn jistgħu jmorru bil-mixi. ~ Spjega kif l-użu inqas tal-karozza jfisser inqas emissjonijiet, u dan iwassal għal tnaqqis fit-tniġġis tal-arja.

Ħin tat-Talb mal-Familja: Itolbu għall-għalliema tat-tfal li bdew jgħallmuhom matul din is-sena skolastika. Ħalli ftit mumenti ta’ silenzju biex jitolbu lil Alla u l-għajnuna ta’ San Albert dwar xi aspetti tax-xogħol tal-iskola li qed isibu diffiċli.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.