Sta Katarina kienet Taljana. Hi għexet fin-nofs tal-14-il seklu. Twieldet f’nofs pandemija tal-pesta fi Siena ġo familja ta’ 25 wild. Imma nofs dawn it-tfal mietu meta kienu għadhom żgħar. Biex japprezza l-kobor tal-missjoni ta’ Katarina, wieħed irid jifhem kif kienu jgħixu n-nies ġo Siena, kif ukoll kif kienu jgħixu ġol-Italja kollha. Matul ħajjitha, Katarina esperjenzat il-pesta 3 darbiet.
L-Italja kienet maqsuma fi stati li ħafna drabi kienu jiġġieldu bejniethom il-ħin kollu. Nies qawwija kienu jidħlu fi ġlied bejniethom kif ukoll bejn il-familji. Il-Knisja Rumana kienet għaddejja minn wieħed mill-agħar żminijiet tagħha. Bħala riżultat tal-ġlied li kien hemm fil-Knisja nnifisha, il-Papa kellu jmur jgħix f’Avignon fi Franza. Anke meta kienet għadha tifla, hi wriet natura reliġjuża u kellha esperjenzi spiritwali. Katarina diġà kienet iddeċidiet li tgħix magħquda ma’ Kristu. Hi qatgħet xagħarha biex ma tidhirx sabiħa u għalqet lilha nnifisha fil-kamra tagħha titlob u ssum. Meta kellha 18-il sena daħlet mat-Terzjarji Dumnikani u flimkien ma’ nisa oħra kienet tgħin lill-morda speċjalment lil dawk tal-pesta. Meta kellha 21 sena kellha esperjenza mistika li biddlitilha ħajjitha. Kien f’dan iż-żmien li hi tgħallmet tikteb u taqra. Hi qatt ma kienet tgħallmet skola għax dak iż-żmien il-biċċa l-kbira tan-nies kienu illitterati. Dak li kienet taf fuq ir-Reliġjon kien ġej minn dak li kienet tisma’ fil-Knisja. U minkejja dan, hi obdiet dak li kien jgħidilha Kristu fl-esperjenzi mistiċi tagħha. Hi ħadmet biex ixxerred messaġġ ta’ paċi u għaqda fost il-ġlied aħrax li minnu kienet għaddejja l-Italja.
Kienet tivjaġġa, avolja f’nofs ġlied aħrax, iffaċċjat rejiet u rġejjen u ħafna nies, anke dawk fil-Knisja li kellhom pożizzjoni għolja, kif ukoll nies tal-għalqa u ħabsin. Hi kitbet madwar 400 ittra u kitbiet oħra mimlijin tagħlim spiritwali u talb li għadu prezzjuż sal-lum. Hu mifhum li kien għall-influwenza tagħha li l-Papa Gregorju XI telaq Avignon u reġa’ lura lejn Ruma.
Bl-għajnuna t’Alla rnexxielha tagħmel dan kollu u aktar, kollox għal Alla, fi żmien veru qasir għax hi mietet meta kellha biss 33 sena . Jemmnu li wara li mietet dehru l-pjagi ta’ Kristu f’ġisimha. Hija l-Patruna ta’ Siena u tal-Ewropa kollha. Santa Katarina hija mudell għall-ġenituri, għal kull min jieħu ħsieb it-tfal u għall-edukaturi kollha.
Hi ma kellhiex xi edukazzjoni kbira u l-Papa Pawlu VI ddikjaraha Duttur tal-Knisja, titlu li hu ġeneralment mogħti lill-qaddisin kbar li fil-kitba tagħhom urew tagħlim li jispikka għall-importanza teoloġika tiegħu. Hija l-unika mara lajka li ngħatat dan it-titlu.
Alla jagħti lil kull wieħed u waħda minna talenti li jridna nużawhom biex titwettaq fina r-rieda tiegħu. Ix-xogħol tagħna hu li nnisslu fit-tfal il-motto ta’ Katarina “Kun dak li Alla jixtieqek tkun”. Noqogħdu attenti li ma ninfluwenzawhomx biex jagħmlu huma l-proġetti tagħna. L-attitudnijiet tagħna jridu jgħinu lit-tfal biex jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom, biex jibnu l-futur tagħhom ibbażat fuq l-ugwaljanza tal-ġeneru.