Ħafna kuraġġ

Is-16-il Ħadd ta' Matul is-Sena

Fl-Evanġelju tal-lum se nisimgħu tlett parabboli li jitkellmu dwar is-Saltna ta’ Alla. X’inhi s-Saltna ta’ Alla? Is-Saltna ta’ Alla ma hijiex xi post li aħna se mmorru fih wara din il-ħajja. Is-Saltna ta’ Alla tibda minn issa. Wasal is-sajf u matul is-sajf aħna niċċelebraw il-festi tal-qaddisin. Persuna ma ssirx qaddisa wara l-mewt, iżda ssir qaddisa minħabba l-mod kif għexet. Fit-talba tal-Missierna, ngħidu ‘ikun li trid int, kif fis-sema, hekk ukoll fl-art’. Din hi s-Saltna ta’ Alla. Il-ġenna hija r-rigal li nirċievu minħabba li nkunu ħdimna biex is-Saltna ta’ Alla tikber fuq din l-art. Dawn huma tlett parabboli li jagħmlulna ħafna kuraġġ.

L-ewwel parabbola tal-qamħ u s-sikrana tgħallimna qabel xejn li l-ġudizzju huwa biss f’idejn Alla. Iżda kemm il-darba naqgħu għal din it-tentazzjoni! Ġieli niġġudikaw fuq sempliċiment dehra ta’ persuna, jew kliem li ntqal dwarha, niġġudikaw u nikkundanaw persuna minħabba azzjonijiet li tagħmel. Li kien għalina tirċievi kastig għall-azzjonijiet tagħha dak il-ħin stess. Alla le, Alla huwa Alla tas-sorpriżi, kif iħobb jgħid Papa Franġisku. Alla jrid lil kulħadd, hu min hu, jsalva, għalhekk jibqa’ jagħtina ċans sal-aħħar. Il-bidwi fired is-sikrana minn mal-qamħ fl-aħħar nett u mhux qabel. Is-sikrana tista’ tkun persuni li qegħdin jagħmlu għażliet ħżiena, tista’ tkun aħna li mhux dejjem nagħmlu dak li hu tajjeb. Alla jistenna. Jagħti ċans lil dawk in-nies li qed jgħixu ħażin biex jinbidlu u lilna biex nindunaw bl-iżbalji tagħna u nindmu minnhom. Kemm-il personaġġ fil-Bibbja kien qabad it-triq żbaljata, jew kellu għajnejn magħluqa għall-verità sħiħa u nbidel! San Pawl kien wieħed minn dawn! Alla jagħtina ċans li ninbidlu, kif ta lil Sawl ta’ Tarsu.

Il-parabboli taż-żerriegħa tal-mustarda u tal-ħmira jagħmlulna l-qalb. Anke azzjonijiet żgħar u tajbin min-naħa tagħna, Alla jista’ jbiddilhom b’affarijiet kbar. It-tfal għadhom żgħar, iżda Alla minn issa jixtieq li jibdew jagħmlu għażliet tajba. Hu ta lill-ġenituri u lil persuni oħrajn, ir-responsabbiltà biex iressqu lit-tfal lejh. Għandhom kemm għandhom żmien, m’humiex żgħar u insinjifikanti għal Alla. L-eżempju tagħna l-kbar jaffettwa ħafna lit-tfal. Ejjew nieħdu eżempji ta’ mġieba ħażina u l-effett tagħha. Jista’ jkun li jiena nirrabja malajr mat-tfal u ma naħfrilhomx u kulmeta jagħmlu xi ħaġa nerġa nfakkarhom f’dak li kienu għamlu. Lili t-tfal jarawni u jisimgħuni. Meta jibdew jitgħallmu dwar il-ħniena ta’ Alla, Alla li ma jistgħux jarawh, kif jistgħu jifhmu li Alla huwa paċenzjuz u kollu ħniena? Jista’ jkun li jien lit-tfal ma nħallihom jagħmlu xejn, għax jekk nagħmel l-affarijiet jien se nlesti qabel. Meta jagħmlu l-affarijiet huma jistgħu ikissru xi ħaġa u jagħtuni biċċa xogħol. Il-messaġġ li qed ngħaddilhom huwa, ‘inti oqgħod hemm u tagħmel xejn għaliex inti dan ma tafx tagħmlu’. Alla jagħti ħafna kwalitajiet sbieħ lil kulħadd, u rridu niskopruhom. Jekk it-tfal jisimgħu lilna ngħidulhom li ma jistgħux jagħmlu din u l-oħra, mhux se jkollhom fiduċja fihom infushom. Meta jibdew jitgħallmu dwar it-talenti li tana Alla, se jemmnu li huma m’għandhom xejn minn dawn. Nindunaw li għalkemm lit-tfal ma nkunux kellimnihom dwar Alla, bl-azzjonijiet tagħna nkunu qegħdin ninfluwenzaw kif huma jifhmu u jipperċepixxu lil Alla. Alla ma jħallix lill-ġenituri waħedhom. Hemm is-saċerdoti, hemm laqgħat u programmi ta’ formazzjoni, diretturi spiritwali, katekisti u oħrajn. Dawn kollha jistgħu ikunu ta’ għajnuna.  Niftakru li ż-żerriegħa tal-mustarda u l-ħmira, huma żgħar, iżda jinbidlu f’affarijiet kbar. Pass tajjeb min-naħa tagħna Alla jużah u jwassalna għal affarijiet kbar li waħedna lanqas biss nistgħu noħolmuhom jew naħsbu li għandna l-qawwa li nagħmluhom.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 13, 24-43)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.

Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””.

Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha”.

Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha”.

Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:

“Niftaħ fommi bil-parabboli,

nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija

sa mit-twaqqif tad-dinja”.

Imbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa”. U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem. L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin, u l-għadu li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli. Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja. Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikum hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. X’inhi s-sikrana fil-ħajja tiegħek?
  4. X’inhuma dawk l-azzjonijiet, anke żgħar li inti tista’ tagħmel għall-familja tiegħek u għall-oħrajn?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn se tiltaqgħu ppreparaw:
    a. Bibbja bil-qari minn San Mattew (13, 24-43)
    b. Xemgħa mixgħula
    ċ. Il-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja u xemgħa, miksija bi drapp aħdar
    d. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

“Il-Mulej, li hu l-inkarnazzjoni tal-għerf, jgħinna llum nifhmu li t-tajjeb u l-ħażin ma nistgħux inħarsu lejhom bħala oqsma magħluqin biċ-ċnut jew xi gruppi umani partikolari: “Dawn huma t-tajbin, dawn huma l-ħżiena”.  Hu jgħid li l-konfini bejn it-tajjeb u l-ħażin jgħaddu mill-qalb ta’ kull persuna, jgħaddu mill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, jiġifieri : Ilkoll kemm aħna midinbin.  Tiġini ħajra nistaqsikom: “Min minnkom mhux midneb jgħolli idu”.  Ħadd!  Għax aħna lkoll midinbin. Bil-mewt fuq is-salib u l-qawmien tiegħu Ġesù ħelisna mill-jasar tad-dnub u jtina l-grazzja li nimxu fi triq ġdida; imma mal-Magħmudija tana wkoll il-Qrar, għaliex dejjem neħtieġu l-maħfra ta’ dnubietna.  Jekk nibqgħu dejjem inħarsu biss lejn il-ħażin li hemm ‘il barra minna, jfisser li ma rridux nagħrfu d-dnub li hemm fina wkoll.”

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù se jgħidilna tlett parabboli. Tiftakru x’inhi parabbola? (Parabbola hija storja li tgħina nifhmu dak li jixtieq jgħallimna Ġesù)

  • Alla huwa ħanin
  • Meta nagħmlu affarijiet tajba, anke jekk żgħar ħafna, Alla jieħu gost bihom
  • Dawn l-affarijiet żgħar u tajbin, lilna jagħmluna persuni aħjar
  • Non toxic acrylic paint, kanella u aħdar
  • Karta A3
  • Lapes

Nistaqsu: tiftakru dwar xhiex kienu l-parabboli li smajna? (l-ewwel waħda kienet dwar il-qamħ u s-sikrana, it-tieni dwar iż-żerriegħa tal-mustarda u l-aħħar waħda dwar il-ħmira)

Dawn il-parabboli juruna kemm Alla jħobbna u kemm għandu paċenzja! Ġieli iġġielidna mal-ħbieb u ngħidulhom “ma rridx inkun ħabib tiegħek aktar!”? Ġieli l-mama’ jew il-papa’ poġġewlna platt ikel quddiemna u mingħajr ma doqnih għidna “Ma rridux, dan ma nħobbuhx!”? Alla mhux hekk! Hu jħobbna u jagħtina ċans. Jekk nagħmlu xi ħaġa ħażina, Alla ma jgħidx, daqshekk tajtek ċansijiet u issa ma nħobbokx aktar. Tiftakru x’qal sid il-għalqa? Ma ħallihomx jaqilgħu s-sikrana, iżda ħallihom jikbru t-tnejn, u Alla l-istess jagħmel, jibqa’ jħallina nikbru u jagħtina ċans ujgħinna biex insiru aħjar.

Ġieli kien hemm min qallek “U inti x’tifhem, għadek żgħir!”? Għal Alla kulħadd importanti. Iż-żerriegħa tal-mustarda u l-ħmira jekk jaqgħulek mal-art lanqas issibhom daqs kemm huma żgħar, imma jekk iż-żerriegħa tinżera u l-ħmira titpoġġa mad-dqiq u tinħema, jinbidlu u jikbru! Alla jrid irid li l-kbar jieħdu ħsieb lit-tfal biex huma wkoll jikbru, isiru bħal Ġesù u għalhekk isiru persuni kbar u tajbin.

Għeżież tfal, intom għadkom żgħar, iżda għal Alla intom importanti daqs l-aktar persuna kbira li teżisti. Ġesù, illum qed jgħidilkom biex ma taqtgħux qalbkom. Huwa jrid li mil-lum tibdew tagħmlu affarijiet tajbin biex issiru tfal bravi.

Aħna nibdew inħobbu lil Ġesù minn meta nkunu tfal. L-imħabba tagħna tkun żgħira bħaż-żerriegħa tal-mustarda. Imma aktar ma nikbru aktar nibdew nisimgħu dwar Ġesù u nagħmlu affarijiet tajbin u aktar insiru inħobbu lil Ġesù. Ftit ftit, din l-imħabba tagħna tikber u tikber bħalma għamlet iż-żerriegħa. Kibret u saret siġra!

Din l-attività l-aħjar li ssir bl-għajnuna tal-ġenituri jew aħwa akbar. Jagħmlu ż-żebgħa kanella ma’ sieq u jagħmlu footprint fuq il-karta, imbagħad biż-żebgħa ħadra, jagħmlu handprints, biex tiġi tixbaħ l-istampa ta’ hawn taħt. Jekk ma għandnix żebgħa jew forsi naħsbu li biż-żebgħa t-tfal jistgħu jħamġu ħafna, tista’ minflok bil-lapes titieħed il-forma tas-sieq u l-id, jinqatgħu u jitwaħħlu biex jiġu bħal l-istampa ta’ hawn taħt u jingħataw il-kulur.

Meta tkun lesta l-istampa, ngħinu lit-tfal billi nsemmu dawn l-eżempji:

  • Nitlob
  • Nigdeb
  • Nieħu xi ħaġa li mhix tiegħi
  • Immur għal-laqgħat tad-duttrina
  • Nisma stejjer mill-Bibbja
  • Nirrabja
  • Ngħin fid-dar
  • Noqgħod attent fil-knisja

Minn dawn l-eżempji (nistgħu inżidu oħrajn jekk nixtiequ) it-tfal jagħżlu dawk li huma azzjonijiet/deċiżjonijiet tajbin u dawk li ma humiex. Bl-għajnuna, skont kif hemm bżonn, jiktbu l-eżempji tajbin fil-pala tal-id. Meta aħna nagħmlu affarijiet tajbin, aktar ma nsiru nafu u nħobbu lil Ġesù, aktar nikbru f’persuni sbieħ, l-istess kif dik iż-żerriegħa żgħira tikber f’siġra kbira.

Flimkien nisimgħu din is-song, wara jekk ma fhemuhiex infehmuhilhom, Make that change.

Nota: is-siġra magħmula mill-idejn u saqajn għax biex nagħmlu ħafna mill-affarijiet irridu nużaw kemm l-idejn kif ukoll is-saqajn, jekk qatt ma nagħmlu xejn, ma tantx nistgħu nsiru persuni aħjar!

Grazzi Ġesù li għalkemm għadna żgħar inti tħobbna ħafna u aħna importanti għalik. Grazzi li tgħina biex nikbru u nsiru persuni aħjar.

Bħal kull ġimgħa l-Prayer Corner se tgħinna biex nifhmu aktar it-tema tal-Evanġelju.

Illum Ġesù se jgħidilna tlett parabboli! Tiftakru x’inhi parabbola? (parabbola hija storja li permezz tagħha nifhmu aktar dak li jrid jgħidilna Ġesù).

  • Alla huwa ħanin u għandu ħafna paċenzja, ma jaqtax qalbu minna
  • Meta nagħmlu affarijiet tajba, anke jekk żgħar ħafna Alla jieħu gost bihom
  • Dawn l-affarijiet żgħar u tajbin, lilna jagħmluna persuni aħjar
  • Non toxic acrylic paint, kanella u aħdar
  • Karta A3
  • Lapes

Illum Ġesù qalilna ħafna affarijiet. Mhux bilfors fhimna kulma qalilna. Anki l-appostli ma fhemux u Ġesù spjegalhom x’ried jgħid. Għalhekk, m’għandniex għalfejn niddejqu nistaqsu meta ma nifhmux kollox.

L-ewwel ħaġa li jrid jgħidilna Ġesù hija li aħna nistgħu niltaqgħu ma’ nies, u forsi diġà nafu bi ħbieb, li ma jagħmlux dak li jixtieq Ġesù. Huwa jixtieq li ma nwarrbuhomx, mhux biex insiru bħalhom aħna, iżda biex huma jsiru bravi bħalna. Ġesù jrid li kulħadd ikun tajjeb, u jibqa’ jagħtina ċ-ċans li ninbidlu. Anke aħna, mhux dejjem nagħmlu kollox tajjeb. Xi drabi aħna nagħmlu għażliet ħżiena. Ġesù, qatt ma jgħidilna, ‘daqshekk, ma rridx inkun naf aktar bikom’. Minflok, huwa tana s-sagrament tal-qrar biex meta jiddispjaċina, aħna nerġgħu nsiru ħbieb miegħu. Hu dejjem ikun qiegħed jistenna biex nersqu lejh u hu se jibqa’ jħobbna dejjem.

Fil-parabbola tal-mustarda, Ġesù jurina li għalkemm aħna żgħar, jekk inħalluh, hu jista’ jagħmel affarijiet kbar permezz tagħna. Bl-eżempju tajjeb tagħna, ħbieb li ġie li jagħmlu affarijiet ħżiena, jinbidlu u jibdew jagħmlu bħalna: affarijiet tajbin. Għalhekk, għandna nitolbu lil Ġesù biex jgħinna u jurina kif għandna nġibu ruħna ma’ tfal bħal dawn. Ġesù jibgħatilna lill-ġenituri, lill-qassisin, lill-għalliema u lill-katekisti, biex huma juruna u jgħidulna kif nistgħu ngħinu lil dawn it-tfal.

Ħadd ma kien jaf kollox mal-ewwel. Kulħadd rid jitgħallem. Aħna l-istess. Fittxu ftit fuq l-internet u araw kemm hi żgħira ż-żerriegħa tal-mustarda, iżda meta tikber issir siġra.

L-istess il-ħmira! Qatt rajtu ħmira? Din ukoll żgħira ħafna, iżda jekk ma nżidux ħmira mat-taħlita tal-ħobż, minflok xi ħobża tal-malti nispiċċaw b’xi ħaġa tixbah il-pitta bread: xi ħaġa ċatta! Mela ara dik il-ħmira li bilkemm tidher kemm tagħmel differenza! Anke intom, għalkemm żgħar, xorta tistgħu tagħmlu differenza. Ġesù għandu ħafna fiduċja fikom li tistgħu tagħmlu dan. Għal Ġesù kulħadd huwa important, hu min hu u għandu kemm għandu żmien.

Iż-żerriegħa meta sabet art tajba, saret siġra. Aħna wkoll bl-għajnuna ta’ oħrajn u bir-rieda tagħna wkoll, insiru kbar u sbieħ bħal dik is-siġra tal-parabbola. Is-siġra meta kibret saret dar għall-għasafar, aħna meta nitkellmu mal-oħrajn dwar Ġesù u nagħtu eżempju tajjeb, inkunu qed inressqu oħrajn lejn Ġesù; kif is-siġra għenet lill-għasafar, aħna ngħinu lill-oħrajn.

Minn żerriegħa żgħira, Alla joħloq siġra kbira. Mill-ftit tagħna, Alla wkoll jista’ jagħmel ħwejjeġ kbar. Biex dan isir, irid ikollna fiduċja f’Alla, irid ikollna l-fidi fih. Nitolbu kuljum biex Alla jagħtina dan ir-rigal kbir ukoll; li aħna jkollna l-kuraġġ u l-għerf li nafdaw fih u li jkollna l-fidi.

Flimkien mal-ġenituri, nagħmlu l-attività ta’ din il-ġimgħa, fejn se naħsbu dwar dak li nistgħu nagħmlu biex insiru nafu aktar lil Ġesù, insiru nħobbuh aktar u għalhekk nikbru f’persuni tajba.

Biż-żebgħa kanella nagħmlu footprint fuq il-karta, imbagħad biż-żebgħa ħadra, nagħmlu handprints, bħalma hemm fl-istampa ta’ hawn taħt. Jekk ma għandnix żebgħa jew forsi naħsbu li biż-żebgħa se naqilgħu ħafna ħmieġ, nistgħu minflok bil-lapes nagħmlu cutouts ta’ foot print u handprints u nwaħħuhom bħall-istampa, nistgħu wkoll nagħtuhom il-kulur.

Imbagħad naħsbu ftit. Iż-żerriegħa għandha bżonn art tajba, xemx, ilma, nutrijenti biex tikber f’siġra. Aħna x’għandna bżonn biex nikbru f’persuni tajba? Inħallu lit-tfal jagħtu l-ideat tagħhom, u jiktbuhom fl-għeruq tas-siġra (swaba tas-sieq). Nistgħu ngħinuhom jekk hemm bżonn (dawn huma xi eżempji: talb, quddies, qari tal-Bibbja). Fil-weraq (handprint) jiktbu l-azzjonijiet tajba li jistgħu jagħmlu (bħal: jgħinu lill-oħrajn (jagħtu eżempji konkreti ta’ din l-għajnuna), jaqraw stejjer mill-Bibbja lil ħuthom iżgħar, imorru laqgħat tad-duttrina, imorru l-quddies u jekk jistgħu jagħtu sehem bħala abbatini, membri fil-kor)

Waqt li nkunu qegħdin nagħmlu din l-attività nistgħu nisimgħu: Faith https://www.youtube.com/watch?v=vTCQ81-7MnA.

Nota: is-siġra magħmula mill-idejn u saqajn għax biex nagħmlu ħafna mill-affarijiet irridu nużaw kemm l-idejn kif ukoll is-saqajn, jekk qatt ma nagħmlu xejn, ma tantx nistgħu nsiru persuni aħjar!

Mulej, għina nifhmu li għalik aħna importanti wkoll u li meta nagħmlu dak li tixtieq inti, dawn l-affarijiet żgħar li nagħmlu aħna, inti tista’ tibdilhom f’affarijiet kbar.

Flimkien ngħidu t-talba ta’ San Franġisk:

Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.
Fejn hemm il-mibgħeda, ħallini nħeġġeġ l-imħabba;
fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra;
fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi;
fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;
fejn hemm id-dlam, ħallini inkebbes id-dawl;
fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ.
La tħallix li iżjed infittex li nkun imfarraġ milli nfarraġ jien;
la tħallix li iżjed jifhimni ħaddieħor milli nifhem lil ħaddiehor jien;
la tħallix li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien.

Għax meta nagħtu, aħna naqilgħu.
Għax meta naħfru, aħna nkunu maħfura.
Għax meta mmutu, inqumu għall-ħajja ta’ dejjem.

Bħal kull ġimgħa l-Prayer Space se tgħinna biex nifhmu aktar it-tema tal-Evanġelju.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.