L-aħħar taż-żmien

33 Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Qegħdin noqorbu t-tmiem tas-Sena Liturġika. Il-Knisja għandha kalendarju tagħha, li jibda fl-ewwel Ħadd tal-Avvent u jispiċċa bil-festa ta’ Kristu Re. Propju l-Ħadd li ġej, niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Sultan tagħna u tal-ħolqien kollu. F’dawn l-aħħar ġranet tas-sena, l-Knisja tpoġġi għar-riflessjoni tagħna qari li jfakkarna li aħna m’aħniex destinati għad-dinja, iżda biex wara din il-ħajja, ngawdu l-eternità ma’ Alla. Madanakollu nafu li din mhijiex xi ħaġa awtomatika, iżda tiddependi fuq kif ngħixu ħajjitna. Il-qari jista’ jaħsadna u jimlina b’tensjoni u qtigħ il-qalb, imma jekk nieqfu ftit, naraw li hu qari li jagħtina ħafna tama. Aħna msejħa biex dejjem nafdaw f’Alla. Aħna konna maħluqa għalih u lura għandu għad irridu imorru. Dan il-qari jħeġġiġna nkomplu bit-tajjeb li qegħdin nagħmlu u nħallu lilu jiggwidana u jifforma l-għażliet tagħna. L-Evanġelju, huwa stedina biex inħarsu lejna nfusna u naraw aħniex qed ngħixu bħala wlied Alla u xhieda tal-imħabba u tal-ħniena tiegħu.

Meta San Luqa kiteb dan l-Evanġelju, kienu qed iseħħu numru ta’ diżastri u ġrajjiet koroh. Għalhekk ħafna kienu qed jaħsbu li kienet waslet l-aħħar tad-dinja. Minn żmien għall-ieħor dejjem ikun hemm xi ħadd jew xi grupp ta’ nies li jbassru li t-tmiem wasal. Iżda bħalma nafu, dak li jkunu bassru, s’issa għadu ma seħħx. Dak li qiegħed jgħidilna Ġesù llum; ħadd ma jaf jew se jkun jaf meta se tispiċċa d-dinja. Fil-verità, għal kull wieħed u waħda minna, l-aħħar tad-dinja huwa l-jum tal-mewt tagħna, li lanqas dan ma nafu meta għad iseħħ. Għalhekk Ġesù, iwissina biex inħejju ruħna.

Jista’ jkun li meta nisimgħu jew naqraw din is-silta dwar “l-art titheżżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb” naħsbu li dan mhux relevanti għalina. Ma rridux nieħdu s-silta letteralment! Min minna qatt ma għadda jew mhux preżentement għaddej minn żmien ta’ diffikultajiet kbar u konflitti? It-tbatija ġġibna għarkubbtejna u bla saħħa. Ġesù qiegħed jistaqsina: “Fejn idduru, lil min tfittxu f’dawn is-sitwazzjonijiet?” Ġesù jridna niftakru li jekk nafdaw fih, m’għandniex għalfejn nitfixklu, “toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.”

Il-ħajja fi Kristu mhijiex nieqsa minn diffikultajiet jew konflitt. Il-fidi u t-tama f’Alla tgħinna biex niffaċċjaw dawn is-sitwazzjonijiet. Bħala ġenituri, għandkom ukoll id-dmir li tgħinu lit-tfal ipoġġu t-tama tagħhom f’Alla. It-tfal ukoll jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli ma’ sħabhom, fl-istudju, fil-familja, jistgħu wkoll jitħassbu meta jisimgħu dwar mard u ġrajjiet koroh fuq l-aħbarijiet. Bħala adulti, intom tridu tgħinuhom billi trawmu fihom it-twemmin li Alla qiegħed dejjem magħhom, u li qatt ma huma se jkunu waħedhom.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 21, 5-19) 

F’dak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”. U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?” Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: “Jien hu”, u: “Iż-żmien wasal”. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.

Imbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb. Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.

U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. F’din is-silta naqraw kif it-tempju kien “imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet.” Għal-Lhud, it-tempju kien importanti ħafna. Il-ħajja tagħhom kienet iddur madwar it-tempju. Għalhekk, Ġesù ħasadhom meta qalilhom li dan il-bini maestuż kellu jiġġaraf. X’inhu dak li hu importanti għalik u li l-ħajja tiegħek iddur madwaru? Lil Ġesù x’post tagħtih?
  4. X’xhieda qed tagħti lil uliedek meta tgħaddi minn diffikultajiet? Fuq min iddur? It-tfal jistgħu jaraw li inti temmen u tiddependi fuq Alla?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (21, 5-19)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Intom qatt kontu mdejjqin? Qatt kontu qegħdin tibżgħu? Illum Ġesù jgħidilna li kulħadd jgħaddi minn żmien ta’ dwejjaq, żmien li jħossu waħdu, żmien fejn qisu kollox ikun ġej ħażin. Ġesù jridna nemmnu, għax hija verità, li Alla dejjem qiegħed magħna. Ejjew nisimgħu l-Evanġelju tal-lum.

  • Alla dejjem jieħu ħsiebna u qiegħed magħna kemm fi żmien meta nkunu ferħana, kif ukoll meta nkunu qegħdin inħossuna mdejjqin jew imbeżżgħin
  • Printout tal-arloġġ fuq kartonċina
  • Kuluri
  • Imqass
  • Butterfly clip
  • Blocks 

Illum Ġesù tkellem ftit tqil biex nifhmuh! X’aktarx anke dawk li semgħuh jitkellem, ma fehmux eżatt dak li kien qiegħed jgħidilhom. Ġesù tkellem dwar affarijiet koroh li kellhom jiġru u min semgħu beża’. Il-ħbieb ta’ Ġesù kellhom tempju (bħall-knisja tagħna) li kien sabiħ u b’saħħtu.

Ejjew nibnu tempju bil-blocks, fuq il-mejda. Agħmluh b’saħħtu kemm tistgħu u għolluh kemm tistgħu biex tużaw il-blocks kollha li għandhom. Taħsbu li jekk tonfħulu twaqqgħuh? Ma naħsibx li jaqa’, għax intom bnejtuh tajjeb. Imma jekk inċaqalqu l-mejda, x’ser jiġri? Għalkemm intom għamiltuh b’saħħtu, iċ-ċaqliq tal-mejda waqqgħu. Hekk qal Ġesù, li kien għad jaqa’ t-tempju li l-Lhud kienu tant jammiraw. Meta semgħu dan il-kliem, il-ħbieb ta’ Ġesù beżgħu. 

Lilna wkoll ikun hemm affarijiet li jbeżżgħuna jew idejquna. Meta nibżgħu jew ikollna qalbna sewda, ma nkunux ferħana u Ġesù dan ma jridux. Ġesù jrid li nkunu ferħana. Meta nibżgħu jew inkunu mdejjqin, ġieli nħossuna waħedna. Għalhekk Ġesù jridna nemmnu li Alla dejjem qiegħed magħna. Huwa veru li lil Alla, aħna ma nistgħux narawh, iżda Ġesù qalilna li Alla qiegħed dejjem ħdejna, qiegħed jarana l-ħin kollu u qiegħed jieħu ħsiebna u jismagħna meta nitkellmu miegħu. Għaliex Alla jħobbna, iżda jaf li lilu ma nistgħux narawh u nisimgħuh, hu jibgħatilna nies bħall-mama, il-papa, in-nanniet, iz-zijiet u l-ħbieb, biex huma jħobbuna u jieħdu ħsiebna. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħid li meta nibżgħu jew inkunu mdejqa, hu jgħinna, bħal per eżempju l-mama jew xi ħadd ieħor jiġi ħdejna u jgħidilna kliem biex aħna ma nibqgħux imdejqa. Ġesù jgħidilna wkoll li ma għandniex għalfejn noqgħodu naħsbu dwar dak li se jiġri għada jew il-ġimgħa d-dieħla, iżda nagħtu kas ta’ dak li se nagħmlu llum.

Sabiex niftakru li Alla qiegħed dejjem magħna, għall-attività tal-lum, għandkom arloġġ. Dan l-arloġġ mhux ser nużawh biex inkunu nafu x’ħin sar, iżda biex ifakkarna li Alla qiegħed dejjem magħna. Alla qiegħed magħna meta nkunu reqdin, meta nkunu qed nieklu, meta nkunu mal-ħbieb, meta nkunu ferħana, imdejqa jew qed nibżgħu. Alla magħna f’kull ħin u kullimkien. Bl-għajnuna ta’ xi ħadd kbir aqtgħu l-arloġġ u l-idejn tal-arloġġ u agħtuhom il-kulur. Bl-imqass, il-mama jew il-papa ser jagħmlu toqba żgħira fin-nofs u wkoll fl-idejn tal-arloġġ.  Daħħlu l-butterfly clip fl-idejn tal-arloġġ u minn ġewwa t-toqba tal-arloġġ. Hekk l-idejn issa jistgħu jduru, biex ifakkruna li jkun x’ħin ikun, Alla qiegħed ħdejna. Fejn se tpoġġuh dan l-arloġġ? Fil-kamra tagħkom? Fil-kċina? Poġġuh fejn tarawh ta’ spiss, għax hija ħaġa sabiħa ħafna li niftakru li m’aħniex waħedna. 

Meta tlestu, isimgħu God is with me.

Radd tas-salib

Mulej Alla, kemm aħna xortina tajba li inti qatt ma tħallina waħedna. Kemm tħobbna! Inti dejjem tieħu ħsiebna. Għinna niftakru biex nitkellmu miegħek meta aħna nkunu mdejqa jew qegħdin waħedna u nkunu qed nibżgħu. Aħna nixtiequ nitolbu wkoll, għal dawk it-tfal morda jew li jgħixu fejn hemm il-gwerer, biex huma wkoll ikunu jafu li inti tħobbhom u qiegħed ħdejhom. Ammen.

F’dan l-Evanġelju, Ġesù jiddeskrivi xeni koroh u tal-biża’, iżda jfakkarna li Alla dejjem jibqa’ jieħu ħsiebna.

  • Jiġri x’jiġri u nagħmlu x’nagħmlu, Alla dejjem magħna
  • Kaxxa żgħira tal-kartun, b’għatu
  • Karta kkulurita (wrapping paper)
  • Dekorazzjonijiet għall-kaxxa
  • Gloj
  • Imqass / xafra 
  • Karti vojta (qies ta’ A6 tajbin)
  • Lapsijiet

Tiftakru x’affarijiet koroh, Ġesù qal li għad jiġru? (jiġġarraf it-tempju, gwerer, taqlib fil-pajjiżi, terremoti, ġuħ, mard, persekuzzjoni, ħbieb iduru kontra xulxin)

Forsi bħalissa, aħna m’aħniex għaddejjin minn xejn minn dawn l-affarijiet li semmejtu, iżda jista’ jkun fil-ħajja tagħkom qed jiġru jew ġraw xi affarijiet li għalikom kienu sitwazzjonijiet koroh. Tistgħu ssemmu xi ħaġa kerha li ġratilkom jew tafu li ġrat lil xi ħadd? (mard fil-familja, ġlied bejn il-ħbieb, ġenituri li tilfu x-xogħol, aħwa jew ħbieb li għandhom xi vizzju bħal droga, mewt ta’ xi ħadd għażiż, li tħossok li mintix maħbub, tħossok waħdek)

Għalkemm dan l-Evanġelju qisu huwa wieħed ta’ dwejjaq, meta San Luqa kiteb din is-silta, ried iwassal messaġġ ta’ tama! Hu ried ifakkar lil dawk kollha li huma ħbieb ta’ Ġesù, li għalkemm fil-ħajja tagħna ser niltaqgħu ma’ numru ta’ sitwazzjonijiet koroh, ħaġa waħda biss nistgħu nkunu żguri minnha u din hi li Alla huwa dejjem magħna. 

Mhux faċli li temmen li Alla huwa miegħek meta tkun għaddej minn diffikultajiet jew tħoss li inti waħdek. Jekk Alla ma huwiex parti mill-ħajja tagħna, la se nemmnu li hu magħna fiż-żmien ta’ ferħ u paċi, wisq anqas se nħossu l-preżenza tiegħu meta l-affarijiet imorru ħażin. Għalhekk, biex inkabbru din il-fiduċja tagħna f’Alla, irridu nsiru nafuh aktar. 

Intom, jekk ikollkom kelb li tħobbuh ħafn, u tridu ssiefru, għand min ser tħalluh? 

Lill-kelb tħalluh ma’ xi ħadd li tafdawh u tafu li ser jieħu ħsiebu! Jekk tħalluh ma’ xi ħadd li ma tantx tafuh, se tkunu aktar moħħkom fih, għax lil din il-persuna ma tkunux tafdawha mija fil-mija. L-istess jiġrielna meta rridu nafdaw f’Alla. Jekk lil Alla ma nafuhx, kif nistgħu nafdaw li hu qiegħed dejjem hemm għalina? Kif nistgħu nsiru nafuh aktar lil Alla? (talb, qari mill-Bibbja, laqgħat ta’ formazzjoni eċċ)

Il-wegħda ta’ Ġesù, kienet li Alla hu dejjem magħna. Ma kinitx, li jekk nafdaw f’Alla, kollox ser imur tajjeb. Kollha kemm aħna ser ngħaddu minn mumenti diffiċli u koroh, kemm jekk nafdaw f’Alla, kif ukoll jekk le. Id-differenza hi, li jekk nafdaw f’Alla, għandna fuq min induru għall-għajnuna u nafu li din l-għajnuna ser tiġi żgur. Ix-xahar ta’ Novembru jibda bil-festa tal-Qaddisin kollha. Il-Knisja tagħtina l-ħajjiet ta’ dawn in-nies biex jgħinuna u jgħallmuna bl-eżempju ta’ ħajjithom. Carlo Acutis https://bekids.mt/beatu-carlo-acutis/?lang=mt per eżempju, kien żgħażugħ li bħalkom kien iħobb jiltaqa’ ma’ sħabu, kien iħobb l-avventura, kien iħobb juża l-computer. Madanakollu hu marad, u l-marda li kellu ma fieqx minnha. Din żgur kienet sitwazzjoni kerha, bħalma ddeskriva Ġesù. Il-ħajja sabiħa u mimlja ħolm ta’ Carlo, spiċċat bħat-tempju mżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet prezzjużi. Iffaċċjat b’din is-sitwazzjoni, Carlo għażel li jafda f’Alla. Hu baqa’ ‘sħiħ sal-aħħar u salva’. 

Meta nkunu qegħdin nibżgħu jew meta nkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli, ma tantx inħossu ferħ f’qalbna u ma nistgħux ingawdu l-ħajja tagħna. Ġesù jrid li jgħinna u jrid li dawn id-diffikultajiet ngħiduhomlu. Hu wegħdna li ser jgħinna u l-ħajjiet tal-qaddisin juruna li dan huwa vera. Ġesù jżomm il-wegħdiet tiegħu. Għalhekk fl-attività ta’ din il-ġimgħa ser niftħu qalbna ma’ Ġesù. Għandkom kaxxa bl-għatu. Fl-għatu aqtgħu rettangolu kemm tidħol karta mitwijja. Iksu l-kaxxa u ddekkorawha kif tixtiequ intom. Waqt li qegħdin tagħmlu l-kaxxa, isimgħu, God is always with us.

Meta l-kaxxa tkun lesta, għandkom il-karti żgħar. Fuqhom ser tiktbu (kulħadd ser jagħmel din il-parti, anke l-ġenituri) il-beżgħat tagħkom, id-dwejjaq tagħkom, dak li jagħmilkom anzjużi, sitwazzjonijiet koroh u diffiċli li għaddejjin minnhom. Meta tlestu, itwu l-karti u poġġuhom fil-kaxxa. Din il-kaxxa poġġuha fuq il-mejda tat-talb tagħkom. Matul din il-ġimgħa, ta’ kuljum, fit-talb tagħkom, offru dawn is-sitwazzjonijiet lil Alla. M’hemmx għalfejn tiftħu l-kaxxa u taqraw x’hemm miktub fuq il-karti. Alla jaf x’hemm f’qalbna u dak li ktibna u qed nitolbuh.

Inroddu s-salib

Mulej Alla, inti taf is-sitwazzjonijiet koroh u diffiċli li ngħaddu minnhom, taf il-ħsibijiet li jgħaddu minn moħħna u li drabi jbeżżgħuna. Mhux dejjem niftakru li inti qiegħed magħna, grazzi ta’ qari bħal tal-lum li jfakkarna fil-preżenza tiegħek fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.