San Domenico Savio twieled f’April 1842 f’familja tajba imma fqira f’Riva, raħal fin-naħħa ta’ fuq tal-Italja. Kienu familja ħabrieka, il-missier kien jaħdem fil-faħam u l-omm kienet tħit. Domenico kien it-tieni f’familja ta’ ħdax.
Kellu tfulija vera normali. Kien jieħu gost l-iskola u kien student intelliġenti. Kien jieħu gost jilgħab u kien popolari ma’ sħabu. Wera kwalitajiet sbieħ ta’ tmexxija u responsabbiltà u kien popolari ma’ sħabu. Sa minn eta’ żgħira Domenico kellu attitudni ta’ talb u u spiritwalita’ li għamlitu eżempju tajjeb għal sħabu.
Tgħallem jgħin fil-quddiesa meta kien għadu żgħir ħafna u għalkemm it-tfal dak iż-żmien kienu jirċievu l-Ewwel Tqarbina ta’ 12-sena, hu rċieva lil Ġesù meta kellu 7 snin għax il-kappillan ta’ fejn kienu jmorru jisimgħu l-quddies bħala familja kien induna li t-tifel kellu dispożizzjoni tajba u għarfien tal-Fidi.
Il-proponimenti li għamel Domenico qabel l-ewwel Tqarbina tiegħu baqgħu ma ntesewx. Hu ried li jmur iqerr u jitqarben spiss, li jħares l-Ħdud u l-Festi Kmandati b’mod speċjali, li jżomm lil Ġesu’ u lil Marija bħala l-ħbieb tiegħu u li jippreferi li jmut milli jagħmel id-dnub.
Meta Domenico kellu 12-il sena beda jattendi l-Oratorju ta’ Don Bosco. Kellu l-intenzjoni li jibda jipprepara ruħu biex isir Saċerdot. Beda jieħu l-ħajja spiritwali tiegħu bis-serjetà ħafna, beda jaħseb li biex isir qaddis irid “ibati għal Kristu.” Don Bosco induna b’dan u tah dan il-parir:
“Biex issir qaddis trid tkun dejjem ferħan, trid tagħmel id-doveri tiegħek bl-aħjar mod li tista’ u tagħti eżempju tajjeb lil sħabek. Ftakar li Ġesù dejjem qiegħed miegħek u jridek tkun ferħan.”
Hu baqa’ l-Oratorju għal sentejn. Imma Domenico ma kellux isir qassis. Beda jbati minn sola persistenti u saħħtu bdiet tnaqqas. Hu kellu jerġa’ lura d-dar billi kien isofri minn kundizzjoni serja fil-pulmun, probabbli it-tuberkulożi. L-antibiotiċi ma kinux jeżistu f’dak iż-żmien. Żammewh id-dar waqt li saħħtu baqgħet teħżien.
Kien riesaq lejn il-15-il sena meta fid-9 ta’ Marzu, 1857, Domenico mar jiltaqa’ mal-Mulej Ġesù, l-akbar ħabib tiegħu.