
It-tradizzjoni għandha rwol ewlieni fil-wirt li ħallew il-qaddisin tal-Knisja tal-bidu, tant li dak li nafu spiss ikun ibbażat fuq “tradizzjoni orali aktar milli fuq rakkonti miktuba.”
Huwa maħsub li San Lawrenz twieled fil-31 ta’ Diċembru fis-sena 225, f’Huesca t’Aragona (Spanja), li kienet tagħmel parti mill-Provinċja Rumana. Il-ġenituri tiegħu, Orenzio u Paċenzja, kienu wkoll minn dan l-istess reġjun, għalhekk m’hemm l-ebda dubju li San Lawrenz kien persuna vera fl-istorja.
Lawrenz trabba f’familja Nisranija u rċieva edukazzjoni tajba fil-Fidi Nisranija f’Saragossa. Sa minn meta kien żagħżugħ, Lawrenz ħass li kien imsejjaħ għas-saċerdozju. Darba, hu ltaqa’ ma’ Sistu, filosofu Grieg u Arċidjaknu f’Ruma li kien qed iżur Spanja dwar kwistonijiet tal-Knisja. Sistu ra l-potenzjal f’Lawrenz u għalhekk stiednu biex imur miegħu Ruma. Lawrenz ħalla pajjiżu u vvjaġġa minn Spanja sa Ruma, fejn sar il-protett ta’ Sistu. Meta Sistu sar Papa, ordna lil Lawrenz djaknu u aktar tard ‘Arċidjaknu ta’ Ruma’. Dan kien ifisser li Lawrenz kien l-ewwel mis-seba’ djakni li kienu jservu fil-Katidral, kien jokkupa kariga li kienet tinvolvi fiduċja kbira, u kien responsabbli għall-fondi tal-Knisja u għat-tqassim ta’ karità lill-foqra u lil dawk fil-bżonn.
Fis-sena 257, l-Imperatur Valerjanu ordna l-persekuzzjoni tal-Insara kollha u l-konfiska tal-ġid kollu tal-Knisja. L-Insara kienu pprojbiti milli jipprattikaw il-fidi tagħhom. Dawk li ma kienux jobdu l-Imperatur kienu jiġu kkastigati b’aħrax jew isofru l-martirju. Il-Papa Sistu ħa ħsieb li r-relikwiji u l-oġġetti sagri jiġu ttrasferiti f’post sigur, filwaqt li kompla jiċċelebra ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-katakombi. Kien waqt waħda minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li ġie arrestat u aktar tard qatgħulu rasu fit-tempju Ruman ta’ Mars.
Jingħad li waqt li l-Papa Sistu kien qed jittieħed taħt skorta, Lawrenz laħqu, imnikket għal ħabibu u missieru spiritwali. Il-Papa qallu li kienu se jerġgħu jiltaqgħu fi żmien tlitt ijiem u qabbdu jqassam il-ġid kollu li seta’ lil dawk fil-bżonn. Ftit wara, Lawrenz stess ġie arrestat; minbarra l-akkuża li kien Nisrani, ġie akkużat ukoll li ma rritornax il-ġid tal-Knisja lill-Imperatur. Anke matul iż-żmien qasir li qatta’ l-ħabs, Lawrenz kompla jxerred il-fidi, u saħansitra għammed lil xi ħabsin.
Kornelju, il-Prefett ta’ Ruma, kien tal-fehma li anke mill-ħabs Lawrenz kien ta’ theddida għat-twemmin Ruman; għalhekk, offrielu l-ħelsien jekk iwassal lill-Istat “it-teżori tal-Knisja.” Lawrenz talab perjodu ta’ tlett ijiem biex ikun jista’ jagħmel dan. Huwa reġa’ mar għand il-Prefett fil-ħin miftiehem u ppreżentalu folla ta’ anzjani, morda, għomja u nies b’diżabilità fiżika, waqt li stqarr: “Dawn huma t-teżori tal-Knisja.”
Imbagħad Lawrenz ġie ttorturat talli rrifjuta li jqim lill-allat pagani. Kien kkundannat għal mewta l-aktar ħarxa billi kien mixwi fuq gradilja.
