Santa Katarina ta’ Siena

29 ta' April

Sta Katarina kienet Taljana. Hi għexet fin-nofs tal-14-il seklu. Twieldet f’nofs pandemija tal-pesta fi Siena ġo familja ta’ 25 wild. Imma nofs dawn it-tfal mietu meta kienu għadhom żgħar. Biex japprezza l-kobor tal-missjoni ta’ Katarina, wieħed irid jifhem kif kienu jgħixu n-nies ġo Siena, kif ukoll kif kienu jgħixu ġol-Italja kollha. Matul ħajjitha, Katarina esperjenzat il-pesta 3 darbiet. 

L-Italja kienet maqsuma fi stati li ħafna drabi kienu jiġġieldu bejniethom il-ħin kollu. Nies qawwija kienu jidħlu fi ġlied bejniethom kif ukoll bejn il-familji. Il-Knisja Rumana kienet għaddejja minn wieħed mill-agħar żminijiet tagħha. Bħala riżultat tal-ġlied li kien hemm fil-Knisja nnifisha, il-Papa kellu jmur jgħix f’Avignon fi Franza. Anke meta kienet għadha tifla, hi wriet natura reliġjuża u kellha esperjenzi spiritwali. Katarina diġà kienet iddeċidiet li tgħix magħquda ma’ Kristu. Hi qatgħet xagħarha biex ma tidhirx sabiħa u għalqet lilha nnifisha fil-kamra tagħha titlob u ssum. Meta kellha 18-il sena daħlet mat-Terzjarji Dumnikani u flimkien ma’ nisa oħra kienet tgħin lill-morda speċjalment lil dawk tal-pesta. Meta kellha 21 sena kellha esperjenza mistika li biddlitilha ħajjitha. Kien f’dan iż-żmien li hi tgħallmet tikteb u taqra. Hi qatt ma kienet tgħallmet skola għax dak iż-żmien il-biċċa l-kbira tan-nies kienu illitterati. Dak li kienet taf fuq ir-Reliġjon kien ġej minn dak li kienet tisma’ fil-Knisja. U minkejja dan, hi obdiet dak li kien jgħidilha Kristu fl-esperjenzi mistiċi tagħha. Hi ħadmet biex ixxerred messaġġ ta’ paċi u għaqda fost il-ġlied aħrax li minnu kienet għaddejja l-Italja. 

Kienet tivjaġġa, avolja f’nofs ġlied aħrax, iffaċċjat rejiet u rġejjen u ħafna nies, anke dawk fil-Knisja li kellhom pożizzjoni għolja, kif ukoll nies tal-għalqa u ħabsin. Hi kitbet madwar 400 ittra u kitbiet oħra mimlijin tagħlim spiritwali u talb li għadu prezzjuż sal-lum. Hu mifhum li kien għall-influwenza tagħha li l-Papa Gregorju XI telaq Avignon u reġa’ lura lejn Ruma.

Bl-għajnuna t’Alla rnexxielha tagħmel dan kollu u aktar, kollox għal Alla, fi żmien veru qasir għax hi mietet meta kellha biss 33 sena . Jemmnu li wara li mietet dehru l-pjagi ta’ Kristu f’ġisimha. Hija l-Patruna ta’ Siena u tal-Ewropa kollha. Santa Katarina hija mudell għall-ġenituri, għal kull min jieħu ħsieb it-tfal u għall-edukaturi kollha.

Hi ma kellhiex xi edukazzjoni kbira u l-Papa Pawlu VI ddikjaraha Duttur tal-Knisja, titlu li hu ġeneralment mogħti lill-qaddisin kbar li fil-kitba tagħhom urew tagħlim li jispikka għall-importanza teoloġika tiegħu. Hija l-unika mara lajka li ngħatat dan it-titlu.
Alla jagħti lil kull wieħed u waħda minna talenti li jridna nużawhom biex titwettaq fina r-rieda tiegħu. Ix-xogħol tagħna hu li nnisslu fit-tfal il-motto ta’ Katarina “Kun dak li Alla jixtieqek tkun”. Noqogħdu attenti li ma ninfluwenzawhomx biex jagħmlu huma l-proġetti tagħna. L-attitudnijiet tagħna jridu jgħinu lit-tfal biex jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom, biex jibnu l-futur tagħhom ibbażat fuq l-ugwaljanza tal-ġeneru.

Katarina qatt ma ħadmet għal rasha. Numru ta’ nisa u rġiel għexu magħha. Kienu “grupp ta’ nies b’talenti kbar” li emmnu fil-missjoni tagħha u li għenuha bl-esperjenza tagħhom kif ukoll bil-flus. Kienu jakkumpanjawha wkoll fil-vjaġġi diffikultużi tagħha.

Iddiskuti mat-tfal l-importanza li naħdmu flimkien fil-ħajja ta’ kuljum. Li naħdmu ġo tim xi kultant iġib xi nuqqas ta’ ftehim, fehemhom li meta xi ħadd ma jaqbilx magħhom ma jfissirx li ma jħobbhomx aktar. Iddiskuti kif iridu jġibu ruħhom f’dawn iċ-ċirkustanzi. 

Fit-talb tagħna naħsbu fil-Papa Franġisku, fl-Isqof Charles Scicluna u fl-Isqfijiet l-oħra Maltin u Għawdxin. U f’persuni oħra li jappartjenu għal xi gruppi ħalli jkunu bil-għaqal u jaqdu l-missjoni tagħhom. Nitolbu wkoll għall-mexxejja tal-pajjiżi madwar id-dinja biex jaħdmu għall-paċi.

Din it-tifla mlaqqma “Ewfrażina” li tfisser “ferħ” issagrifikat ħajjitha biex tħobb lil Alla. Matul ħajjitha kitbet ħafna ittri lil ħafna nies, għenithom biex jiltaqgħu m’Alla u għenet ħafna morda anke fi żminijiet iebsa tal-Knisja. Snata Katarina hija eżempju ta’ mħabba u għajnuna.

Attività:

Ikteb ittra lill-ħabib biex tgħidlu x’tgħallimt minn Santa Katarina u kif int se tħobb u tgħin lil ħaddieħor f’ħajtek.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.