San Ambroġ ta’ Milan

7 ta’ Diċembru

Mill-bidu tas-Seklu 4 qam l-inkwiet fil-Knisja, rigward prinċipju tal-Fidi.  Dan ġie ikkawżat b’dak li sar magħruf bħala l-Arjaniżmu, ereżija li kienet temmen li Ġesu’ Kristu ġie maħluq, u li ma kienx jeżisti mill-bidu u b’hekk ma kienx ugwali ma’ Alla l-Missier bħala t-tieni Persuna ta’ Trinita Mqaddsa.  Kien fil-Konċilju ta Niċea (325WK) li l-Knisja iddikjarat li l-Arjaniżmu kien falz.  Din id-dikjarazzjoni ġiet espressa fil-Kredu ta’ Niċea, ġabra tat-twemmin fundamentali li żżomm il-Knisja. Madankollu il-problemi fil-Knisja ma fiequx mill-ewwel minħabba li xi Isqfijiet komplew jappoġjaw it-twemmin Arjan.

Sant Ambroġ kien jgħix f’dak iż-żmien imqalleb fil-Knisja Kattolika. Huwa twieled madwar is-sena 340 WK ġo Trier, Gallja (illum il-Ġermanja), fejn missieru kien Gvernatur.  Huwa trabba ġo familja sinjura u Nisranija, flimkien ma żewġ t’aħwa oħra, Satyrus u Marcellina.  Jingħad li meta kien tarbija wiċċu ġie miksi b’ħafna naħal li ħallew traċċi ta’ għasel fuq wiċċu.  Missieru ra din l-esperjenza bħala sinjal li Ambroġ kellu jsir kelliem elekwenti.

Wara l-mewt ta’ missieru, il-familja irritornat Ruma, fejn Ambroġ beda jistudja l-liġi, litteratura u retorika.  Meta sar avukat magħruf, ġe mogħti post fuq il-Kunsill.  Meta kellu 32 sena laħaq gvernatur ta’ Liguria u Emilia, l-uffiċċju tiegħu kien ġewwa Milan li dak iż-żmien kienet meqjusa bħala t-tieni kapitali tal-Italja.

Bħala Gvernatur, attenda għal laqgħa li saret biex jiġi elett l-Isqof ta’ Milan, wara l-mewt ta’ l-Isqof tal-Belt.  L-għan tal-preżenza ta’ Ambroġ kienet li jwaqqaf il-konfliti li jistgħu iqumu bejn l-Isqfijiet li kienu jappoġjaw l-Arjaniżmu u dawk li kienu jżommu mal-Kredu ta’ Niċea.  Il-kliem tiegħu tant kien qawwi li ż-żewġ gruppi ta’ Isqfijiet bdew isejjħu lilu biex ikun l-Isqof il-ġdid, probabilment iż-żewġ naħat xtaqu li issibu fih alleat.  Ambroġ irrifjuta li jkun isqof.  Ħarab u mar jistaħba f’dar ta’ ħabib tiegħu.  Huwa ħass li ma kienx tajjeb għal dan ir-rwol minħabba l-fatt li kien għadu ma tgħammidx! Għalkemm kien ‘jistqarr l-Fidi Nisranija’ kien għadu katekumenu, kien qiegħed jipprepara biex jitgħammed u barra minnhekk, ma kienx studja teoloġija.

L-Emperatur nnifsu ikkonvinċa l-Ambroġ biex jaċċetta li jsir Isqof.  Ambroġ tgħammed, ġie ordnat Saċerdot u ikkonsagrat Isqof ta’ Milan fis-sena 374 WK.


Ambroġ qassam l-artijiet u l-flus tiegħu kollha lill-fqar.  Beda jistudja it-Teoloġija, l-Iskrittura u l-Missirijet tal-Knisja. Persuni minn kull sfera tal-ħajja kienu jammirawh mhux biss minħabba l-karita li kien jagħmel imma wkoll minħabba il-mod espressiv li bih kien jitkellem.  Huwa kien deskritt ukoll bħala ‘setgħan politikament daqs l-Emperatur’.

Il-predikazzjoni tiegħu wassal lil Wistin ta’ Ippona għal konverżjoni spiritwali.  Kien l-Isqof Ambroġ li għammed lil Wistin u mexxieh fit-triq tal-qdusija, fejn sar magħruf bħala Santu Wistin ta’ Ippona, fl-Afrika.  Ambroġ poġġa l-enerġija tiegħu kollha biex iġib fit-tmiem l-Arjaniżmu ġewwa Milan.  Filwaqt li huwa żamm iebes kontra l-kontroversji u ddefenda l-Fidi, sab oppożizzjoni mill-mexxejja u l-Emperatur.  Huwa kompla joffri l-għajnuna tiegħu lil kull min kien fil-bżonn fi żmienijiet ta’ taqlib politiku, anki meta ħajtu stess kienet fil-periklu.

Lejn tmiem ħajtu, Ambroġ irtira ġo Bologna fejn miet fl-4 ta’ April tas-sena 397 WD.  Kien nhar il-Ġimgha l-Kbira.

Sant Ambroġ ġie iddikjarat fost l-ewwel Dutturi tal-Knisja.

Aħna ngħixu ħajja mgħaġġla li tisfida l-valuri ċentrali tagħna, b’tali mod li nispiċċaw nimxu mal-kurrent, avolja nħossuna li immissna nirreżistu.  Matul ħajjitna mhux bilfors ser niffaċċjaw esperjenzi iebsin, imma qatt mhu tard biex ngħallmu t-tfal tagħna biex iżommu iebes fil-kultura li qegħdin ngħixu fiha.  Għaliex anki t-tfal jiffaċċjaw sfidi dwar l-għażliet li jagħmlu; jekk humiex ser iżommu iebes jew jimxu mal-kurrent biex ikun maħbubin u aċċettati.

Irreferri għall-istorja ta’ Sant’ Ambroġ u kif żamm sod kontra kull diffikulta qawwija.  Tistgħu taraw esperjenza oħra ta’ persuni li żammew sod, mit-Testment l-Antik u tkellem mat-tfal dwarhom hawnhekk.

Ħeġġigħom jitkellmu dwar sitwazzjonijiet li jistgħu ikollhom fejn irridu jżommu sod bħal: suġġeriment minn ħaddieħor biex tigdeb, biex tieħu xi ħaġa li mhix tiegħek, biex tikkopja l-‘homework’ jew xogħol fil-klassi, biex tidhqu b’xi student ieħor, biex tqarraq jew biex tiskarta l-iskola.

Isimgħu t-tfal b’empatija, għaliex jistgħu ikunu qegħdin jitkellmu dwar esperjenza tagħhom, mingħajr ma kienu tkellmu fuqha qabel.  Tista tispjegalhom li ‘Kredu’ tfisser żomm sħiħ fit-twemmin.  Aħna nistqarru l-Kredu ta’ Niċea fil-Quddiesa.  Insibu ukoll il-Kredu ta’ l-Appostli li hija stqarrija ta’ dak li nemmnu bħala Kattoliċi, imma fil-qosor.  Din kienet dikjarazzjoni li kienet tingħad min dawk li kienu ser jitgħammdu fil-Knisja tal-Bidu.

Araw:

Ħin tat-Talb mal-Familja

  • Għażlu parti kull wieħed mill-Kredu ta’ l-Appostli u igħiduha bħala talba flimkien bħala familja.
  • Itolbu lil Alla: għal għajnuna f’sitwazzjonijiet diffiċli, għal maħfra meta inħossu li żbaljajna, wara kull talba żommu ftit ħin ta’ silenzju.  
  • Tistgħu titolbu kuljum din it-talba:

AĦNA NEMMNU:  Li Alla huwa dejjem magħna.  Alla preżenti biex jgħinha meta nħossuna dgħajfa.  Alla iħobbna kollha.  Alla jagħtina l-għajnuna tiegħu kull fejn inkunu.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.