San Karlu Borromeo

4 ta' Novembru

San Karlu Borromeo kellu rabta mal-Konċilju ta’ Trentu,  li sar fi tlett taqsimiet bejn l-1545 u l-1563.  Dan il-Konċilju kien laqgħa ta’ isqfijiet u saċerdoti msejħa mill-Papiet ta’ dak iż-żmien biex jiġu ċċarati t-twemmin tal-fidi Kattolika li kien qed jiġi sfidat mir-Riforma Protestanta – moviment li kkontesta l-awtorità u ċertu aspetti tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika.

Karlu twieled fis-sena 1538 u kellu biss seba’ snin meta beda dan il-Konċilju.  Huwa twieled fil-kastell ta’ Arona, f’Milan. Il-familja tiegħu kellha importanza kbira fl-Italja ta’ fuq. Missieru kien il-Konti ta’ Arona, filwaqt li ommu kienet mill-familja Medici, familja taljana b’saħħitha ħafna f’dawk iż-żminijiet.

Billi kien it-tieni wild ġo familja ta’ sitt aħwa, ma kienx maħsub li jiret il-ġid tal-familja. Skont id-drawwa ta’ dak iż-żmien, huwa kien iggwidat biex jagħżel karriera prominenti fil-Knisja.

Wara li romol, missieru bagħtu Milan biex jistudja, hemmhekk kien jitqies bħala xi ħadd li jitgħallem bil-mod minħabba diffikultà li kellu biex jitkellem. Manadkollu, huwa baqa’ jippersisti, tant li fl-età ta’ 16-il sena kompla bl-istudji tiegħu għal dottorat fil-Liġi Kanonika u Ċivili fl-Università ta’ Pavia.  Meta kellu 19-il sena, miet missier Karlu.  Ħuh ħa f’idejh ir-responsabilità ta’ Konti, filwaqt li Karlu kellu jieħu ħsieb l-organizzazzjoni tal-patrimonju u l-ġid tal-familja qabel ma seta’ jkompli bl-istudji tiegħu.

Fl-1559, iz-ziju ta’ Karlu, il-Kardinal Angelo de Medici, li ġie elett Papa bl-isem ta’ Papa Piju IV, sejjaħ lil Karlu biex imur Ruma u jokkupa rwoli prominenti f’Ruma stess u fl-Arċidjocesi ta’ Milan.  Huwa kellu rwol ewlieni fil-miżuri interni għar-riforma tal-Knisja, filwaqt li ħeġġeġ lil zijuh, il-Papa, biex iwassal il-Konċilju ta’ Trentu għall-konklużjoni tiegħu fl-1563.

Qrib it-tmiem tal-aħħar laqgħa tal-Konċilju, miet ħu Karlu u peress li ma kellux tfal, il-familja Borromeo għamlet pressjoni fuq Karlu – li dak iż-żmien kien għadu ma ġiex ordnat saċerdot – biex jabbanduna l-karriera tiegħu fil-Knisja, jiżżewweġ u jħalli werriet li jkompli l-isem tal-familja Borromeo.

Għalkemm kien qed iġawdi l-ġid u l-poter fil-pożiżżjonijiet għoljin tiegħu fil-Knisja, f’dan il-punt ta’ ħajtu huwa rrikonoxxa li l-vokazzjoni vera tiegħu kienet is-saċerdożju.  Permezz ta’ l-istudji tiegħu, kien jaf li seta’ jiġi ordnat saċerdot, għalhekk organizza l-ordinazzjoni tiegħu mingħajr ma għamilha pubblika.  Minn dakinhar ‘il quddiem, huwa esperjenza trasformazzjoni fil-ħajja personali tiegħu, hekk kif l-istil ta’ ħajja tiegħu nbidel minn wieħed ta’ ġid u poter għal wieħed ta’ sempliċità. Huwa ta l-biċċa l-kbira tal-ġid tiegħu lill-foqra, u qatta’ ħin fit-talb u l-penitenza.

Meta kellu 25 sena, Karlu inħatar Arċisqof ta Milan, fejn sab ma’ wiċċu xogħol iebes minħabba s-sitwazzjoni morali u religjuża li kellu jiffaċċja.  Huwa ddedika ħinu u l-enerġija tiegħu biex idur id-djoċesi tiegħu u jimplimenta d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trentu.  Matul l-epidemija f’Milan, filwaqt li dawk fil-poter ħarbu mill-belt, hu baqa’ hemm biex jieħu ħsieb il-morda u dawk li kienu qed imutu, u sab il-mezzi – bi spejjeż tiegħu stess – biex jitma’ mijiet ta’ nies kuljum.

Karlu Borromeo rnexxielu jqanqal “qawmien Kattoliku ġdid”. Huwa waqqaf seminarji biex itejjeb it-tagħlim tas-seminaristi għas-saċerdozju, irreveda l-liturġija speċjalment kif jiġu amministrati s-Sagramenti, ipprovda riforma fil-Katekeżi, waqqaf il-Konfraternità tad-Duttrina Nisranija biex tgħallem ir-reliġjon lit-tfal, inizjattiva li ġabret fiha mijiet ta’ katekisti. Barra minn hekk ħeġġeġ lill-Papa biex jifred il-ħatriet politiċi minn dawk tal-Knisja.  

Karlo Boromeo kien maħbub ħafna mill-poplu ta’ Milan, iżda kien ukoll mhedded; saħansitra sar attentat fuq ħajtu minn avversarji li kienu ddejqu bl-isforzi tiegħu biex “jirranġa l-affarijiet”.

Eżawrit mill-ivvjaġġar u l-isforzi kontinwi tiegħu, Karlu marad b’deni qawwi li wasslu għall-mewt waqt li kien qed jivvjaġġa. Kellu 46 sena.

San Karlu Borromeo kellu diffikultà biex jitkellem.  Madankollu, irnexxielu jegħleb din il-problema u kompla jagħti kontribut mill-aqwa lill-Knisja ta’ żmienu. Bħala ġenituri, ilkoll nixtiequ l-aħjar għal uliedna, speċjalment matul l-iżvilupp edukattiv tagħhom li jwassal għal karrieri ta’ suċċess. Madankollu, għandna t-tendenza li ninsew li kull tifel u tifla mhux biss jitgħallmu b’ritmu differenti li jvarjaw minn wieħed għall-ieħor, iżda wkoll li kull tifel u tifla jitgħallmu b’mod differenti.

Irridu nidentifikaw il-kawża vera u profonda meta t-tfal iġibu ruħhom ħażin, jibdew juru ribelljoni, jidhru għażżenin, ma jkunux reattivi fil-klassi, jirrifjutaw li jmorru l-iskola jew ifittxu skużi biex jgħidu li huma morda. Jista’ jkun ħafna li qed ibatu minn diffikultajiet fit-tagħlim.

Fittex għajnuna professjonali għall-valutazzjoni ta’ diffikultajiet fit-tagħlim li jistgħu jirriżultaw minn xi forma ta’ problema fid-diskors, fil-vista jew fis-smigħ.

F’dawn is-sitwazzjonijiet, tkellem mat-tfal ~ irrikonoxxi s-sentimenti tagħhom ~ stabbilixxi miri għal żmien qasir ~ faħħar l-isforzi tagħhom ~ agħraf is-suċċessi tagħhom. Ara jekk l-iskola hiex qed tadotta sistema ta’ tagħlim differenti fil-klassi.

Xi drabi, dawn id-differenzi jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ bullying fil-klassi jew bnadi oħra. Iddiskuti mat-tifel jew mat-tifla liema strateġiji jistgħu jadottaw jekk ikunu qed jesperjenzaw imġiba ta’ bullying, jew jekk ikunu jafu b’tfal oħra li qed jiġu bullied, imwaqqgħin għaċ-ċajt jew imżebilħin.

Ħin ta’ Talb mal-Familja:

Nitolbu:

  • Għall-katekisti tal-parroċċa. Irroddu ħajr lil Alla li pprovda dawn in-nies ġenerużi li joffru lilhom infushom volontarjament biex iwasslu l-fidi Kattolika. Ħalli lit-tfal isemmu lil dawk li jafu u jifformulaw talba sempliċi tagħhom stess.
  • Għall-katekisti f’pajjiżi fejn mhux faċli tgħallem il-katekiżmu Kattoliku, biex jibqgħu juru kuraġġ minkejja d-diffikultajiet numerużi.
  • Għaż-żgħażagħ li qed jistudjaw fis-Seminarju u jħejju ruħhom biex jiġu ordnati saċerdoti. (semmi s-Seminarju lokali jekk ikun hemm wieħed fil-viċin!).

Kantaw flimkien: I am special, loved, accepted!

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.