
Bejn l-ewwel u t-tieni ta’ Novembru, aħna l-Kattoliċi nfakkru l-Qaddisin kollha bil-kelma “Xirka”. “Xirka” tfisser l-għaqda li teżisti bejn il-Qaddisin fil-Ġenna, l-Erwieħ fil-Purgatorju u aħna li qegħdin fid-Dinja.
Din il-ġurnata hija iddedikata lill-Qaddisin kollha – lil dawk kollha li jinsabu fil-ġenna; ikkanonizzati jew mhumiex; qrabatna, ħbiebna u ġemgħa kbira ta’ oħrajn li ma nafuhomx. Il-Qaddisin mhux biss ifakkruna fit-tgawdija li qiegħda tistenniena, imma wkoll isejħulna biex ningħaqdu magħhom bħala wlied tal-istess Missier fid-dar tiegħu fis-sema.
Ix-Xirka tal-Qaddisin tinkludi dawk kollha li tgħammdu, dan ifisser li aħna nagħmlu parti minnha wkoll! Sakemm għadna ħajjin, aħna nagħmlu parti minn din il-komunità, għax aħna “qaddisin fit-taħriġ,” “qaddisin fi proċess ta’ formazzjoni.” Bħala Xirka tal-Qaddisin niltaqgħu flimkien biex niċċelebraw l-Ewkaristija.
