
Mill-bidu tar-raba’ seklu, prinċipju tal-fidi wassal għal diviżjoni fi ħdan il-Knisja. Dan kien ikkawżat minn dak li sar magħruf bhala l-Arjaniżmu, ereżija li kienet issostni li Ġesù Kristu kien ħlejqa maħluqa u ma kienx jeżisti mill-eternità, u għalhekk ma kienx ugwali ma’ Alla l-Missier bħala t-tieni Persuna tat-Trinità.
Kien fil-Konċilju ta’ Niċea (325 W.K.) li l-Knisja ddikjarat li l-Arjaniżmu kien żbaljat. Din id-dikjarazzjoni sabet l-espressjoni tagħha f’dak li nafu bħala l-Kredu ta’ Niċea, sommarju tat-twemmin fundamentali li tħaddan il-Knisja. Madankollu, il-firda fil-Knisja ma fieqitx mill-ewwel, għax saħansitra l-Isqfijiet komplew jappoġġjaw it-twemmin Arjan!
Ambroġ għex matul dak iż-żmien ta’ taqlib għall-Knisja Kattolika. Huwa twieled għall-ħabta tas-sena 340 W.K. fi Trier, fil-Gallja (il-Ġermanja), fejn missieru kien inħatar Gvernatur. Trabba f’familja Rumana Nisranija u sinjura, flimkien ma’ ħutu.
Huwa maħsub li, meta kien għadu tarbija, wiċċu kien miksi b’ħafna naħal li ħallew traċċi ta’ għasel fuq wiċċu. Missieru interpreta din l-esperjenza bħala sinjal li, xi darba, Ambroġ kellu jsir kelliem li bl-abbiltà tiegħu jkun kapaċi jolqot il-qalb.
Wara l-mewt ta’ missieru, il-familja rritornat Ruma, fejn Ambroġ studja l-liġi, il-letteratura u r-retorika. Wara li sar avukat magħruf, inħatar membru tal-Kunsill. Kellu madwar 32 sena meta sar gvernatur tal-Ligurja u l-Emilja, bil-kwartieri ġenerali tiegħu f’Milan, belt li dak iż-żmien kienet titqies bħala t-tieni belt kapitali tal-Italja.
Bħala Gvernatur, huwa attenda l-laqgħa li kienet ġiet imsejħa biex jinħatar l-Isqof ta’ Milan wara l-mewt tal-Isqof preċedenti. L-għan tiegħu kien li jevita kunflitti li setgħu jinqalgħu bejn l-Isqfijiet li kienu jappoġġjaw l-Arjaniżmu u dawk li kienu jħaddnu l-Kredu ta’ Niċea. Il-kliem tiegħu kien tant qawwi li ż-żewġ naħat bdew jgħajtu ismu bħala l-Isqof li jmiss; x’aktarx kull naħa kienet qed tittama li ssib alleat f’Ambroġ. Imma hu rrifjuta li jsir Isqof għalhekk ħarab u pprova jsib kenn fid-dar ta’ ħabib tiegħu. Ħass li ma kienx adattat għal dan ir-rwol għax kien għadu ma tgħammidx! Għalkemm kien “jistqarr l-Fidi Nisranija”, kien għadu katekumen — jiġifieri persuna li tkun qed tħejji ruħha għall-Magħmudija — u barra minn hekk, ma kienx studja t-teoloġija.
L-Imperatur stess ikkonvinċa lil Ambroġ biex jaċċetta. Huwa tgħammed, ġie ordnat saċerdot u kkonsagrat Isqof ta’ Milan fis-sena 374 W.K.
Ambroġ qassam l-artijiet u l-flus kollha tiegħu lill-foqra. Huwa ddedika ruħu għall-istudju tat-Teoloġija, tal-Iskrittura u tal-Kitbiet tal-Missirijiet tal-Knisja. Nies minn kull qasam tal-ħajja kienu jirrispettawh u jammirawh, mhux biss għall-għemejjel ta’ karità tiegħu, iżda wkoll għall-elokwenza tiegħu. Saħansitra ġie deskritt bħala persuna li kellha “saħħa politika daqs dik tal-Imperatur.”
Il-predikazzjoni tiegħu wasslet lil Wistin ta’ Ippona għal konverżjoni spiritwali. Kien l-Isqof Ambroġ li għammed lil Wistin u ggwidah fit-triq lejn il-qdusija, tant li sar magħruf bħala Santu Wistin ta’ Ippona, fl-Afrika.
Ambroġ ddedika l-enerġija kollha tiegħu biex itemm l-Arjaniżmu f’Milan. Filwaqt li huwa żamm iebes kontra l-kontroversji u ddefenda l-fidi, sab ruħu f’kunflitt ma’ mexxejja politiċi u imperaturi, iżda xorta baqa’ joffri s-servizz tiegħu lil dawk fil-bżonn fi żminijiet ta’ taqlib politiku vjolenti, anke meta ħajtu stess kienet fil-periklu.
Lejn l-aħħar ta’ ħajtu, irtira f’Bologna, fejn miet fl-4 ta’ April tas-sena 397 W.K.
San Ambroġ huwa l-qaddis Patrun ta’ dawk li jrabbu n-naħal, tat-tallaba, u tal-belt ta’ Milan u ġie iddikjarat fost l-ewwel Dutturi tal-Knisja.
