L-Evanġelju tal-lum jerġa jlaqqana ma’ parabbola oħra. Re ħejja festa għat-tieġ tat-tifel tiegħu. Kollox kien lest mill-aħjar. Ħaġa biss kien jonqos: il-mistednin. L-ewwel mistiedna, ma riedux imorru, u ġabu kull xorta ta’ skuża biex ma jmorrux. Ir-re ma riedx li din il-festa ma ssirx, għalhekk bagħat lill-qaddejja biex jgħidu lil kulmin jiltaqgħu miegħu biex imur għall-festa. Minn dawn, kien hemm ħafna li marru, tant li l-festa saret u r-re feraħ. Madanakollu, waqt li kien qiegħed idur mal-mistednin, ir-re rrabja għal wieħed raġel li ma kienx liebes l-ilbies tal-festa. Ta’ min jinnota, li f’dak iż-żmien, l-invit kien ukoll jinkludi l-ħwejjeġ! Hekk kif jaslu għall-festa, il-mistednin kienu jbiddlu fil-ħwejjeġ imħejjija. Għalhekk irrabja ferm dan ir-re, għaliex dan ir-raġel kien qiegħed jisfidah. L-invit kien laqgħu iżda ma riedx jilbes l-ilbies imħejji għalih u b’hekk wera disrispett kbir lir-re u lit-tifel tiegħu.
Forsi naħsbu u ngħidu: ‘kemm kienu boloh, kieku jien saqajja ma’ dahri mort għat-tieġ tat-tifel tar-re!’ Fil-fatt din l-istedina aħna rċevejnieha wkoll. Ma’ liema mistednin ngħoddu lilna nfusna? Il-festa hija l-ħajja ta’ dejjem. Ikoll mistednin biex immorru. Hemm min ma jilqax dan l-invit. Oħrajn jilqgħuh iżda ma jagħmlu xejn biex jakkwistaw dan ir-rigal, bħar-raġel li ma riedx jilbes għall-okkażżjoni. Hemm ħafna oħrajn li jilqgħu l-istedina u jagħmlu minn kollox biex iħejju ruħhom u jkunu mistiedna denji tal-invit. Il-mistednin għall-festa tat-tieġ kienu fil-libertà li jaċċettaw jew le l-istedina. Lilna wkoll, Alla jħallina fil-libertà. Id-deċiżjoni tagħna, iġġorr magħha konsegwenzi. Dak ir-raġel li ma libisx għat-tieġ, intbagħat ‘l barra. X’inhu dan l-ilbies li jissemma fil-parabbola? Is-sagramenti huma żgur parti minn dan l-ilbies. Fil-magħmudija ngħidu ‘nilbsu lil Kristu’. Li tilbes lil Kristu tfisser li tgħix bħalu. Alla jaf li għalkemm id-deċiżjoni tagħna hi li nimxu warajh u li nagħmlu r-rieda tiegħu, hemm drabi meta nfallu. Is-sagrament tal-qrar huwa dak li permezz tiegħu, nerġgħu lura fit-triq it-tajba. L-ilbies tagħna li jitħammeġ bid-dnub, jitnaddaf permezz tal-qrar. It-tqarbin, huwa l-ikel tal-festa, huwa dak li jagħtina l-qawwa biex ngħixu bħal Ġesù, biex l-ilbies tagħna jibqa’ sabiħ u nadif.
Numru ta’ inviti li nirċievu jkollhom l-ittri RSVP, répondez s’il vous plaît, jiġifieri min bagħtilna l-invit qiegħed jistenna tweġiba mingħandna, aħniex se naċċettaw l-istedina jew le. Permezz tal-magħmudija, aħna nsiru parti mill-familja ta’ Alla, parti mill-familja nisranija. Dan huwa l-invit tagħna, u fih RSVP ukoll. Hija stedina li nirċievu kuljum u li rridu nwieġbu għaliha kuljum permezz tal-azzjonijiet tagħna. Li ngħidu li nemmnu f’Alla biss m’huwiex biżżejjed. Jeħtieġ nuru bil-mod li ngħixu, li aħna tassew parti mill-familja ta’ Alla. Din il-parabbola turina li Alla ma jridx li ngħixu ferħana biss wara li mmutu u mmorru ngawdu miegħu l-ħajja ta’ dejjem. Jixtieq li l-festa tat-tieġ tibda minn issa. Qatt ma hu tard wisq li naċċettaw l-invit. Festa ta’ tieġ tfisser ferħ. Papa Franġisku ħareġ enċiklika Fratelli Tutti (Ilkoll Aħwa), fejn juri li meta nsostnu l-ħajja tagħna flimkien bħala aħwa, dan huwa mod li niksbu dan il-ferħ.
3. Ġesu' rrakkonta li s-Sultan, kompla jwettaq il-pjan għall-festa ta' ibnu minkejja kollox. Huwa bagħat lill-qaddejja jiġbru n-nies għall-festa. Kif iddeskriviehom Ġesu'?