
Il-Qaddisin Eliżabetta u Żakkarija kienu koppja anzjana li kienu jgħożżu l-liġi. Kienu nies twajba, jħobbu lil Alla u jgħixu ħajja ezemplari. Fil-fatt Żakkarija kien qassis fit-tempju tal-Lhud. Għall-koppji Lhud, kien importanti li jkollhom wild, hekk kif il-Lhud kienu jitolbu lil Alla waqt li kienu jistennew it-twelid tal-Messija.
Eliżabetta u Żakkarija kienu ttamaw li jsiru ġenituri, imma ż-żmien kien għaddej ġmielu u Eliżabetta kienet qed tikber għalhekk iċ-ċans li jkollha t-tfal beda jsir aktar impossibbli. Huma baqgħu fidili lejn il-fidi tagħhom avolja setgħu jħossuhom disappuntati. Setgħu ukoll ħassewhom umiljati għax fil-kultura Lhudija li wieħed ma jkollux tfal kien ifisser li ma jkunx imbierek minn Alla.
Imma Alla kellu pjan għal din il-koppja!
Eventwalment, huma kellhom wild. L-Anġlu Gabrijel ħabbar lil Żakkarija, meta kien imiss lilu joffri sagrifiċċju fit-tempju, li Eliżabetta kienet se twelled tifel. Dak it-tifel kellu jkun Ġwanni l-Battista, li kien inħatar biex iħejji lill-poplu għall-miġja tal-Messija.
Żakkarija kellu jifraħ b’din l-aħbar kieku emmen f’dak li qallu l-anġlu. Minflok hu ddubita. Hu tbikkem. Din kienet prova għalih, biex jirrifletti u jisma’ l-messaġġ ta’ Alla għalih. U meta reġa’ beda jitkellem, kien biex iwettaq ir-rieda ta’ Alla għalih, għal martu u għal binhom.
Minbarra li tara l-vidjow, tista’ ssib dan ir-rakkont mill-Evanġelju ta’ Luqa (Kap 1, versi 57-66).
Santa Eliżabetta u San Żakkarija huma l-ġenituri ta’ San Ġwann il-Battista. Huma talbu ħafna lil Alla biex ikollhom trabija, u Alla tahom dan ir-rigal sabiħ minkejja li kienu kbar ħafna fl-età. Fil-fatt, Żakkarija ma riedx jemmen li se jkollhom tarbija, u minħabba f’hekk, ma setax jitkellem saċ-ċirkonċiżjoni ta’ Ġwanni.
