Idejn miftuħa

Ir-Raba' Ħadd tar-Randan

Il-parabbola li nisimgħu llum, insibuha biss fl-Evanġelju ta’ San Luqa. Il-messaġġ ta’ din il-parabbola huwa qawwi u jista’ jaqbżilna minħabba li aħna tant aħna familjari ma’ din il-parabbola. Ser nisimgħu l-parabbola tal-Iben il-Ħali li tistedinna biex nikkunsidraw l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla. 

Nies li s-soltu kienu meqjusa fil-periferiji tas-soċjetà kienu miġbuda lejn Ġesù. Nies bħal dawk li jiġbru t-taxxi u li kienu midinbin, kienu miġbudin lejn Ġesù, għax hu kien jaċċetthom u huma kienu jisimgħuh. Għall-kuntrarju, il-Fariżej kienu jitkażaw b’Ġesù meta kien ikun ma’ dan it-tip ta’ nies, minħabba li huma kienu jiġġudikawhom b’saħħa kbira għax kienu jqisuhom li huma bla morali u inferjuri għalihom. Ġesù, ħa l-opportunità biex jgħallem dwar il-maħfra tal-Missier u l-ħniena infinita tiegħu. 

Fil-parabbola, Alla huwa l-missier u aħna l-iben il-ħali. Nibdew billi nirriflettu dwar l-iben li jitlob li jieħu l-wirt tiegħu qabel ma jmut missieru. Kif inħossuna dwar dan? Offiżi? Diżappuntati? Il-missier jagħtih dak li jrid u jaqsam il-ġid tiegħu bejn tnejn. B’din id-deċiżjoni, huwa jsir dipendenti fuq il-providenza ta’ wliedu, għalhekk qed juri fiduċja fihom. Iż-żgħir jieħu l-wirt u jitlaq. It-tifel il-kbir jibqa’ d-dar u jipprovdi għal missieru u għall-propjetà tal-familja. Għalkemm l-azzjoni tat-tifel iż-żgħir kienet ta’ diżunur, il-missier jibqa’ jistenna li jiġi lura. Meta fil-fatt jirritorna, ir-reazzjoni mhijiex dik li wieħed jistenna. Mhux biss jilqgħu lura b’idejh miftuħa, imma wkoll jagħtih ilbies mill-aqwa, ċurkett u jagħmillu festa! Il-missier kważi kważi juri mħabba esaġerata għat-tifel. Hu jaħfirlu u jkun ħanin miegħu. L-istess jagħmel Alla magħna. Daqshekk hija kbira l-imħabba ta’ Alla għalina, meta niddeċiedu li nerġgħu nduru lejh. 

Mhux daqstant diffiċli li niddentifikaw mar-rabja tal-iben il-kbir. Il-missier jgħid li kien hemm bżonn taċ-ċelebrazzjoni minħabba li t-tifel mitluf reġa’ lura; fl-istess ħin, il-missier huwa grat għall-fedeltà tal-kbir. L-imħabba u l-gratitudni li kellu lejh, ma naqsu xejn meta ġie lura t-tifel iż-żgħir. Iżda l-għira tal-kbir, turi li hu ma fehmx kemm kien iħobbu missieru. Din hija parabbola li titkellem dwar ir-relazzjoni ta’ Alla, magħna. Aħna nistgħu inkunu bħat-tifel il-kbir u nirrifjutaw il-ħajja ġdida li qiegħed joffrilna l-Missier, jew nistgħu nkunu umli, naċċettaw li żbaljajna; naċċettaw mhux biss li żbaljajna bħala individwi, imma wkoll bħala komunità nisranija. 

Ir-raba’ Ħadd tar-Randan, insejħulu Laetare, jiġifieri ‘Ifraħ’. Ir-raġuni għal dan il-ferħ huwa mfisser fil-parabbola tal-lum. Fil-mixja tar-Randan, nistgħu aħna wkoll nesperjenzaw it-tgħannieqa tal-Missier, speċjalment fis-sagrament tal-qrar.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 15: 1-3, 11-32) 

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”

U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid’. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.

Imbagħad daħal fih innifsu u qal: ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek’.

Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. It-tifel qallu: ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek’.

Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U għamlu festa.

Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: ‘Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ’. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: ‘Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen’. Qallu missieru: ‘Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Din il-parabbola tirrifletti l-imħabba u ħniena ta’ Alla. Alla tana l-libertà, tana l-libertà li nimxu warajh jew li nirrifjutawh. X’inhi l-għażla li qed tagħmel inti? Dejjem żomm f’moħħok li l-imħabba ta’ Alla għalina hija bla qies, u hu dejjem lest li jaħfrilna permezz tas-sagrament tal-qrar.
  4. Itlob permezz tal-kliem ta’ Papa Franġisku, “Ifdini mill-ġdid, Mulej, ilqagħni mill-ġdid fid-dirgħajn ħelliesa tiegħek”.  Kemm jagħmlilna ġid nerġgħu lura għandu meta nkunu ntlifna!  Għal darb’oħra ninsisti: Alla ma jegħja qatt jaħfer; aħna li negħjew nitolbuh iħenn għalina.” (Evangelii Gaudium, 3)
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (15, 1-3, 11-32)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp roża
    iv. Kurċifiss
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fir-raba’ Ħadd tar-Randan, Ġesù jgħallimna dwar il-maħfra, meta jgħidilna storja dwar tifel li jitlaq mid-dar u jonfoq il-flus tiegħu bla ebda ħsieb. Meta jitlef kollox, saħansitra anke l-ħbieb tiegħu, jiddeċiedi li jmur lura d-dar għand missieru. Din il-parabbola nsejħula tal-Iben il-Ħali.

  • Meta nagħmlu xi ħaġa ħażina u nimxu ‘l bogħod minn Alla, dejjem nistgħu mmorru lura għandu u nitolbuh jaħfrilna
  • Alla dejjem jilqagħna lura b’idejn miftuħa
  • Printout tal-attività tal-lum
  • 3 band aids
  • Lapes / kuluri

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħallima xi ħaġa importanti ħafna permezz ta’ storja ta’ missier li kellu żewġt ulied. Hu jridna nkunu nafu u nifhmu li meta niżbaljaw, dejjem nistgħu nduru lejn Alla u nitolbuh jaħfrilna. Alla jħobbna, għalhekk hu jilqagħna lura b’idejn miftuħa. 

Darba kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir mar għand missieru u qallu li ried is-sehem tiegħu tal-wirt, li kien imiss lilu wara li l-missier imut. Għalkemm iddispjaċih li t-tifel ried jitlaq mid-dar, il-missier tah il-flus u t-tifel telaq idur id-dinja. Dan għamel dak kollu li jfettillu, xtara ħafna affarijiet li jqumu l-flus u minħabba li kellu l-flus, kellu ħafna ħbieb ukoll. Madanakollu, l-flus darba minnhom spiċċaw kollha u telquh ukoll il-ħbieb! Ma kienx jaf x’ser jaqbad jagħmel, għalhekk mar jaħdem ma’ wieħed li kellu l-ħnieżer. Tant kellu ġuħ, li kieku seta’ anke l-ikel tal-ħnieżer kien jiekol. Kemm kien imdejjaq! Waqt li kien hemm, ħaseb dwar l-iżbalji li għamel. Ħaseb dwar missieru u d-dar li kellu. “Anke l-lavranti fid-dar ta’ missieru huma aħjar minni,” qal bejnu u bejn ruħu. Għalhekk iddeċieda li jmur lura. “Ngħid lil missieri li jiddispjaċini ta’ dak li għamilt, u nistaqsih biex naħdem miegħu.”

Taħsbu li l-papa tiegħu kien se jaċċettah biex jaħdem miegħu? Il-missier tant kien ferħan li t-tifel tiegħu reġa’ mar lura, li laqgħu lura bħala ibnu u mhux bħala lavrant.  Il-missier għajjat lill-qaddejja u qalilhom, “Ejjew nagħmlu festa biex niċċelebraw. Dan ibni kien mitluf u nstab.”

L-istorja tispiċċa tajjeb. Ġesù qal din l-istorja għax hija dwarna wkoll u dwar il-mod kif inġibu ruħna. Ħafna drabi nagħmlu għażliet ħżiena, bħalma għamel it-tifel iż-żgħir. Nagħmlu affarijiet mingħajr ma naħsbu humiex ser iweġġgħu lil xi ħadd. Kif nistgħu ngħidu lil Alla li jiddispjaċina, wara li nkunu għamilna xi ħaġa ħażina? Kif nistgħu nistaqsu lil Alla jaħfrilna? Għandna niftħu l-qalb tagħna, niskużaw ruħna ma’ Alla u ngħidulu li se nkunu bnedmin aħjar. Nistgħu nistaqsuh jaħfrilna permezz tas-sagrament tal-qrar (speċjalment għal dawk li diġa bdew jippreparaw għall-Ewwel Tqarbina tagħhom). Alla dejjem jistenniena b’idejh miftuħa. Is-sagrament tal-qrar huwa bidu ġdid għalina. L-imħabba u l-maħfra ta’ Alla, tagħtina l-qawwa biex ngħixu bħala wliedu. 

Biex lil Alla, nuruh li jiddispjaċina, għandkom il-printout tal-qalb. Waħħlu l-Band Aids fejn tridu u iktbu, “IL-MAĦFRA TFEJJAQ IL-QALB MAQSUMA.” Tistgħu tagħtu l-kulur, waqt li tisimgħu, You Forgive Me.

Inroddu s-salib.

Alla Missier, inti trid li aħna ngħixu bħala wliedek. Għinna biex nitolbu maħfra meta nagħmlu għażliet ħżiena. Grazzi li inti dejjem tilqagħna lura, b’idejk miftuħa. Ammen.

Illum huwa r-raba’ Ħadd tar-Randan, wasalna fin-nofs. Dan il-Ħadd insejħulu Laetare; jikkorrispondi mal-Ħadd Gaudete, li niċċelebraw fl-Avvent. Il-kulur liturġiku huwa roża, għax qegħdin b’ferħ nistennew l-Għid il-Kbir. Fil-parabbola tal-Iben il-Ħali, Ġesù jgħallimna biex naħfru.

  • Għandna nieħdu responsabbiltà tal-azzjonijiet tagħna u nindunaw li dawn għandhom il-konsegwenzi
  • Is-sagrament tal-qrar iressaqna qrib ta’ Alla

  • Printout tal-attività tal-lum
  • Lapes/kuluri
  • Stickers

Is-sagrament tal-qrar huwa t-tieni sagrament li rċevejtu (wara l-magħmudija, u qabel l-Ewwel Tqarbina). Huwa wieħed mis-sagramenti ta’ fejqan (l-ieħor huwa d-dilka tal-morda). Kif ifejjaqna? Dan is-sagrament jgħallimna li Alla huwa kollu ħniena u mħabba meta aħna nduru lejh f’dan is-sagrament.

Immaġinaw din il-ġrajja. Il-ġenituri tagħkom qalulkom li ma tistgħux tilgħabu bil-ballun ġewwa. Darba minnhom, meta l-ġenituri tagħkom ma kinux id-dar, inti u ħuk iddeċidejtu li tilgħabu ġewwa, avolja kontu tafu li ma misskomx għamiltu hekk. Kif kontu qegħdin tilgħabu, il-ballun laqat lampa, din waqgħet u nkisret. X’ser jgħidu meta jiġu lura l-mama u l-papa? X’aktarx se jirrabjaw u jiddispjaċihom li l-lampa nkisret u wkoll għax intom ma obdejtux! Jista’ jkun li inti fil-fatt qatt ma kissirt xi ħaġa b’dan il-mod, imma xi darba jew oħra, kollha kemm aħna kellna nieħdu responsabbiltà ta’ xi ħaġa li għamilna ħażin. Meta taċċetta li għamilt ħażin, x’jiġri? F’dan il-każ forsi qalulek tnaddaf u tiġbor il-biċċiet, jista’ jkun ukoll li tingħata kastig, bħal per eżempju ma tarax TV jew ma tilgħabx xi logħba favorita. Konsegwenza se jkun hemm żgur. Tistgħu timmaġinaw lill-ġenituri tagħkom jagħmlu party, meta inti jiddispjaċik ta’ dak li għamilt ħażin? Dak li jiġri fl-Evanġelju tal-lum. Tifel li għamel xi ħaġa ħażina, qal lill-missieru li jiddispjaċih. Hu ħaseb li l-missier se jirreaġixxi b’mod, iżda r-reazzjoni tal-missier kienet ta’ sorpriża. Nistgħu naraw l-istorja tal-Iben il-Ħali fil-video clip. Meta l-iben imur lura d-dar, wara li ħela l-flus kollha, xi stenna li jagħmel missieru, wara li jitolbu skuża? It-tifel stenna li l-missier jirrabja u li jqisu bħala wieħed mill-qaddejja, u mhux bħala ibnu. Iżda, x’għamel fil-fatt il-missier? Bi stagħġib kbir, il-missier jilqgħu lura b’idejh miftuħa u jagħmel festa, jagħtih ilbiesi ġodda u l-aqwa ikel.

Agħmel printout tal-idejn u fuq kull waħda ikteb sentenza għalfejn huwa importanti li naħfru lill-oħrajn, u x’ser tagħmel id-dar matul din il-ġimgħa biex titratta lil kulħadd b’mod ugwali u ġust. Isma’ is-song, FORGIVNESS.

Il-missier tal-parabbola huwa l-immaġini ta’ kif Alla jixtieq jaħfer lilna. Jekk qatt naħsbu li għamilna xi ħaġa tant kbira, li Alla mhux ser jaħfrilna, nistgħu niftakfru f’din il-parabbola. Meta ngħidu li jiddispjaċina, għandna nistaqsu lil Alla jaħfrilna. Dan nagħmluh permezz tas-sagrament tal-qrar. Ejjew ngħidu l-Att tal-Indiema.

Inroddu s-salib.

Mulejja, Alla tiegħi, inti tħobbni ħafna, jiddispjaċini meta għedtlek le bi dnubieti. Mil-lum ’il quddiem, bl-għajnuna mqaddsa tiegħek, ma nerġax nagħmel dnubiet iżjed u rrid inħobbok fuq kollox.

Ara għal iktar.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.