Fl-Evanġelju tal-lum se nisimgħu tlett parabboli li jitkellmu dwar is-Saltna ta’ Alla. X’inhi s-Saltna ta’ Alla? Is-Saltna ta’ Alla ma hijiex xi post li aħna se mmorru fih wara din il-ħajja. Is-Saltna ta’ Alla tibda minn issa. Wasal is-sajf u matul is-sajf aħna niċċelebraw il-festi tal-qaddisin. Persuna ma ssirx qaddisa wara l-mewt, iżda ssir qaddisa minħabba l-mod kif għexet. Fit-talba tal-Missierna, ngħidu ‘ikun li trid int, kif fis-sema, hekk ukoll fl-art’. Din hi s-Saltna ta’ Alla. Il-ġenna hija r-rigal li nirċievu minħabba li nkunu ħdimna biex is-Saltna ta’ Alla tikber fuq din l-art. Dawn huma tlett parabboli li jagħmlulna ħafna kuraġġ.
L-ewwel parabbola tal-qamħ u s-sikrana tgħallimna qabel xejn li l-ġudizzju huwa biss f’idejn Alla. Iżda kemm il-darba naqgħu għal din it-tentazzjoni! Ġieli niġġudikaw fuq sempliċiment dehra ta’ persuna, jew kliem li ntqal dwarha, niġġudikaw u nikkundanaw persuna minħabba azzjonijiet li tagħmel. Li kien għalina tirċievi kastig għall-azzjonijiet tagħha dak il-ħin stess. Alla le, Alla huwa Alla tas-sorpriżi, kif iħobb jgħid Papa Franġisku. Alla jrid lil kulħadd, hu min hu, jsalva, għalhekk jibqa’ jagħtina ċans sal-aħħar. Il-bidwi fired is-sikrana minn mal-qamħ fl-aħħar nett u mhux qabel. Is-sikrana tista’ tkun persuni li qegħdin jagħmlu għażliet ħżiena, tista’ tkun aħna li mhux dejjem nagħmlu dak li hu tajjeb. Alla jistenna. Jagħti ċans lil dawk in-nies li qed jgħixu ħażin biex jinbidlu u lilna biex nindunaw bl-iżbalji tagħna u nindmu minnhom. Kemm-il personaġġ fil-Bibbja kien qabad it-triq żbaljata, jew kellu għajnejn magħluqa għall-verità sħiħa u nbidel! San Pawl kien wieħed minn dawn! Alla jagħtina ċans li ninbidlu, kif ta lil Sawl ta’ Tarsu.
Il-parabboli taż-żerriegħa tal-mustarda u tal-ħmira jagħmlulna l-qalb. Anke azzjonijiet żgħar u tajbin min-naħa tagħna, Alla jista’ jbiddilhom b’affarijiet kbar. It-tfal għadhom żgħar, iżda Alla minn issa jixtieq li jibdew jagħmlu għażliet tajba. Hu ta lill-ġenituri u lil persuni oħrajn, ir-responsabbiltà biex iressqu lit-tfal lejh. Għandhom kemm għandhom żmien, m’humiex żgħar u insinjifikanti għal Alla. L-eżempju tagħna l-kbar jaffettwa ħafna lit-tfal. Ejjew nieħdu eżempji ta’ mġieba ħażina u l-effett tagħha. Jista’ jkun li jiena nirrabja malajr mat-tfal u ma naħfrilhomx u kulmeta jagħmlu xi ħaġa nerġa nfakkarhom f’dak li kienu għamlu. Lili t-tfal jarawni u jisimgħuni. Meta jibdew jitgħallmu dwar il-ħniena ta’ Alla, Alla li ma jistgħux jarawh, kif jistgħu jifhmu li Alla huwa paċenzjuz u kollu ħniena? Jista’ jkun li jien lit-tfal ma nħallihom jagħmlu xejn, għax jekk nagħmel l-affarijiet jien se nlesti qabel. Meta jagħmlu l-affarijiet huma jistgħu ikissru xi ħaġa u jagħtuni biċċa xogħol. Il-messaġġ li qed ngħaddilhom huwa, ‘inti oqgħod hemm u tagħmel xejn għaliex inti dan ma tafx tagħmlu’. Alla jagħti ħafna kwalitajiet sbieħ lil kulħadd, u rridu niskopruhom. Jekk it-tfal jisimgħu lilna ngħidulhom li ma jistgħux jagħmlu din u l-oħra, mhux se jkollhom fiduċja fihom infushom. Meta jibdew jitgħallmu dwar it-talenti li tana Alla, se jemmnu li huma m’għandhom xejn minn dawn. Nindunaw li għalkemm lit-tfal ma nkunux kellimnihom dwar Alla, bl-azzjonijiet tagħna nkunu qegħdin ninfluwenzaw kif huma jifhmu u jipperċepixxu lil Alla. Alla ma jħallix lill-ġenituri waħedhom. Hemm is-saċerdoti, hemm laqgħat u programmi ta’ formazzjoni, diretturi spiritwali, katekisti u oħrajn. Dawn kollha jistgħu ikunu ta’ għajnuna. Niftakru li ż-żerriegħa tal-mustarda u l-ħmira, huma żgħar, iżda jinbidlu f’affarijiet kbar. Pass tajjeb min-naħa tagħna Alla jużah u jwassalna għal affarijiet kbar li waħedna lanqas biss nistgħu noħolmuhom jew naħsbu li għandna l-qawwa li nagħmluhom.