Iva!

Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent Sena B

Wasalna fl-aħħar Ħadd tal-Avvent. Illum il-Knisja tlaqqagħna mal-Verġni Marija, Omm il-Mulej. Nisimgħu meta Alla bagħat lill-messaġġier tiegħu Gabrijel biex iħabbar lil Marija li kien għażilha bħala dik li kellha tkun omm Ġesù. Marija, ma kienet ħadd speċjali f’Nazaret. Ma kinitx xi tfajla magħrufa minn kulħadd. Li kellha speċjali ma kienx dak li jidher. Hi kienet lesta li tobdi r-rieda ta’ Alla, anke meta ma fehmithiex, anke meta l-ewwel ħsibijiet li ġewha f’moħħa dwar dan kollu, mhux bilfors kienu inkoraġġanti. Alla talabha ssir omm, f’ċirkustanzi li setgħu wassluha saħansitra biex tiġi mħaġġra. Marija kienet fil-libertà li tirrifjuta dak li kien mitlub minna. Dan ma kienx xi destin li Marija ma setgħetx taħrab minnu. L-iva ta’ din it-tfajla, magħrufa minn ħadd, waslet għas-salvazzjoni tal-umanità kollha.

Marija, bħal kulħadd, żgur li kellha ħolm dwar kif ser tkun il-ħajja tagħha. Meta saret omm Alla, dan il-ħolm sfaxxa fix-xejn. L-iva tagħha għamel possibbli dak li kien impossibbli. L-istess jagħmel Alla magħna, meta jitlobna xi ħaġa u aħna nwieġbu ‘iva, ikun li trid int’. Xi drabi, iżda l-pjani tagħna jkunu wisq għal qalbna, ma nkunux lesti li nibdluhom. Marija setgħet tgħid ‘iva’, għax il-fidi tagħha, u r-rieda tagħha li tobdi dak li Alla ried minnha, kienu wisq akbar minn dak li kienet fasslet għall-ħajja tagħha hi stess. 

Dak li jitlob Alla minna mhux dejjem faċli. Madanakollu nemmnu li hu qiegħed dejjem magħna, u kif qal l-anġlu “għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Fit-talb Alla, jurina dak li jixtieq minna. L-‘iva’ tagħna, trid tkun bħal ta’ Marija, marbuta mal-ebda kondizzjoni.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 1, 26-38)

F’dak iż-żmien, Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”.

Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”.

Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”. Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

Imbagħad qalet Marija: “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Għid il-Magnificat, l-innu li Marija tfaħħar lil Alla bih. Wara għamel lista ta’ dak li inti tixtieq tfaħħar lil Alla għalih.
    Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
    U l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.
    Għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
    Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
    Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
    Qaddis hu l-isem tiegħu.
    Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmienFuq dawk li jibżgħu minnu.
    Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
    Xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
    Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
    U għolla ċ-ċkejknin.
    Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
    U l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.
    Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu,
    Għax ftakar fil-ħniena tiegħu
    -bħalma wiegħed lil missirijietna –
    B’risq Abraham u nislu għal dejjem.
    Glorja lill-Missier, u lill-Iben
    U lill-Ispirtu s-Santu.
    Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
    U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
  4. Aħseb dwar dak li Alla qiegħed jistaqsik bħalissa. X’qiegħed jistenna mingħandek bħala ġenitur? Itlob lill-Ispirtu s-Santu għall-għerf sabiex tinduna dak li Alla qiegħed jitolbok u għall-kuraġġ biex tagħmel dak li jixtieq.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (1, 26-38);
    ii. Girlanda tal-Avvent, jinxtegħlu l-erba’ xemgħat;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja.

Dalwaqt wasal il-Milied! Il-lum nixgħelu l-erba’ xemgħat tal-Girlanda tal-Avvent. Fl-Evanġelju tal-lum, ser nisimgħu kif Alla bagħat anġlu għand Marija u qalilha xi ħaġa li hi qatt ma stenniet.

  • Ġesù jrid li bħall-mama tiegħu, Marija, aħna nagħmlu dak li jixtieq Alla
  • 5 biċċiet tal-karti biex it-tfal ipinġu fuqhom
  • Lapes
  • Kuluri

Tafu x’inhu anġlu? (it-tfal jgħidu l-ħsibijiet tagħhom)

Anġlu huwa messaġġier ġej mingħand Alla. Fl-istampi u fil-knisja narawhom bħala tfal jew anke nies akbar, ġeneralment ikollhom il-ġwienaħ. Il-ġwienaħ juru li l-anġli jwasslu l-messaġġ mingħand Alla malajr kemm jista’ jkun. 

L-anġlu tal-Evanġelju tal-lum, kien jismu Gabrijel. Huwa mar għand tfajla li kien jisimha Marija u qalilha li kien ser ikollha baby u ser issemmih Ġesù. Intom tafu min kien Ġesù hux hekk? Meta kiber, Ġesù kien jgħin lil kulħadd u kien jgħallem lin-nies dwar Alla. Ġesu’, l-Iben t’Alla, sar bniedem bħalna, twieled u ġie fid-dinja għalina! Meta l-anġlu mar għand Marija biex jgħidilha li ser tkun omm Ġesu’, hija ma fehmitx eżatt x’kien qiegħed jgħidilha, imma hija kienet tħobb ħafna lil Alla, għalhekk lill-anġlu qaltlu li hi ser tagħmel dak li qiegħed jistaqsiha Alla. Bħalkom tfal, intom mhux dejjem tifhmu x’qed jistaqsukom tagħmlu l-mama u l-papa, imma għax intom tħobbuhom, u għax tafu li huma jħobbukom, tagħmlu dak li jgħidulkom, anke jekk ma tifhmux għalfejn qegħdin jistaqsukom tagħmlu hekk.

U għax Marija, qalet iva lil Alla, Ġesù seta’ jitwieled. Kieku riedet Marija setgħet tgħidlu le lil Alla, imma ma għamlitx hekk. Lilna Alla wkoll jibgħatilna nies biex iwasslulna messaġġi mingħandu. Għandna l-ġenituri tagħna u lin-nanniet, li jgħinuna biex nagħmlu dak li hu tajjeb. L-iskola, l-għalliema wkoll jgħinuna biex nagħmlu għażliet tajba. Il-katekisti u s-saċerdoti wkoll ikellmuna dwar Ġesù u jgħidulna dwar kif jixtieq li ngħixu biex inkunu tfal bravi. Ma kienitx faċli għal Marija biex tgħid ‘iva’ lil Alla, imma hija lil Alla kienet tħobbu ħafna u riedet li tobdih. 

Alla ħa gost ħafna meta Marija qalet ‘iva’ u jixtieq li aħna ngħidulu ‘iva’ wkoll. Aħna ngħidu ‘iva’ lil Alla kull darba li nagħmlu xi ħaġa tajba.

Tistgħu ssemmu xi affarijiet li Alla jixtieq li nagħmlu? (nagħtu ċans lit-tfal jagħtu eżempji mill-ħajja tagħhom, importanti li l-eżempji li jagħtu jkunu jistgħu jagħmluhom, jekk le niggwidawhom aħna)

Dalwaqt il-Milied. Baqa’ erbat ijiem biss. Ġesù fil-maxtura qiegħed fuq it-tiben. Ma tantx naħseb li huwa komdu hux hekk? Meta aħna nagħmlu xi ħaġa tajba, lil Ġesù inkunu qegħdin nuruh kemm inħobbuh. F’dawn l-erbat ijiem li baqa’, kuljum ser tagħmlu xi ħaġa sabiħa biex turu lil Ġesù kemm tħobbuh, u bħal Marija, tkunu qegħdin tgħidu ‘iva’. 

Għandkom ħames karti, waħda għal kull ġurnata qabel ma jasal il-Milied, nibdew mil-lum. Il-lum pinġu xi ħaġa li ser tagħmlu li biha turu li tħobbu lil Ġesù (nitolbu, ngħinu, nieħdu ħsieb pet, nilgħabu ma’ ħutna, nagħmlu kartolina għan-nanniet). Imbagħad araw li matul il-ġurnata, tagħmlu dak li pinġejtu. Qabel ma tmorru torqdu, morru ħdejn Ġesù fil-maxtura u poġġu din il-karta li pinġejtu taħtu (ġenituri jgħinu lit-tfal biex ma ssirx ħsara u jekk ikun hemm bżonn it-tpinġija tintewa qabel ma titpoġġa taħt il-Bambin). Issa Ġesù, ma għandux tiben iniġġeż taħtu, imma għandu l-imħabba tagħkom. Għada għamlu xi ħaġa oħra u filgħaxija, wara li tkunu għamiltu dak li pinġejtu, poġġu din it-tpinġija wkoll taħt Ġesù. Ibqgħu għamlu hekk sa nhar il-Ġimgħa u lil Ġesù tkunu tajtuh rigal vera sabiħ għall-birthday tiegħu.

Waqt li qegħdin tpinġu, isimgħu din is-song dwar meta l-anġlu Gabrijel mar għand Marija, An Angel came from heaven.

Irroddu s-salib.

Għażiż Ġesù dalwaqt niċċelebraw il-birthday tiegħek. Aħna rridu nagħtuk rigal sabiħ. Matul din il-ġimgħa ħa nkunu tfal bravi ħafna, għax nafu, li hekk, inti tieħu ħafna gost bina. Aħna nixtiequ li nibqgħu nkunu bravi anke wara l-Milied, għax aħna nħobbuk. Grazzi Ġesù ta’ dan iż-żmien sabiħ tal-Milied.

Ngħidu t-talba tas-Sliema.

Fl-Evanġelju tal-lum, l-anġlu Gabrijel jagħti lil Marija aħbar li ma kinitx qed tistenna. Qalilha li ser ikollha iben u li se ssemmieh Ġesù. Marija ma tifhimx dak li jgħidilha l-anġlu Gabrijel u anke titħasseb. Naraw kif twieġeb lill-anġlu fil-qari tal-lum.

  • Bħal Marija, Alla għażel lilna wkoll u jridna li ngħinu lill-oħrajn biex isiru jħobbu lil Ġesù
  • L-anġli jwasslu messaġġi mingħand Alla, aħna wkoll nistgħu inwasslu messaġġi sbieħ lil ħaddieħor

  • Printout tal-mudell tal-anġlu
  • Imqass 
  • Kuluri
  • Glitter glue u affarijiet oħra li jistgħu jintużaw biex jiżżejjen l-anġlu
  • Lapes jew felt pen
  • Kwotazzjonijiet mill-Bibbja

Min bagħat l-anġlu Gabrijel għand Marija?

Għalfejn taħsbu li għall-ewwel Marija beżgħet?

Xi twieġeb Marija?

Taħsbu li Marija qalet ‘iva’ għax kienet taf li Alla ma kienx ser iħalliha waħedha, għax hi kienet tafda f’Alla?

Alla seta’ jagħżel lil min ried biex tkun omm Ġesù. Marija kienet tfajla bħall-oħrajn, kienet toqgħod f’raħal żgħir, jismu Nazaret. Għalkemm għall-bqija tan-nies, Marija kienet tfajla sempliċi, għal Alla kienet speċjali ħafna, għax għażel lilha biex tkun omm il-Mulej Ġesù. 

Alla għażel lilna wkoll, anke lilkom it-tfal, biex nagħmlu xi ħaġa kbira u importanti ħafna. Hu jrid li nuru li aħna nħobbu lil Ġesù, li aħna nagħmlu bħal Ġesù, għalhekk inħobbu u ngħinu lill-oħrajn. Minbarra dan, meta aħna nħobbu lil Ġesù, aħna nitolbu u nħajru lill-oħrajn jitolbu magħna, per eżempju, li bħala familja ngħidu talba qabel ma nibdew nieklu, li nhar ta’ Ħadd immorru għall-quddiesa. Jekk ikun hemm quddiesa qabel ma tibda l-iskola, inħajru lill-sħabna u morru flimkien. Il-Madonna lil Alla qaltu, ‘jien ser nagħmel dak li tixtieq inti’. Lilna qiegħed jistaqsina rridux nagħmlu dak li jixtieq hu. Aħna kif ser inwieġbuh?

L-anġli huma messaġġiera ta’ Alla. Huma jwasslu il-messaġġi li jixtieq jagħtina Alla. Ġeneralment fl-istampi u fl-istatwi, narawhom bil-gwienaħ, dan biex juru li huma ma jitilfux żmien, il-messaġġ iwassluh kemm jista’ jkun malajr. Aħna wkoll nistgħu inkunu messaġġiera ta’ Alla, u speċjalment f’dan iż-żmien li fih niftakru fit-twelid tal-Mulej, inwasslu aħbar tajba. Kulħadd jieħu gost jirċievi aħbar tajba. Meta nagħmlu kuraġġ lil xi ħadd li hu mdejjaq, inkunu messaġġiera ta’ Alla. Meta nċemplu lin-nanniet li bħal issa ma tantx qegħdin narawhom u jkunu waħedhom u noqgħodu nitkellmu magħhom, inkunu messaġġiera ta’ Alla. Meta nitkellmu ma’ xi ħadd dwar Ġesù, inkunu bħall-anġli mibgħuta minn Alla.

Fl-attività ta’ din il-ġimgħa ser inkunu bħall-anġlu Gabrijel. Għandkom stampa ta’ anġlu, aqtgħuha. Għandkom ukoll numru ta’ kwotazzjonijiet mill-Bibbja. Intom tafu li Alla jkellimna permezz tal-Bibbja. Mela jekk inwasslu kwotazzjoni mill-Bibbja lil xi ħadd, inkunu qegħdin inwasslulu messaġġ mingħand Alla, inkunu qegħdin nagħmluha ta’ anġli! Għażlu waħda minn dawn il-kwotazzjonijiet u iktbuha fuq l-anġlu. Agħtuh il-kulur u żejnuh kif tixtiequ. Itwuh, kif hemm fl-istampa u agħtu dan l-anġlu lil xi ħadd, b’hekk tkunu wassaltulu messaġġ mingħand Alla. Tistgħu tagħmlu aktar minn anġlu wieħed. Aktar ma tagħtu anġli, aktar tkunu wassaltu messaġġi mingħand Alla! L-Aħbar it-Tajba tkun waslet għand ħafna nies. 

Waqt din tkunu qegħdin tagħmlu l-anġli, isimgħu The Angel Gabriel.

Inroddu s-salib

Għażiż Ġesù, aħna rridu nkunu bħal mama tiegħek Marija. Aħna nixtiequ li lil Alla ngħidulu iva għal dak kollu li jrid. Għinna biex insiru aktar bħalek. Għinna biex inħobbu lill-oħrajn u ngħinnuhom. Aħna rridu nkunu wkoll bħal anġlu Gabrijel u nwasslu messaġġi mingħand Alla. Għażiż Ġesù, għinna biex aħna ma niddejjqux nitkellmu dwarek mal-familja u mal-ħbieb. Grazzi Ġesù.

1. Fl-Evanġelju tal-lum, naqraw li Alla bagħat lill-anġlu tiegħu Gabrijel biex iħabbar lil Marija li hija kellha ssir Omm il-Feddej. F'liema belt kienet Marija meta rċeviet din l-aħbar?

Correct! Wrong!

2. X'kienet l-ewwel reazzjoni ta' Marija hekk kif semgħet dak li l-anġlu ħabbrilha?

Correct! Wrong!

3. Dak li kellu jitwieled minn Marija, kellu jitnissel fiha bil-qawwa tal-...

Correct! Wrong!

4. Kif wieġbet Marija lill-anġlu wara li hu fissrilha kif kellha ssir Omm il-Mulej?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.