It-tentazzjoni

L-ewwel Ħadd tar-Randan

Għadna kif bdejna ż-żmien speċjali tar-Randan, fejn il-Knisja tħeġġiġna biex nikbru aktar fil-ħajja spiritwali u fil-ħajja tat-talb, biex naħsbu fl-oħrajn u ngħinuhom, u biex insumu. Huma kollha mezzi li jnisslu fina sens ta’ dixxiplina. Huwa żmien li jfakkarna u jagħtina l-opportunità biex nerġgħu nirriflettu dwar dak li hu l-aktar importanti fil-ħajja tagħna u dak li jagħtiha direzzjoni.

Il-qari kollu tal-lum, jipponta lejn żewġ temi: il-magħmudija u t-tentazzjoni. 

Il-magħmudija hija patt – wegħda. Kull sagrament huwa patt u huwa patt bejn Alla u bejna. Alla dejjem iżomm il-patt li jagħmel magħna u qatt ma jmur lura minnu. Fil-magħmudija, Alla jagħmilna wliedu u jinħafrilna d-dnub tagħna, fost l-oħrajn. Min-naħa tagħna rridu ngħixu ta’ wlied denji ta’ Alla. Forsi tgħidu, imma aħna konna żgħar wisq, ħadd ma staqsiena jekk irridux nitgħammdu. Din hija verità. U din l-għażla għamilnieha għal uliedna wkoll. Iżda aħna msejħa biex ngħixu ta’ ulied Alla kuljum, kull ħin, inkunu fejn inkunu. U għalkemm tgħammidna meta konna trabi, f’kull quddiesa, nhar ta’ Ħadd, nerġgħu nistqarru l-fidi tagħna. B’mod speċjali, ta’ kull sena, il-Knisja tfakkarna u tistaqsina jekk aħna rridux inġeddu dak li meta konna żgħar stqarrewh għalina l-ġenituri u parrini. Issa adulti, għalhekk issa l-għażla hija tagħna u mhux ta’ oħrajn. Fil-Vġili tal-Għid u nhar l-Għid il-Kbir, nerġgħu nġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija. F’dawn il-wegħdiet, aħna:

  • niċħdu t-tentazzjonijiet u dak kollu li ġej mix-xitan
  • b’mod pubbliku nuru li aħna nemmnu f’Alla Missier, f’Alla l-Iben u f’Alla l-Ispirtu s-Santu
  • nemmnu li Ġesù, Iben Alla, sar bniedem, u miet għalina biex isalvana
  • nemmnu li l-Knisja hija waħda, qaddisa, kattolika u appostolika
  • nwegħdu, li ninpenjaw ruħna li nsiru nixbħu lil Kristu
  • nwegħdu, li nħejju ruħna biex wara din il-ħajja niltaqgħu ma’ Alla wiċċ imb’wiċċ u nibqgħu ngħixu miegħu għal dejjem.

Dawn il-wegħdiet jiġu wara ż-żmien tar-Randan, meta aħna, flimkien mal-komunità nisranija kollha, inkunu qegħdin ninpenjaw ruħna biex nagħmlu eżami tal-kuxjenza u b’impenn ġdid u bl-għajnuna offruta mill-Knisja, neżaminaw l-istil ta’ ħajja tagħna u ninbidlu skont fejn u kif hemm bżonn biex ngħixu skont ir-rieda ta’ Alla, li jħobbna u jrid biss dak li hu tajjeb għalina. 

Ser niltaqgħu ma’ tentazzjonijiet? Din hija ċertezza. Anke Ġesù kien ittentat. Ġesù irreżista t-tentazzjonijiet u ssielet magħhom bl-armi tal-Kelma ta’ Alla u t-talb filwaqt li kien akkumpanjat mill-anġli. Din l-għajnuna qegħda hemm għalina wkoll. 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 1, 12-15)

F’dak iż-żmien,l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert.U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli. Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il -Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. It-tliet pilastri tar-Randan huma t-talb, is-sagrifiċċju u s-sawm. Bħala familja aħsbu kif ser tgħixu dan ir-Randan flimkien. Araw li dak li tagħżlu jkun addatt għal kulħadd biex ikun impenn tal-familja kollha. Ħallu lit-tfal jagħtu l-ideat tagħhom ukoll. 
    1. Ftehmu dwar ħin ta’ talb flimkien. X’ser tagħmlu f’dan il-ħin? 
    2. Minn xiex ser issumu? Jekk ser tiċċaħħdu minn ikel, tistgħu tagħtu dawn il-flus għall-karità? Iddeċċiedu mill-bidu nett lil-liema organizzazzjoni ser tagħtu l-flus. Jekk ser tiċċaħdu minn ħin ta’ divertiment, bħal ħin ta’ logħob, ħin li taraw xi programm favorit, x’ser tagħmlu minflok? Jista’ jkun li f’dan il-ħin, ikollkom il-ħin ta’ talb flimkien? Tistgħu tużaw dan il-ħin biex tkunu ta’ għajnuna għall-oħrajn? L-għajnuna tista’ anke tkun telefonata lil xi qraba jew ħbieb li tafu li huma waħedhom. 
  4. Fakkru lil xulxin f’dan l-impenn u ssapportjaw lil xulxin. Ippjannaw ukoll kif ser tiċċelebraw il-ġurnata tal-Għid.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (1, 12-15);
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Tfal bdejna żmien ir-Randan. Tafu għalfejn dan iż-żmien huwa speċjali? Huwa twil 40 ġurnata. In-numru 40 jissemma wkoll fl-Evanġelju tal-lum.

  • L-Anġlu Kustodju jgħinni nagħmel għażliet tajbin
  • Printouts tal-anġlu
  • Lapsijiet
  • Kuluri 
  • Stampi tad-deżert tal-Ġudea

Fejn mar Ġesù? (fid-deżert)

Tafu x’inhu deżert? (post fejn ma hemmx djar, ma hemmx nies oħra, ma hemmx ħwienet, ma jikber xejn. Nota lill-ġenituri: sibu stampi tad-deżert tal-Ġudea u uruhomlhom)

Kemm dam hemmhekk? (40 jum)

X’taħsbu li qagħad jagħmel dan il-ħin kollu waħdu? (ma hemmx tweġibiet tajba jew ħżiena, ħallu lit-tfal iwieġbu bl-imaġinazzjoni tagħhom)

Meta Ġesù kien fid-deżert qagħad jitlob. Dam ħafna jitlob u wara kien għajjien ħafna, kellu l-ġuħ u l-għatx. Dak il-ħin meta Ġesù ma tantx kien b’saħħtu x-xitan ipprova jittentah biex jagħmel affarijiet li Alla ma kienx ser jieħu gost bihom. Madanakollu, tafu x’ġara? Għalkemm Ġesù kien għajjien u bil-ġuħ u bl-għatx, huwa żamm is-saħħa kollha biex jgħid le lix-xitan. U tafu kif baqa’ b’saħħtu daqshekk?

Ġesù baqa’ b’saħħtu (bħala bniedem), għax dak il-ħin kollu fid-deżert, hu kien qagħad jitlob u l-anġli kienu jassistuh u jakkumpanjawh. Wara li Ġesù rebaħ lix-xitan u qallu li ma riedx jagħmel dak li qallu jagħmel, mar fejn kien hemm ħafna nies fl-irħula u fl-ibliet, għax issa kien lest u ppreparat biex jgħid lil kulħadd li Alla jħobbhom ħafna.

Ġesù ma jridx li aħna mmorru noqgħodu fid-deżert! Lanqas ma jrid li aħna ma nieklux u ma nixorbux! Ġesù jgħallimna li biex inkunu b’saħħitna u biex nagħżlu bejn dak li hu tajjeb minn dak li hu ħażin, irridu nitolbu kuljum u nagħmlu sagrifiċċji biex nitgħallmu nikkontrollaw lilna nfusna.

Tridu tagħmlu bħal Ġesù? 

Ġesù dam 40 jum jitlob fid-deżert. Ir-Randan huwa twil 40 jum. Mela kuljum, matul ir-Randan, fakkru lill-mama u lill-papa biex titolbu flimkien, jew taqraw xi ġrajja mill-Bibbja.

Fid-deżert, l-anġli għenu lil Ġesù. Intom tafu li Ġesù takom anġlu speċjali biex jieħu ħsiebkom u jgħinkom tagħżlu dak li hu tajjeb? 

Ix-xitan ipprova jittenta lil Ġesù biex jagħmel affarijiet li Alla ma jieħux gost bihom. Intom ġieli tagħżlu li tagħmlu xi ħaġa li Ġesù ma jieħux gost biha? Bħal per eżempju tgħidu xi gidba, ma tobdux lill-mama u lill-papa, tkissru xi ħaġa għal tal-apposta għax tkunu rrabjati?

Fl-attività tal-lum ser nitolbu lill-Anġlu speċjali tagħna biex jgħinna. 

Nota lill-ġenituri: Għinu lit-tfal jaħsbu dwar dak li għamlu ħażin f’dawn l-aħħar ġranet. Ħallu lilhom jaslu għal dak li għamlu ħażin, issuġġerulhom biss, jekk taraw li ma jistgħux jiftakkru. Fuq il-printouts tal-anġlu (tifel jew tifla, skont liema jixtiequ t-tfal) għinuhom biex ipinġu jew jiktbu din is-sitwazzjoni. Żewġt iĦdud ilu, għentu lit-tfal jarmaw rokna ta’ talb fid-dar. Jistgħu jpoġġu din it-tpinġija hemmhekk. 

Irroddu s-salib.

Flimkien għidu t-talba tal-Anġlu Kustodju.  

Isimgħu u kantaw, My Guardian Angel.

Fl-Evanġelju tal-lum ser naraw li x-xitan ipprova jittenta anki lil Ġesù. 

  • Il-kelma Evanġelju tfisser Aħbar Tajba
  • Ġesù jurina li t-talb jagħtina l-qawwa biex ngħidu le lit-tentazzjonijiet 
  • Nindem tfisser li ngħix kif jixtieq Alla
  • Printout tat-tshirt jew tshirt li tistgħu tiktbu u tpinġu fuqu
  • Kuluri u dekorazzjonijiet

Illum smajna li wara li Ġesù baqa’ fid-deżert jitlob għall-40 jum u rebaħ ukoll lit-tentazzjonijiet tax-xitan, hu mar ixandar l-Evanġelju. Il-kelma Evanġelju tfisser aħbar tajba. Kieku Ġesù kien jgħix illum, kif taħsbu li kien iwassal din l-aħbar? (gazzetti, social media, television, laqgħat man-nies)

Fi żmien Ġesù ma kienux jeżistu l-mezzi li għandna llum. L-unika mod li Ġesù seta’ jwassal din l-aħbar tajba, kien li jmur minn raħal għal ieħor, jiġbor lin-nies madwaru, jew imur fis-Sinagoga, fejn ikun hemm in-nies miġbura u jgħallimhom.  Ġesù jgħid “indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

Li tindem tfisser li ma nibqgħux nagħmlu dak li jfettlilna, imma nagħmlu dak li jixtieq Alla minna. Alla tant iħobbna li ried jurina wkoll xi jfisser li ngħixu kif jixtieq hu. Għalhekk, Ġesù sar bniedem bħalna, biex jurina kif għandna ngħixu. Biex insiru nafu aktar kif għex Ġesù, irridu nisimgħu u naqraw l-Evanġelju. Mhux faċli li ngħixu kif jixtieq Alla. Lanqas għal Ġesù ma kienet faċli. Ġesù, baqa sod fit-talb u hekk irreżista t-tentazzjonijiet tax-xitan. Tiftakru, anke fil-qari tal-ġimgħa l-oħra, smajna li Ġesù mar jitlob?

Ir-Randan huwa żmien li jgħinna nerġgħu niftakru kif Alla jixtieq li ngħixu: nitolbu, ngħinu lill-oħrajn u nsumu. Li nsumu jfisser li niċċaħdu minn xi ħaġa li nieħdu gost biha, tista’ tkun ikel jew divertiment. Meta jirnexxielna niċċaħdu minn xi ħaġa, inkunu qed nittrejnjaw lilna nfusna biex ngħidu le lid-dnub ukoll. L-istess kif għamel Ġesù wara dawk l-40 jum fid-deżert! 

Minbarra li nindmu, irridu wkoll nemmnu fl-Evanġelju, fl-aħbar it-tajba. Imma qabel ma nemmnuha rridu nkunu nafu x’inhi din l-aħbar it-tajba! Din insibuha fil-Bibbja. Għalkemm il-mezzi ta’ kif inwasslu l-aħbarijiet, illum huma differenti minn dawk ta’ żmien Ġesù, u hemm ħafna modi wkoll, l-aħbar it-tajba tibqa’ dejjem l-istess: li Alla jħobbna, Alla huwa ħanin u tajjeb, Alla jaħfrilna, Alla bagħat lil Ibnu biex jurina kif għandna ngħixu u biex isalvana.

Ir-riklami u slogans miktuba mal-ħitan jew fuq il-ħwejjeġ, ukoll huma mod li jitwassal messaġġ.  Ġesù, illum irrid lilkom twasslu din l-aħbar it-tajba. Jekk għandkom tshirt li tistgħu tiktbu u tpenġu fuqu, użaw lilu, jekk le, użaw il-printout tat-tshirt. Fuq it-tshirt iktbu slogan biex twasslu l-Aħbar it-Tajba lil min jaqraha. Meta tlestu tistgħu tiddekoraw il-bqija tat-tshirt. Ħudu ħsieb li l-kliem jibqgħu jidhru aktar mid-dekorazzjonijiet. Tridu taqsmu din l-Aħbar it-Tajba ma’ oħrajn, kif jixtieq Ġesù? Ibgħatu ritratt jew stampa ta’ dan it-tshirt li għamiltu lil bekids@maltadiocese.org u hekk twasslu l-messaġġ tagħkom għand oħrajn ukoll.

Waqt li qegħdin tagħmlu dan it-tshirt, isimgħu, Jesus is the good news.

Irroddu s-salib.

Ġesù, inti trid li nwasslu l-Aħbar it-Tajba lill-oħrajn. Għinna biex ma nistħux nitolbu quddiem l-oħrajn, li nagħmlu għażliet tajba, li jkollna kuraġġ li nitkellmu dwarek ma’ sħabna. Għinna wkoll biex matul dan ir-Randan insiru nafuk aktar u nħobbu u ngħinu lill-oħrajn kif tixtieqna inti. Ammen.

1. L-Evanġelju tal-lum, jirrakkuntalna li l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù...

Correct! Wrong!

2. Kemm-il ġurnata għamel Ġesù fid-deżert?

Correct! Wrong!

3. Matul dawn il-jiem, Ġesù kien qed jiġi mġarrab minn xi ħadd. Min kien dan?

Correct! Wrong!

4. X'kien l-appell li għamel Ġesù, huwa u jxandar l-Evanġelju ta' Alla?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.